Illum previous editions

illum 2 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/806574

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 02 ta' April 2017 | illum Opinjoni 17 Skont Cacopardo... Sens komun: fil-Mosta u f 'Marsaxlokk M atul dawn l-aħħar ġranet, Alternattiva Demokratika kienet qed tikkampanja kontra żvilupp massiċċ li ġie propost kemm fil-Mosta kif ukoll f 'Marsaxlokk. Din hi kampanja li ilha li bdiet ħdax- il sena, u tibqa' għaddejja, kontra t-tkabbir taż-żona żviluppabbli proposta minn George Pullicino, dakinhar Ministru responsabbli għall- ambjent u l-ippjanar għall-użu tal-art. Nhar il-Ġimgħa, f 'Marsaxlokk, kien ta' sodisfazzjoni li s-sindku Horace Gauci, elett f 'isem il-Partit Laburista, ingħaqad magħna ta' Alternattiva Demokratika waqt konferenza stampa b'appoġġ għar-residenti Tal-Marnisi Marsaxlokk. Hi kampanja biex is-sens komun favur l-ambjent jipprevali fuq id-deċiżjoni li kien ħa l-Parlament fl-2006 meta l-Gvern immexxi mill-PN mexxa 'l quddiem proposta biex żewġ miljun metru kwadru ta' art li kienu barra miż-żona ta' żvilupp, ma jibqgħux iktar ODZ u minn dakinhar jibdew jiffurmaw parti miż-żona ta' żvilupp. Dan sar mingħajr ma ġew eżaminati l-impatti ta' deċiżjoni bħal din, lejliet li kellha tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-kejl tal- impatti strateġiċi ambjentali. Li ma sarx dan l-kejl, ifisser li l-impatti kumulattivi tal-iżvilupp li kien qed ikun propost kienu kompletament injorati. Nhar it-Tnejn 20 ta' Marzu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar ħa żewġ deċiżjonijiet kontrastanti dwar żewġ meded kbar ta' art. Dwar l-ewwel waħda, art agrikola fil-Mosta tal-qies ta' 38,500 metru kwadru l-proposta bi pjan ta' żvilupp kienet rifjutata filwaqt li dwar it-tieni waħda ukoll primarjament agrikola u b'qies ta' 17,530 metru kwadru, il-propost pjan ta' żvilupp kien approvat. Fiż-żewġ każi ma sar l-ebda eżami tal-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali u dan billi l-professjonisti tal-ippjanar li taw il-parir lill-Kumitat Eżekuttiv tal- Awtorità tal-Ippjanar kienu tal-fehma li d-deċiżjoni tal-2006 tal-Parlament kienet kemm ċara kif ukoll finali. Sfortunatament ma dehrilhomx meħtieġ li jeżaminaw dan minn lenti kritika. Fl-2006, il-Parlament kien iddeċieda li dawn iż-żewġ miljun metru kwadru ta' art ma kellhomx iktar ikunu meqjusa bħala barra miż- żona tal-iżvilupp (ODZ). Il-grupp parlamentari tal-PN kien ivvota favur din il-proposta, u dan jispjega l-għaliex dak li taparsi kkonverta favur l-ambjent, Simon Busuttil, għadu ma fetaħx ħalqu dwar dan kollu. Imma l-Partit Laburista, dakinhar fl-Oppożizzjoni ma kienx qabel u kien ivvota kontra li din l-art tkun tista' tingħata għall-iżvilupp. Għalhekk Joseph Muscat bħalissa qiegħed f 'pożizzjoni imbarazzanti. Il-Partit Laburista għadu tal-istess fehma, jew bidel il-ħsieb? Għax issa waslet is-siegħa tal-prova. X'ser jagħmel? Għax anke jekk ikun meqjus li d-deċiżjoni tal-Parlament tal-2006 titfa' ċerti obbligi fuq il-Gvern u fuq l-Awtorità tal-Ippjanar, xorta hu possibbli li l-impatt tal-iżvilupp massiv li ġie propost ikun imtaffi. Id-deċiżjoni tal-20 ta' Marzu tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtoritá tal-Ippjanar li biha l-applikazzjoni dwar l-art fil-Mosta kienet rifjutata hu l-mod kif għandhom isiru l-affarijiet. Hi deċiżjoni li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri għandha żżomm quddiem għajnejha meta l-każ ta' Marsaxlokk jiġi quddiema biex tikkunsidra jekk tagħtix l-approvazzjoni tagħha. Jiena naħseb li s-Segretarju Parlamentari Schembri għandha tibgħat il-każ ta' Marsaxlokk lura quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun ikkunsdrat mill-ġdid. Żvilupp massiv ta' din ix-xorta m'għandux ikun possibbli meta hawn tant proprjetajiet residenzjali vojta. Anke f 'Marsaxlokk stess l-aħħar ċensiment, dak tal-2011, juri li 18.7% tar-residenzi huma battala filwaqt li 5.9% tagħhom jintużaw biss kultant. Nistgħu nibqgħu nibnu bil-goff meta għandna din il- kwantità ta' proprjetà vojta? Għandna bżonn ftit sens komun fl-ippjanar tal-użu tal-art. Sens komun li jagħti piz u konsiderazzjoni tal- impatti fuq il-komunità kollha qabel ma jittieħdu deċiżjoniiet bħal dawn. Fiż-żewġ każi, il-Mosta u Marsaxlokk, qed nitkellmu dwar raba' li kienet tinħadem u li issa ntelqet minħabba l-pressjoni kkawżata mill- iżvilupp. Dan hu proċess li jeħtieġ li nwaqqfuh minnufih. Illum qabel għada. L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com "Il-grupp parlamentari tal-PN kien ivvota favur it-tnaqqis tal-ODZ, u dan jispjega l-għaliex dak li taparsi kkonverta favur l-ambjent, Simon Busuttil, għadu ma fetaħx ħalqu dwar dan kollu" "Is-Segretarju Parlamentari Schembri għandha tibgħat il- każ ta' Marsaxlokk lura quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun ikkunsdrat mill-ġdid" CARMEL CACOPARDO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 April 2017