Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/800763
Il-Ħadd 19 ta' Marzu 2017 | illum Opinjoni 19 META kont ċkejken, hekk kif kont naf ngħodd sal-100, niftakar li l-għalliema tal- primarja, Miss Said, bdiet tgħallem lit-tfal tal-klassi ngħoddu... u hekk, ftit ftit tgħallimt is-somom. Għall-ewwel, ma stajtx nifhem ir-raġunament wara l-ħsieb tan-numri. Ħalli nsemmi żewġ eżempji: tnejn u tlieta jagħmlu ħamsa, u wieħed u erbgħa jagħmlu ħamsa. Maż-żmien intbaħt...l-ebda numru mhu l-istess, imma ħej...aktar minn hekk, l-istess numru jista' jkun kompost minn numri differenti li meta tgħoddhom, wara kollox jgħoddu l-istess numru. Lil hinn mill-pappagalliżmu, bdejt nifhem. F'kelma waħda, tgħallimt li xejn mhu l-istess, imma fl-istess nifs, kull wieħed minna jistinka biex jikseb dak li m'għandux, biex b'hekk forsi, kulħadd ikun l-istess. Kbirt ftit ieħor u l-bagalja ma tlaqtiex minn idejja. Mort l-Università u għalkemm dħalt f 'kors mediku, mill-istudenti tal-liġi tgħallimt li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħal per eżempju dritt għall- ħajja, tal-fehma, tal-espressjoni huma supremi...u jgħaddu kemm jgħaddu liġijiet mill- Parlament biex il-bniedem jirregola l-għemil soċjali u jħares l-ambjent, dawn qatt u qatt ma jiżbqu l-liġi li tħares id-drittijiet fundamentali. Nħosskom tgħiduli: Hawn biex ġej illum... Jingħad li l-President Amerikan magħruf Abraham Lincoln kien tenna li d-demokrazja hi 'Government of the People, by the people, for the people'. (Gvern tal- poplu, mill-poplu, għall- poplu). Fil-fehma tiegħi gvern għaqli hu wieħed li: jirrispetta lil kull ċittadin li jgħożż il-libertà, jħares il-ġustizzja soċjali, għal qalbu għandu l-ħarsien ta' dawk li huma l-aktar vunerabli, jaf jiggverna b'kontabbiltà, jirrispetta s-separazzjoni tal-poteri u hu għażiż ta' dak kollu li jagħti identità lin-nazzjon. F'dinja globalizzata, diġitali u missielta, f 'Malta mibdula, f 'soċjetà li hi multikultari u fejn l-individwaliżmu sar brand, il-kunċett ta' drittijiet ċivili qed jieħdu aktar art. Kliem bħal ugwaljanza, diversità, inklussività, pro- life u pro-choice spiċċaw serqu l-aġenda politika tal- mument. Iżda bħan-numri li tgħallimt fil-klassi primarja ta' Ħaż-Żebbuġ u bħal- liġijiet li kellmuni dwarhom l-Università, filwaqt li għandna naħdmu favur l-ugwaljanza irridu nagħrfu u niċċelebraw id-diversità. Dan l-aħħar, il-Prim Ministru waqt diskors, vara l-possibbiltà tal-kwoti fil- Parlament, li wara kollox ġew addottati f 'ċertu pajjiżi, u b' hekk fetaħ il-bieb beraħ għal aktar diskussjoni, u dan għax il-persentaġġ tan-nisa bħala rappreżentanti tal-poplu fil- Parlament Malti hu wieħed baxx, meta mqabbel mal-indiċi ta' pajjiżi oħra Ewropej. Hu fatt li s-sess feminili għandhom karatteristiċi li huma ferm differenti minn dawk maskili, u huma mhux biss jikkumplimentaw dawk tal- irġiel, iżda jżidu fid-diversità għax jifhmuha differenti. Huma dawn il-kwalitajiet għonja li jkabbru kull tmexxija rappreżentattiva, sija jekk mara tokkupa pożizzjoni fuq in-naħa tal-gvern jew oppozizjoni. Għalhekk flimkien magħkom nixtieq naqsam fehmti u nirraġuna magħkom kif nifhimha. Ser nkun differenti...u għalhekk ser nistħarreġ u nibda billi nsaqsi żewġ mistoqsijiet biex b'hekk nitkixfu fehmitna. Kieku kellhom jiġu introdotti l-kwoti biex waqt il-proċess tal-elezzjoni ġenerali titħares id-demografija tal-pajjiż u għalhekk ir-riżultat finali jirriflettiha b'indiċi realistiċi, ma taħsbux li nkunu qed inħarbtu l-prinċipji ewlenin li jħarsu l-għeruq tad- demokrazija rapprezentativa? Wara kollox, ejja ngħidu kif inhi, f 'kull elezzjoni kull wieħed minna b'mod ħieles jagħżel lil min itella' biex jirrappreżentah. U jekk nassumu li l-kwoti huma s-soluzzjoni korretta, ma taħsbux li aħna lkoll ma qegħdinx nerfgħu r-responsabilta u l-obbligi tagħna kemm suppost biex nirrapreżentaw, nassistu u nsaħħu r-rwol tal-mara fil- ħajja pubblika? Ma taħsbux li dan il-kunċett għandu jevolvi b'mod ħieles minn kull indħil? Naħseb ir-risposti għal dawn mistoqsijiet joħorġu weħedhom u mingħajr tlaqliq: iva. Allura ma taħsbuhiex bħali? Biex ikollna rappreżentanza parlamentari li tixhed bilanċ bejn is-sessi, jiġifieri li jkollna parlament aktar diversifikat, ikolli nerġa' mill-ġdid insaqsi: Għandna nirristringu l-għażla ta' kostitwent biex raġel jitfa', mara titfa' jew transgender j/ titfa' l-vot? Għandna ninfurzaw privileġġ speċjali biex nassiguraw ugwaljanza? Għandna nintroduċu prattiċi ta' diskriminazzjoni pożittiva billi nibdlu r-regoli Kostituzzjonali tal-elezzjoni jew inġiegħlu l-partiti politiċi jaddottaw għodod selettivi biex jirristrinġu ċertu kandidati jew jiffaċilitaw oħrajn? Ma taħsbux li jekk jseħħ hekk inkunu qed niddiskriminaw b'għemilna stess? Jekk vera nemmnu li bil- kwoti se ninjettaw ħajja ġdida lill-assemblea parlamentari, ejja nikkomettu ruħna u jkollna aġenda politika li tindirizza aktar policies li joħolqu ferm aktar ugwaljanza bejn is-sessi. Ejja nkomplu nużaw il- miżuri tal-baġit, l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-politika soċjali biex naslu aktar. Ejja ngħinu biex aktar nisa joħorġu minn qoxrithom, nedukaw lill-elettorat u ngħinu lill-kandidati nisa biex bis-saħħa ta' ħilithom jiġu eletti fil-Parlament. Jekk is-sistema parlamentari tagħna qed tfalli, ejja nittrasformaw dak kollu li qed ixekkel u jċekken il-politika mingħajr ma nnaqsu mill- merti tas-sistema demokratika elettorali tagħna. Wara kollox, għalfejn għandhom jiġu eletti membri parlamentari li jkunu meqjusa bħala membri li għandhom inqas ħila għax ġew eletti b'diskriminazzjoni pożittiva. Hi din id-dinjità li rridu noħolqu għal dawn il- kollegi fil-ħajja pubblika? Fuq kollox jien tal-fehma li wasal iż-żmien li l-backbench parlamentari għandu jaħdem full time u l-Parlament jitlaqqa' f 'sigħat li huma aktar family friendly. Aktar minn hekk, dak li jgħodd għal ġeneru, ma taħsbux li bl-istess mod għandu jgħodd għal ċirkostanzi demografiċi oħra bħal gruppi etniċi... u min jaf xiex? Ehh...dawk is-somon, fihom x'togħmod... Godfrey Farrugia huwa l-whip tal-Partit Laburista GODFREY FARRUGIA 'Gvern tal-Poplu, mill-Poplu, għall-Poplu' "Ejja ngħinu biex aktar nisa joħorġu minn qoxrithom, nedukaw lill- elettorat u ngħinu lill-kandidati nisa biex bis-saħħa ta' ħilithom jiġu eletti fil-Parlament" "Wasal iż-żmien li l-backbench parlamentari għandu jaħdem full time u l-Parlament jitlaqqa' f 'sigħat li huma aktar family friendly"