Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/803481
Il-Ħadd 26 ta' Marzu 2017 | illum Opinjoni 19 Q ed jingħad li d-dibattitu reġa' waqa' fuq il- finanzjament tal- partiti. U mar-radd tas-salib, l-ewwel skorrettezza. Filwaqt li d-dibattitu fuq in- nuqqas ta' leġiżlazzjoni dwar il- finanzjament tal-partiti kien ilu sejjer snin twal ħafna, wieħed ma jistax juża l-kelma 'reġa'' għax id-dibattitu għall-ewwel darba f 'dan l-pajjiż issa huwa dwar ksur ta' liġi li dan l-pajjiż illum għandu, u mhux tidwir mal-lewża, argumenti fl-ajru bla konklużjoni ta' xejn. Wieħed irid ikollu vera moħħu passatur biex ma jindunax b'din id-differenza fundamentali. Sa issa, id- diskussjoni dejjem kienet fuq liġi li ma kellniex. Illum, għall- ewwel darba d-dibattitu huwa fuq ksur ta' Liġi li għandna. U x'tip ta' Liġi għandna? L-ewwel nett hija l-aħjar prodott li rnexxielu joħroġ biha dan l-pajjiż fi kważi ħamsa u għoxrin sena minn meta tħejja l-ewwel rapport dwar is-suġġett mill-Kummissjoni Galdes fl-1995. Dan ir-Rapport baqa' fuq l-ixkaffa, u għal snin twal ma sar xejn, kemm minħabba nuqqas ta' rieda politika, kemm minħabba s-sensittività tas-suġġett kif ukoll minħabba d-diffikultà li tinstab konvergenza. Ġenerazzjonijiet ta' politiċi ġew u marru f 'dan l-pajjiż u ħallew vojt serju ħafna f 'dan is- settur. Tant wieħed għandu juri rispett lejn il-Liġi li għandna llum, li ma kienx faċli wieħed jasal għaliha, kif juru dawn il-fatti storiċi. Wieħed irid ikollu memorja passatur biex diġà nesa. U kif wasalna għal din l-Liġi? Il-Liġi attwali hija bbażata fuq il-mozzjoni privata u abbozz li kont preżentajt jien fil-Parlament f 'Jannar 2012 fil-kuntest ta' Riforma Ħolistika fil-Qasam Kostituzzjonali u fil-Ġustizzja (www.riformagustizzja.com). L-abbozz huwa bbażat fuq il-Liġi Ingliża u dik Ġermaniża, u minkejja li qatt ma ttella' għad-diskussjoni fil-Leġiżlatura li għaddiet, minnufih fil-bidu ta' din il-leġislatura, l-abbozz tpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika mmexxija mill- Ministeru tal-Ġustizzja u b'parteċipazzjoni wiesgħa ħafna inkluż mill-partiti politiċi kollha f 'dan il-pajjiż fejn l-abbozz kompla ġie rfinut u ulterjorment irfirnut fi stadju ta' Kumitat fil-Parlament, inkluż bl-assistenza tal-Avukat Ġenerali fejn kompliet saret analiżi ta' kull klawsola b'titjib ulterjuri fejn kien hemm bżonn. Bħala Kummissarju għal-Liġijiet assistejt tul dan il-proċess kollu. L-fatt li sussegwentement, il-Liġi ġiet approvata mill- Parlament bi qbil unanimu jfisser li dan il-proċess kollu jrendi din il-Liġi verament frott sforz ta' għaqda nazzjonali u allura qabel wieħed jikkummenta, filwaqt li preferribbilment jagħti anke daqqa t'għajn il-Liġi li hija waħda dettaljata ħafna, iżomm dan kollu quddiem għajnejh. Din il-Liġi filwaqt li hi bbażata fuq l-abbozz li kont preżentajt jien fil-Parlament f 'Jannar 2012, finalment hija sforz nazzjonali kollettiv. Il-Liġi hija 'a very fine balancing act' li b'għaqal, toħloq bilanċ bejn il-bżonn li tiġi stabbilita għall-ewwel darba, fejn qabel kien kompletament ineżistenti, struttura ta' regolamenti li jintroduċu rekwiżiti ta' trasparenza u kontabbiltà mill-partiti politiċi kif ukoll il-bżonn li din l-istruttura ma toħnoqx il-partiti b'mod li tista' tipperikola l-eżistenza tagħhom b'mod li dan ukoll jista jkun ta' preġudizzju kbir għad- demokrazija. Ovvjament wieħed ma setax f 'ċirkostanzi t'assenza totali ta' regolamentazzjoni jikkunsidra finanzjament mill-istat. Kif tista' tikkunsidra finanzjament mill-istat fejn għandek 'free for all' mingħajr ebda regolamentazzjoni ta' xejn!? Finanzjament mill-Istat jkun jista' jkun kontemplat biss meta l-partiti juru ruħhom li lesti jkunu dixxiplinati u b'mod ġenerali jkunu qed josservaw il- Liġijiet ta' trasparenza eżistenti, u żgur mhux qabel. U din l-Liġi effettiva? Il-fatt li fi żmien sena li ilha fis-seħħ, diġà kellna diversi allegazzjonijiet ta' ksur, ifisser li l-Liġi hija waħda effettiva, ma jgħaddix kollox u mhix passatur. Ovvjament ebda liġi mhi perfetta. Is-serq huwa reat, però dan ma jfissirx li mhux xorta ssib min jisraq. Mhux kull min jisraq jinqabad u mhux kull min jinqabad eventwalment jinstab ħati. Però, meta sseħħ serqa, ħadd ma jgħid li l-Liġi passatur jew li trid tinbidel. Għax meta jseħħ ksur tal-Liġi, l-attenzjoni ma ddurx fuq kif se tinbidel il-Liġi, speċjalment Liġi storika, wara tant snin u frott sforz kollettiv iżda ddur fuq l-infurzar - kif se tiġi infurzata l-Liġi billi jsiru l-investigazzjonijiet opportuni u jiġu applikati sanzjonijiet skont il-Liġi. Huwa naturali li min ikun akkużat bi ksur, jikkritika l-Liġi u jgħid li trid tinbidel, però l-għaqal u s-sens komun jiddetta li l-ewwel nett ħadd m'għandu jieħu pariri fuq kif tinbidel il-liġi minn min ikun kisirha u inoltre, fil-mument tal-ksur, wieħed jiffoka fuq l-infurzar mhux fuq kif jibdel. Ma ninsewx li din il-Liġi ġiet wara kważi kwart ta' seklu u allura wieħed għandu jkun umli wkoll jirrispetta r-relevanza u sinifikat kbir ta' din il-Liġi meta jikkummenta. Faċli wieħed jagħmel proposti fl-ajru li jistgħu jinstemgħu sbieħ, però wieħed irid ikun prattiku. Ir-Rapport Galdes (1995) kien fih proposti li filwaqt li kienu jidhru tajbin, qatt ma ġew implimentati. U dwar l-infurzar? L-ewwel nett, wieħed irid jagħmel distinzjoni netta bejn il-Liġi nnifisha u l-Infurzar tal-istess. Wieħed jista' jkollu liġi perfetta però x'jiswa jekk ma tiġix infurzata. U allura bl-istess mod jekk Liġi ma tiġix infurzata jew ma tiġix infurzata kif jixraq ma jfissirx li dik il-Liġi mhix tajba jew mhix effettiva. Issa l-infurzar tal-Liġi huwa rimess u fdat f 'idejn il- Kummissjoni Elettorali, entità stabbilita mill-Kostituzzjoni. Qiegħda f 'posizzjoni tamministra l-Liġi u tinfurzaha? Ovvjament, huwa ċar li x-xogħol tal-Kummissjoni se jiżdied konsiderevolment biex tamministra din il-Liġi u għaldaqstant huwa ċar li għandha tingħata r-riżorsi amministrattivi, riżorsi umani u finanzjarji sabiex tkun f 'pożizzjoni taqdi l-funzjonijiet tagħha skont il-Liġi. Però, daqstant ieħor huwa ċar li mhux ġustifikat min jargumenta li l-Kummissjoni mhux l-organu idoneu li jamministra din l-Liġi. Għaliex? Għax filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni nfisha għandha bżonn riformi, jibqa' fatt inkontestat li l-istess Kummissjoni Elettorali mexxiet b'suċċess l-elezzjonijet kollha, ġenerali, lokali, kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew ukoll referenda li saru f 'pajjiżna fl-aħħar għexieren ta' snin. U allura, entità li tajjeb u ħażin mexxiet l-aktar avvenimenti sensittivi u delikati fil-ħajja demokratika ta' pajjiż - elezzjonijiet - kif jista' qatt ikun li mhix idonea biex tamministra Liġi bħal din? In vista ta' dan kollu, is- sentiment ġenerali minn naħat differenti tal-ispettru politiku huwa li l-Liġi hija waħda tajba ħafna u bħal kull Liġi tiġi aġġustata maż-żmien, però li qajla nifhem huwa kif hemm min staqsa b'mod retoriku jekk il-Liġi hix passatur minħabba li qed jiġi allegat li nkisret. Apparti mill-illoġiċità ta' tali argument, jekk wieħed jagħmel dik it-tip ta' mistoqsija għax ma jkunx ikkunsidra dawn l-fatturi kollha li għadni kif semmejt, ikun qiegħed serjament jesponi ruħu għall-kritika li qed jagħmel dik il-mistoqsija għax qed jagħmel dik il-mistoqsija b'raġunament imtaqqab daqs passatur u r-raġunament tiegħu passatur, u mhux il-Ligi, u dan qed jingħad ovvjament bl-istess doża ta' ironija li bih saret id- domanda oriġinali. Infittxu dak li jgħaqqadna. Li twassal partiti politiċi jirregolaw lilhom infushom ma kienx pass faċli, iżda wasalna – manifestazzjoni ta' sforz kollettiv u għaqda nazzjonali. B'sens ta' umiltà irridu nassiguraw li l-Liġi tiġi nfurzata kif xieraq filwaqt li wieħed iżomm għajnejh miftuħin sabiex minn żmien għal żmien, isiru aġġustamenti żgħar f 'din il-Liġi bħal ma jsir fil-liġijiet kollha madwar id-dinja. Franco Debono huwa Kummissarju għal-Liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru għar-Riforma tal-Ġustizzja Passatur? FRANCO DEBONO