Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/814536
Aħbarijiet 3 Il-Ħadd 23 ta' April 2017 | illum DIN il-ġimgħa faqqgħet tempesta politika oħra. Jekk l-allegazzjonijiet fuq Chris Cardona dwar allegata preżenza tiegħu f 'burdell qajjem urugan politiku, l-allegazzjonijiet li ħarġu din il-ġimgħa dwar il-kumpanija Egrant ħolqu terremot li heżżeż lill-klassi politika mill-pedamenti. Għal ġimgħa sħiħa, id-diskussjoni daret ma' kelma waħda: 'Egrant'. Ilha se tfaqqa' u sa fl-aħħar faqqgħet, b'Daphne Caruana Galizia tallega li din il-kumpanija sigrieta fil-Panama hija ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Fi blogg li tellgħet nhar il-Ħamis li għadda, Caruana Galizia, li għal ġimgħa sħiħa bniet aspettativa għal din l-allegazzjoni, sostniet li fil- kċina tal-uffiċini tal-Bank Pilatus f 'Ta Xbiex hemm 'safe' li skonta, fih hemm numru ta' files li jinżammu "b'segretezza estrema." Fl-istess blogg, Caruana Galizia qalet li dawn id-dokumenti juru li Michelle Muscat għandha ishma fl-istess kumpanija. Caruana Galizia allegat ukoll li ammonti kbar ta' flus kienu trasferiti bħala ħlas ta' self lill- kumpaniji Hearnville, Tillgate u Egrant. Dan kollu qajjem baraxx qawwi ta'mistoqsijiet u argumenti fil- midja soċjali. L-ewwel u qabel kollox, qam il-punt tal-provi. Minkejja li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta' mart il-Prim Ministru huma mill-aktar gravi, sal-ħin li kienet qed tinkiteb din l-analiżi kienu għadhom ma ħarġu ebda provi ċari ta' dawn l-allegazzjonijiet. Il-files ma rahom ħadd, ħadd ma ra isem Michelle Muscat b'rabta mal-kumpanija Egrant Inc. Provi ċari u konklussivi li Egrant fil-fatt hija ta' Michelle Muscat jew inkella li din għandha ishma f 'din il-kumpanija jibqgħu biss allegazzjonijiet minn blogger, liema allegazzjonijiet kienu ripetuti mill-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar jiem, mingħajr waqfien. Min-naħa l-oħra, il- Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ċaħad għal darba, tnejn, tlieta li l-kumpanija Egrant hija tiegħu, ta' martu jew ta' xi ħadd mill-familja tiegħu. Dan għamlu għall-ewwel darba waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u mbagħad minn tal-anqas f 'żewġ okkażjonijiet oħra. Għalhekk, s'issa, qed inħarsu lejn xenarju politiku fejn persuna qed tagħmel allegazzjonijiet mill-aktar serji, filwaqt li l-persuna inġurjata qed tiċħad. Dan iħalli lil kulħadd jemmen dak li jrid, probabbilment skont l-isfond politiku tal-persuna u skont kemm il-persuna tħoss li Caruana Galizia jew Muscat huma kredibbli f 'għajnejhom. Hi x'inhi, din hija l-akbar battalja bejn il-Mexxej tal-Partit Laburista u l-akbar għadu politiku, n-nemesi, tal-istess partit. Din għandha tkun show down spettakolari bejn partit li rebaħ l-aħħar elezzjoni b'marġini storiċi u l-persuna li llum ħadet rwol mill-aktar ċentrali fit-tixrid tal-messaġġ u fl-istrateġija tal- Partit Nazzjonalista. Jidher ċar, li Muscat se jiġġieled din il-kwistjoni b'ruħu u ġismu u mhu se jħalli l-ebda ġebla f 'postha sakemm ismu jkun imnaddaf mill- allegazzjonijiet li hu flimkien ma' martu kellhom kumpanija sigrieta fil-Panama u li għall-aħħar sena kienu qed jigdbu dwarha. Il-ġesti u l-movimenti ta' Muscat qed juru biċ-ċar li minkejja kull messaġġ ta' għaqda u diċenza, Muscat se jibbattalja sal-aħħar. Naturalment, Caruana Galizia ma tantx se toqgħod lura u se tibqa' żżomm mal-allegazzjonijiet tagħha fil-konfront ta' Muscat. Din hija kwistjoni ta' ħajja jew mewt, kemm għall-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll għal Caruana Galizia. Jekk provi jibqgħu ma joħorġux, Caruana Galizia taqla' daqqa kbira fil-kredibbiltà tagħha, għax tkun dehret li ppubblikat storja b'allegazzjonijiet gravissimi mingħajr ma setgħet tipprova b'mod ċar l-istess allegazzjoni. U magħha jaqla l-għaddsa finali l-PN U Simon Busuttil. Min-naħa l-oħra, jekk Caruana Galizia fil-fatt tippubblika provi ċari u inekwivoki li saru tranżazzjonijiet lejn il-kumpanija Egrant u li fil-fatt din hija ta' mart Joseph Muscat, Michelle, Muscat ikollu l-futur politiku tiegħu ssiġġillat. Naturalment, issiġillat fis- sens negattiv. Il-probabbiltà hija li ffaċċjat b'fatti ċari Muscat ma jkollu ebda għażla oħra ħlief li jirreżenja kemm minn Prim Ministru u anke minn Mexxej Laburista. Din il-gazzetta tat ħarsa lejn ix-xenarji possibbli li jistgħu jinħolqu minn issa 'l quddiem dwar kwistjoni li taf tkun deċiżiva għar- riżultat tal-elezzjoni li jmiss. Xi ħadd se jirbaħ. Xi ħadd se jitlef. agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Jew Muscat u l-Labour jew Daphne u l-PN se jgħerqu...imma min? Tkompli fuq paġni 4 u 5