Illum previous editions

illum 9 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/809223

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 09 ta' April 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Koalizzjoni jew assimilazzjoni? K oalizzjoni. Alleanza, speċjalment waħda temporanja bejn nies, fazzjonijiet u partiti, li tagħmel unjoni f 'qafas jew massa waħda. Dak hu li ġara din il-ġimgħa, meta Marlene Farrugia f 'isem il-partit tagħha ngħaqdet f 'koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel nett ejja nagħmluha ċara li l-kunċett ta' koalizzjoni huwa minnu nnifsu xi ħaġa ferm pożittiva, għax jissimbolizza l-att politiku li partit jinnegozja, irattab pożizzjoni, jagħmel kompromessi u jiddiskuti wkoll fejn hemm nuqqas ta' qbil jew diverġenzi. Koalizzjoni politika hija att li jassigura mhux biss rebħa kontra l-avversarju, imma wkoll il-preżentazzjoni ta' front komuni fuq kwistjonijiet u politiki, li permezz tagħhom, il- koalizzjoni se timxi 'l quddiem. Min jieħu biċċa u min jagħti biċċa, fuq kwistjonijiet li jiddeterminaw il-futur tal-poplu. Dan kollu huwa nieqes mill-koalizzjoni, li bejn tħabbret u bejn le, bejn Farrugia u l-Partit Nazzjonalista. X'inhuma dawk il-punti li fuqhom se jikkonverġu? Liema huma dawk il-politiki ekonomiċi u finanzjarji li fuqhom u dwarhom saret diskussjoni? Ġew diskussi kwistjonijiet bħaż-żieda fil-paga minima? Jaqblu l-PD u l-PN fuq il- kwistjoni tal-kera? x'jaħsbu dwar il-proposta ta' kontrolli? Fuq liema parti tal-politika ekonomika ta' dan il-Gvern hemm qbil? Jaqblu dwar ix-xiri u l-ġenerazzjoni tal- elettriku? F'każ ta' perjodu li matulu l-ekonomija tieħu daqqa ta' ħarta, liema miżuri jemmnu li jistgħu jiġġieldu u jagħmlu tajjeb għall- familji? Marlene Farrugia se tħossha komda fl-istess lista, fuq il-ħames distrett, ma' Toni Bezzina li applika biex jagħmel żvilupp fuq art ODZ? U liema żvilupp f 'ODZ se jkun tajjeb, u liema mhux aċċettabbli? Iddiskutew kwistjonijiet bħall-privatizzazzjoni? Fejn se jkun tajjeb biex tipprivatizza u fejn le? Fejn tista' tinnazzjonalizza? Fejn privatizzazzjoni mhix aċċettabbli? U dwar l-immigrazzjoni, x'iddiskutew? Il-PD u l-PN, flimkien, xi jridu? Iridu fruntieri miftuħin? Iridu fruntieri kkontrollati? Tħossha komda Marlene Farrugia f 'partit li għadu kif kellu fi ħdanu PM li mal-fruntieri ta' pajjiżu bena l-ħitan? Li għandu fih kandidati li sa mhux wisq żmien ilu kienu f 'partiti tal- lemin estrem? U dwar libertajiet ċivili, saret diskussjoni? Dwar l-ewtanasja, dwar l-abort, dwar aktar drittijiet għal persuni LGBTIQ, sar xi forma ta' kompromess? U ladarba qed nistaqsu dwar kompromess, ta' min nistaqsu wkoll x'tip ta' kompromess seta' sar biex ipatti għall-fatt, li partit li għadu kif twieled, se jinbela' f 'partit ikbar. Għoxrin sena mil-lum, meta nħarsu lejn l-elezzjoni 2017/2018 il-PD mhu se jissemma mkien, għax Farrugia u n-nies li jiffurmaw parti mill-PD (li frankament jekk nafu tnejn minnhom, nafu ħafna), issa se jkunu kandidati Nazzjonalisti. Inutli nduru magħha, minn din il-ġimgħa, Farrugia hija kandidata Nazzjonalista. Kieku kienet kandidata ta' koalizzjoni, kien ikollha ħdejn isimha arma jew isem li jirrifletti din il-koalizzjoni. Imma, ovvjament il-PN qatt ma kien se jaċċetta dan. Saru jew ma sarux kompromessi? Jekk il- PN ikun fil-Gvern, Farrugia se tibqa' backbencher? Se jkollha parti minn Gvern Nazzjonalista? U jekk Busuttil lest li jagħti parti lil Farrugia x'tilgħab fi Gvern Nazzjonalista, x'inhu l-aktar rwol probabbli, jew li l-PN jara li tista' taqdi Farrugia? Minn dan ma nafu xejn. Mhux talli ma nafu xejn, talli sigħat wara n-nofs tħabbira, fuq Facebook, ftit wara li l-PN qal li d-diskussjonijiet kienu 'avvanzati', il-ġurnalisti għadhom lanqas kellhom l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom. Tragward storiku u importanti bħall-koalizzjoni, l-ewwel fi snin sħaħ, u lanqas biss konferenza tal-aħbarijiet? Basta ġrejna nitfgħu u nħabbru fuq Facebook biex indoqqu t-tromba, biex wara ritratt sabiħ, stampi ta' larinġ u messaġġ dwar l-irġiel, bqajna bla risposti. Ħadd ma jaf xejn. Ħadd ma jaf x'ġie diskuss. Ħadd ma jaf x'inhuma t-termini ta' din il- koalizzjoni. Ħadd ma jaf min se jaqbel fuq xiex. L-unika ħaġa li nafu dwar din il-koalizzjoni hija li Farrugia, akkost ta' kollox trid lil Muscat imqaċċat minn Kastilja. Barra, barra, barra. Imma x'se tagħmel hi, jew il-PN jew il-PN-PD (jekk teżisti) meta jkunu ġewwa, ma jaf ħadd. Milli jidher, lanqas il-Partit Nazzjonalista stess. Jekk se tagħmel koalizzjoni politika, se tagħmilha tajjeb. Se xxandarha, se titkellem dwarha, se jkollok pjan ċar politiku fuqha u se tmur tippreżentaha lill- ġurnalisti bħala rebħa. Mhux tħabbarha fuq Facebook u tħalli lil kulħadd jifhem li jrid. Naħsbu li jkun aħjar jekk il-PN u l-kandidata Nazzjonalista, (imma kap tal-PD wkoll) Marlene Farrugia, jieħdu pass lura u tal-anqas jaħsbu fuq strateġija ċara ta' kif se jippreżentaw koalizzjoni serja, mhux waħda nofs sajran, tal-'ejja ħa mmorru l-aqwa li ħadna ritratt'! Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 April 2017