Illum previous editions

illum 16 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/811848

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 16 ta' April 2017 Opinjoni 20 Jum l-omm I l-Ħamis li għadda, filwaqt li d-dinja Nisranija kienet qiegħda tiċċelebra t-tifkira tal-bidu tat- tbatija ta' Kristu, ħabat, bla ħadd ma kien jistħajjel, il-jum tal-omm. Ma kienx jum l-omm li ħafna jiċċelebraw b'tant għożża, bil-bukketti tal-fjuri, bil-bews fuq il-ħaddejn u bl-ikliet fir- ristoranti, iżda l-jum meta l-Istati Uniti tefgħet reċipjent b'piż ta' għaxart elef kilogramma bi tmint elef kilogramma splussiv ġo fih fuq il-blat samm tal- Afganistan. Dan ir-reċipjent massiv huwa l-Massive Ordnance Air Blast Bomb (MOAB), jew GBU-43/B, bomba ta' dimensjonijiet enormi li xi ċiniku laqqamha Omm il-Bombi Kollha. Dan il-laqam mhuwiex l-unika kurżità lingwistika. Il- MOAB tagħmel parti mill-hekk imsejħa "armamenti konvenzjonali", konvenzjonali għax mhijiex ta' potenza nukleari u allura, kollox sew, mhijiex l-agħar li jista' jkollok. Omm il-Bombi Kollha hija tant kbira li ma tistax tinxteħet għal isfel minn ajruplan li jarmi l-bombi, u allura tinxteħet għal isfel minn fuq ajruplan tal-merkanzija. L-'ispeċjalizzazzjoni' tal-MOAB hija li l-isplużjoni tagħha għandha saħħa li tinfirex għal distanza kbira ħafna. Il-Ħamis li għadda kienet l-ewwel darba li din il-bomba ġiet użata. Min-naħa tal-Pentagon intqal li permezz ta' din l-Omm tal-Bombi Kollha nqerdu armament u mini taħt l-art użati mid-Daex. Inqatlu xi nies ukoll. Imma mhux wisq – xi ftit tużżani biss. Mid-dehra l-Pentagon jemmen ukoll li l-missjoni kienet suċċess. U dan ifisser li l-Omm tal-Bombi Kollha għandha futur sabiħ quddiemha. Aktarx li sa ftit taż- żmien ieħor din l-omm tinbidel f 'nanna u forsi bużnanna wara tikka oħra. Dak li jagħmillek is-suċċess fil-ħajja, għax jgħidu li l-akbar gost tal-omm huwa meta tara lil bintha ssir omm bħalha u mbagħad li tara 'l bintha ssir nanna bħalha. Xi żewġ ħarġiet ilu ktibt dwar it-tama, dwar il-ħtieġa li nkomplu nittamaw f 'dinja aħjar anki fi żmien meta qegħdin nieħdu ħasda wara oħra b'dak li qiegħed jiġri fl-irkejjen kważi kollha tal-globu. Il-ħsieb kien, dakinhar, li jekk dak li jkun jitlef it- tama, il-probabilità hija li l-affari ssir, terġa', agħar milli hi. Naturalment, meta tara mostru jinbeżaq minn fuq ajruplan enormi, u jinżel ifarrak u jarmi n-nar, it-tama tieħu daqqa ta' ħarta. L-istess jiġrilek meta tisma' d-diskors, belliġġerenti bħas-soltu, fil-kwistjoni dejjem tinħema aktar bejn il-Korea ta' Fuq u l-Istati Uniti. U mbagħad, is-Sirja, il-Jemen. U, insomma, ħasda wara ħasda, daqqa ta' ħarta wara daqqa ta' ħarta. * * * Fl-10 ta' Lulju 1973, Olga Hepnarová, tfajla Ċekoslovakka ta' tnejn u għoxrn sena, saqet trakk kbir b'veloċità kbira fuq grupp ta' ħamsa u għoxrin anzjan li kienu qegħdin jistennew it-tramm f 'distrett ta' Praga. Mad-daqqa, it-trakk ta' Hepnarová, qatel tliet anzjani, tlieta oħra mietu aktar tard dakinhar u xi jiem wara mietu tnejn oħra. Fl- inċident indarbu tnax-il persuna oħra. Hepnarová kellha problemi mentali serji. Ta' tlettax-il sena ppruvat twettaq suwiċidju b'doża qawwija ta' pilloli, iżda falliet. Falliet ukoll fir-relazzjonijiet kollha li kellha: ma' ommha u missierha fuq kollox, imma wkoll mas-sensiela ta' maħbubin li kellha, tfajliet, ġuvintur u rġiel akbar minnha sew. Imbagħad, falliet mal-umanità kollha kemm hi, mad-dinja u jum fost l-oħrajn, kif kitbet f 'żewġ ittri li bagħtet lil żewġ ġurnali ewlenin Ċekoslovakki (u li waslulhom jumejn tard) qatgħetha għall-mewt lil din l-umanità li kienet tassew kattiva magħha. Is-sentenza tal-mewt wettqitha bit-trakk li kienet issuq għax-xogħol f 'wieħed mill- impjiegi (falluti wkoll) li kellha. Olga Hepnarová nstabet ħatja ta' omiċidju volontarju. Minkejja storja twila ta' problemi mentali serji ħafna, il-psikjatri tal-qorti ddeċidew li t-tfajla, li baqgħet tinsisti li ma kellha ebda rimors għal dak li wettqet, kienet f 'kundizzjoni mentali tajba li tieħu deċiżjoni responsabbli. Fit- 12 ta' Marzu 1975 Olga Hepnarová spiċċat l-aħħar mara li qatt ingħatat il-piena tal-mewt fiċ-Ċekoslovakkja. Għallquha fil-ħabs stess. Il-każ ta' Hepnarová jitfaċċa quddiem għajnejja kull darba li, bħalma reġa' ġara ftit tal-jiem ilu, xi ħadd isuq fuq folla f 'att iddisprat terroristiku. Hepnarová ma kinitx terrorista, iżda mara marida li ma sabitx komprensjoni minn dawk ta' madwarha. Il-mistoqsija tiegħi tibqa': f 'liema stat mentali bniedem irid ikun biex jasal jagħfas il-pedala tal-gass fuq nies li nzertaw quddiemu? X'inhija eżattament il-kundizzjoni mentali tat-terroristi? X'kuraġġ jeħtieġ li jkollok li toqtol b'mod kiesaħ u biered individwi li taf sew li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-istess raġuni għala qed twettaq l-attakk? * * * Xi mkien qrajt, sakemm mhijiex xi fake news (għax dan l-aħħar hekk sirna!) li r-Russja pproduċiet bomba erba' darbiet aktar potenti mill- MOAB. U, oħroġ il-għaġeb, tawha laqam ukoll: il-Missier tal-Bombi Kollha. Imma m'hemmx bżonn nallarmaw irwieħna għax il-Missier, bħall- Omm, huwa konvenzjonali. Tiftakruh lil Roger isaqsi din il- mistoqsija: "Mother do you think they'll drop the bomb?"? IMMANUEL MIFSUD "F'liema stat mentali bniedem irid ikun biex jasal jagħfas il-pedala tal-gass fuq nies li nzertaw quddiemu? X'inhija eżattament il-kundizzjoni mentali tat-terroristi?"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 April 2017