Illum previous editions

illum 19 February 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/788856

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Frar 2017 Opinjoni 16 D an il-Gvern qiegħed iwettaq bidliet importanti f 'pajjiżna fis- setturi kollha, mhux l-inqas fis-settur kruċjali tal-libertà tal-espressjoni. Minn fejn tlaqna? Tlaqna minn sitwazzjoni fejn artisti kienu jitressqu l-Qorti akkużati b'liġijiet skaduti u antiki, plays li kienu jiġu ċċensurati u l-Gvern jitlef kawża wara l-oħra quddiem il-Qorti Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem fejn jidħlu l-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa. Għidna mill-bidu nett li rridu nirriformaw għall- aħjar il-liġijiet tal-libertà tal-espressjoni. Din il-kelma se nkunu żammejnieha. Bdejna b'liġi li neħħiet ix-xkiel fuq il-libertà tal-espressjoni tal-artisti. L-artisti llum igawdu minn libertà tal-espressjoni bla preċedent b'liġijiet li jtuhom l-opportunità li jmexxu 'l quddiem il- messaġġ tagħhom f 'livelli bla preċedent. Fl-istess waqt rajna li ma tinqabisx il-linja l-ħamra, ċoè ta' dak li jikkostitwixxi, mhux espressjoni artistika, imma hate speech kontra sezzjonijiet tal-poplu jew attakki inġusti kontra nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, bħalma huma l-persuni b'diżabbiltà jew inkella t-tfal. Għalhekk ħloqna bilanċ bejn iktar libertà tal- espressjoni artistika u protezzjoni li tagħmel sens fid-dinja tal-lum tal-għeruq l-iktar kruċjali tas-soċjetà tagħna. Din ir-riforma ma kinitx faċli. Kien hemm min qabel magħna u feraħ magħna meta għaddejna l-liġijiet. Kien hemm ukoll min ġenwinament ma fehemx dak li konna qed ngħidu u baqa' ftit xettiku sal-aħħar. Illum nemmen li s-soċjetà laqgħet l-iżviluppi fil-libertà tal-espressjoni u qed tħares lejhom pożittivament. Is-settur ġurnalistiku Is-settur ġurnalistiku joffri iktar sfidi għaliex il-bilanċ bejn min-naħa waħda l-libertà tal-espressjoni u min-naħa l-oħra d-dritt tal-individwu li jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu hu iktar diffiċli li jintlaħaq. Il-Qrati Ewropej tad- Drittijiet tal-Bniedem, li bla dubju ta' xejn huma d-dawl f 'dak kollu li nagħmlu, jitkellmu dwar il-libertà li ġurnalist għandu jgawdi biex iwettaq dmiru bl-aħjar manjiera. Fl-istess waqt, il-Qrati jitkellmu wkoll dwar l-obbligi tal-ġurnalist li mhumiex żgħar, sabiex wieħed jaċċerta ruħu li l-ħidma ssir b'mod tajjeb. Għalhekk kull liġi li tmiss mal-libertà tal-espressjoni ġurnalista hija liġi li tqanqal dibattitu. Liġi ġdida Din il-ġimgħa nedejna l-proposta ta' liġi ġdida dwar il-media. Il-liġi tal-lum hija liġi tal-1975 li ġiet emendata l-aħħar fl-1996, iktar minn għoxrin sena ilu. Fl-aħħar għoxrin sena żviluppa l-internet, żviluppa l-mod ta' kif il-Qorti Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem taqta' s-sentenzi tagħha, inbidel il- mod ta' kif persuna tirċievi l-informazzjoni, inħolqu sistemi ġodda ta' tixrid ta' informazzjoni u żviluppat is-soċjetà tagħna kollha kemm hi. Din il-proposta ta' liġi għandha l-għan li toħloq il-bilanċ li semmejt qabel. Minn banda waħda tkabbar il-libertà tal-espressjoni ġurnalistika f 'pajjiżna u mill-banda l-oħra tipproteġi d-dritt tal- persuna li jissalvagwardja r-reputazzjoni tiegħu. Bidliet ewlenin L-iktar bidliet prinċipali huma dawn li ġejjin. L-ewwel nett, qed jiġi propost li jitneħħa darba għal dejjem il-libell kriminali. L-Oppożizzjoni qalet li se tneħħi l-libell kriminali, però fl-ewwel opportunità li kellha, insiet tneħħi l-libell kriminali. Dan ifisser li minn mindu tidħol fis-seħħ il-liġi 'l quddiem, ħadd ma jista' jagħmel kawża ta' libell kriminali kontra ġurnalist. Il-libelli kriminali pendenti (li minnhom fadal 9 biss), se jibqgħu jinstemgħu iżda l-proposta tal-liġi tgħid li l-Maġistrat ma jistax jimponi piena ta' ħabs fihom. It-tieni nett, se nneħħu l-possibbiltà li xi ħadd jagħmel mandati kawtelatorji kontra l-persuna l-oħra f 'kawżi ta' libell ċivili. L-Oppożizzjoni, f 'mozzjoni ta' 60 kelma, proponiet li tneħħi biss mandati kontra kontijiet il-bank. Aħna pproponejna li nneħħu mhux biss il- mandati kontra l-kontijiet il-bank, iżda mandati kontra oġġetti (bħal karozzi u għamara) u mandati kontra ażjendi. It-tielet nett, se nwessgħu d-difiżi favur il-ġurnalist meta dan jirċievi kawża ta' libell. Rajna x'qalet il- ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u adattajna l-liġi tagħna. Per eżempju, żviluppajna l-kunċett ta' opinjoni onesta li hija mibnija u żvilupp fuq dak li sal-lum jissejjaħ fair comment.Ma' din, daħħalna r-raba' bidla, ċoè sistemi ġodda ta' medjazzjoni li jgħinu lill-partijiet jaslu fi ftehim kemm jista' jkun. Daħħalna wkoll inċentivi biex wieħed jasal iktar għal ftehim. Nemmen li din hi ħaġa pożittiva mmens. Se nżidu l-ammonti li l-Qorti tista' tagħti f 'danni ċivili. Fl-1975 meta bdiet il-liġi tal-Istampa, l-ammont massimu stabbilit ta' danni li setgħu jingħataw kien ta' Lm2,000. Imbagħad fl-1996, din telgħet għal Lm5,000 u f '20 sena sħaħ ma żdiedet qatt. Issa qed ngħidu li dan l-ammont għandu jiżdied għal €20,000. Kien hemm min rah baxx wisq u kien hemm min rah għoli wisq. Nemmen li dan l-ammont joħloq bilanċ tajjeb. Se ndaħħlu l-possibbiltà li persuna tiftaħ kawża ċivili ta' slander, ċoè meta wieħed jiġi insulentat bid-diskors. F'dak il-każ, l-ammont ta' danni li jista' jingħata se jkun ta' massimu ta' €10,000. Se ndaħħlu wkoll il- possibbiltà li persuna tagħmel kawża ta' libell ċivili għaliex ġiet insulentata l-memorja ta' missieru jew ommu. Ħloqna distinzjoni bejn persuni li ilhom neqsin inqas minn għaxar snin u persuni li ilhom neqsin iktar minn għaxar snin sabiex noħolqu bilanċ f 'dan kollu. Ħadt gost naqra kummenti favorevoli minn diversi ġurnalisti li wħud minnhom anke kitbuli u ċempluli personalment u anke l-pożizzjoni pożittiva ħafna tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Oppożizzjoni negattiva Meta ppubblikajna dan l-abbozz ta' liġi, l-Oppożizzjoni kienet, għal darb'oħra, negattiva. L-ewwel tkellem Beppe Fenech Adami, imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni, imbagħad Mario de Marco assistiti b'xi deputati oħrajn kemm lokali u kemm Ewropej. Il-karatteristika ewlenija tal-Oppożizzjoni kienet waħda: negattiviżmu mill-aktar assolut u iswed f 'attentat iddisprat li tkompli tmexxi 'l quddiem in-narrattiva li pajjiżna jgħix fi stat ta' dittatura mill-iktar kattiva. F'din il-kritika kollha, tqajjem punt li però tajjeb li jiġi spjegat. Dak tar- reġistrazzjoni tal-isem tal-editur tas-servizzi tal- aħbarijiet oħrajn. Pajjiżna għandu uffiċċju, li ġie mwaqqaf bil-liġi tal-1975, fejn fih jitnizzlu l-ismijiet tal-edituri kollha tal-ġurnali u l-istazzjonijiet tat-TV u radju. L-idea hi li ċ-ċittadin ikollu d-dritt li jkun jaf min huma l-edituri tal-mezzi tax-xandir ta' pajjiżna bħala sinjal ta' trasparenza. Matul is-snin twieldu s-servizzi tal- aħbarijiet online u aħna qed ngħidu li dak li japplika għall-edituri tal-ġurnali u l-istazzjonijiet tat-TV u radju japplika wkoll għall-edituri tas-servizzi tal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online. Fl-istess waqt, jinqata' wkoll id- dwejjaq li kultant iridu jgħaddu minnu ġurnalisti online meta - nismagħhom jilmentaw – li kultant ma jiħdux l–istess servizzi bħalma jieħdu l-ġurnalisti ta' mezzi tradizzjonali. Mhu assolutament minnu xejn dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni li aħna rridu nitfgħu mażra fuq l-internet. Kull mhu qed jiġi propost hu li bl-istess mod li l-edituri tas-servizzi tal- aħbarijiet tal-ġurnali, TV u radio jirreġistraw isimhom u ilhom jagħmlu hekk snin kbar, hekk ukoll jirreġistraw isimhom l-edituri tas- servizzi tal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online. L-editur ta' NET TV u Radio 101 ilu għexieren ta' snin jirreġistra ismu u sa fejn naf jien qatt ma smajtu jgħid li l-Gvern qed jindaħallu xi jġib jew ma jġibx fuq it-TV jew Radio. Din hi sempliċi reġistrazzjoni ta' isem, mhux ħruġ ta' liċenzja jew permess. Lanqas hu minnu li l-liġi kif proposta tħalli l-kelma 'website' miftuħa beraħ. Fil-liġi proposta jingħad hekk: 'sit elettroniku' tfisser kwalunkwe servizz tal- aħbarijiet fuq l-internet jew kwalunkwe servizz ieħor relatat mal-aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti fuq l-internet li jopera minn Malta jew li fir-rigward tiegħu jittieħdu deċiżjonijiet editorjali f 'Malta. Għalhekk mhux vera li l-Gvern irid li tiġi reġistrata kull website, mhux vera li l-Gvern irid li kull min joqgħod jikkummenta biex jgħaddi l-ħin ikollu ismu reġistrat u mhux vera lanqas li l-Gvern irid li jiġu reġistrati l-paġni ta' Facebook! Kull ma qed nipproponu hu li l-edituri tas-servizzi ta' aħbarijiet jew ġrajjiet kurrenti online jirreġistraw isimhom bħalma ilhom is- snin jirreġistraw isimhom l-edituri l-oħra kollha. Fuq dan il-punt, u anke l-punti l-oħra fil-liġi, aħna lesti li nilqgħu kwalunkwe suġġerimenti u kummenti u qed inħarsu lejn il-proċess b'mod miftuħ biex insaħħu u ntejbu dejjem iktar il- proposta legiżlattiva. OWEN BONNICI Il-karatteristika ewlenija tal- Oppożizzjoni kienet negattiviżmu mill-aktar assolut f 'attentat iddisprat li tkompli tmexxi 'l quddiem in- narrattiva li pajjiżna jgħix fi stat ta' dittatura mill-iktar kattiva Iktar libertà tal-espressjoni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 February 2017