Illum previous editions

illum 30 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/817566

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 30 ta' April 2017 Opinjoni 22 Michelle jew Daphne? F uq xiex taqbad tikteb meta kulħadd qiegħed jitkellem fuq ħaġa waħda biss? Din l-aħħar ġimgħa u ftit kellna nofs poplu jitkellem fuq l-iskandli ta' dak li qiegħed jissejjaħ il-Panama Gang, u n-nofs l-ieħor jitkellem fuq il-gideb ta' dawk li qegħdin jitkellmu fuq il-Panama Gang. Kwalunkwe ħaġa oħra diskussa kienet, direttament jew le, relatata ma' dan. Fuq xiex taqbad tikteb meta kulħadd jippretendi li tikteb fuq l-allegati skandli u fuq l-allegat gideb tan-naħa l-oħra? Ftit aktar minn mitt sena ilu, kien hemm min kien beda jippromwovi l-idea ta' poplu Malti. Kienet bdiet tieħu sura sewwa l-idea li fuq dan il-pajjiż ċkejken li dak iż-żmien kien ikolonizzat mill-akbar potenza dinjija kellu jgħix fih poplu. L-idea kienet li minkejja ċ-ċokon tiegħu, dan kien poplu antik li rreżista u għeleb kull tip ta' ostaklu. Kien ukoll nobbli fil-morali tiegħu, qrib Alla u l-proxxmu. U fuq kollox, l-ideali li ħaddan wasslu biex jgħaqqduh f 'entità waħda u b'saħħitha: poplu wieħed, mela, poplu magħqud. Din l-invenzjoni sabiħa, sfortunatament għalina lkoll, hija 'l bogħod sew mill-verità. Mhu veru xejn li n-nies ta' fuq din il-blata jħobbu lil pajjiżhom. Li kien hekk, l-istorja politika tagħhom kienet tkun tassew differenti minn kif fil-fatt hi. Il-Partit jibqa' l-kredu numru wieħed. Il- maġġoranza assoluta ta' dawk li jgħidu li jiffurmaw parti mill-poplu Malti jidentifikaw irwieħhom, l-ewwel u qabel kollox, mal-Partit. Issib uħud li xi darba jew oħra bidlu l-alleanza tagħhom; oħrajn li bidlu n-naħa biex imbagħad irritornaw mnejn telqu; imma żgur li l-Partit huwa qabel il-patrija, jew inkella il-patrija hija l-partit. Matul dawn l-aħħar jiem, jien u nosserva l-kummenti ta' ħafna, innutajt li: 1. Uħud li għal erba' snin ippużaw tan-newtrali, tal-liberi-mill- partiġġjaniżmu, f 'daqqa waħda bdew jitkellmu l-lingwaġġ tal- Partit. Kif jgħidu bl-Ingliż, they are now showing their true colours. 2. Oħrajn joqogħdu josservaw mill- qrib x'jgħid ħaddieħor u mbagħad, f 'xi punt jew f 'ieħor jiddeċiedu li t-tali 'jxaqleb' lejn naħa jew oħra, għax, fuq il-Blata, impossibbli ma xxaqlibx. Fi kliem ieħor…jew insomma fi kliem ripetut…showing their true colours, hux veru? 3. Jitfaċċa mill-ġdid il-proverbju, 'min mhux magħna kontra tagħna'. 4. Oħrajn jibdew iħeġġuk titkellem: 'Bilfors irid ikollok opinjoni: taħseb li egrant hija ta' Michelle jew Daphne qiegħda tigdeb? Ejja, faqqa'.' Biex imbagħad, skont x'taħseb, inkunu nistgħu ngħidu li you are showing your true colours. Tibda tinfixel jekk pajjiżek (tħobbu jew tobogħdu l-passaport li writt jgħid li hu pajjiżek) inbidilx minn kif kont tafu ħamsa u tletin sena ilu. U tibda tinduna li kont ftit baħbuħ iżżejjed meta ħsibt li Malta fl-Unjoni Ewropea kienet se tinbidel, se timmatura politikament, se temanċipa ruħha billi tinħall mill-irbit li jxekkel. Tibda tiddejjaq tinduna li dak li nkiteb dwar pajjiżek meta kont għadek qed tibda tqaxxar il-leħja għadu jgħodd sal-lum li għoddu waqagħlek xagħrek. F'Sibt il-Għid filgħodu kont l-ajruport nistenna titjira lejn Manchester. F'temp ta' ħames minuti nirċievi erba' messaġġi fuq iċ-ċellulari b'awguri mill-qalb għall-Għid. Ma nafx kemm-il Għid ilu rċevejt messaġġi simili. Imbagħad dil-ġimgħa ġie jħabbatli kandidat, sulu sulu, bi djarju tal-qoxra ħoxna f 'idejh. "Ġejt biex ngħidlek li jien se nikkontesta għall-elezzjoni ġenerali fuq dan id-distrett." "Għandi pjaċir." Pawsa skomda li fiha li kont naf xi jmissni ngħid u x'aktarx li lanqas hu ma kien jaf. Imbagħad, "Grazzi talli ftaħtli." "M'hemmx imniex." U rġajna ntlifna f 'pawsa oħra. Sakemm imbagħad qalli, "Ma nafx għandekx bżonn xi ħaġa." Xi stajt għidtlu? Kemm hi skomda li tgħix fi triq li minflok asfalt għandha blat? Li ħafna minna mhux qegħdin idaħħlu l-karozza fil-garaxx għax hemm gandott u kull darba li tidħol jew toħroġ tħokk il- qiegħ tal-karozza mal-blat? Li f 'din it-triq lanqas biss hemm dawl u jkollok timxi bit-torċ f 'idek minħabba d-dlam ċappa? Li ma tistax tifhem għala dritt kważi stupidu – li jkollok triq – ma jingħatalekx meta, biex tagħqad, tkun ħallast il-kontribuzzjoni tiegħek għat- triq? Tgħid stajt ngħidlu: "Tini triq u ntik il-vot"? Onestament qatt ma fhimt x'inhuwa eżattament l-għan li l-kandidati jiġu jħabbtulek id-dar. Lanqas ma nista' nifhem għala jistaqsuk għandekx bżonn xi ħaġa; hekk, bl-idea li huma jistgħu jipprovdu dak li hu tiegħek bi dritt imma li ngħatalekx. Jew kif jistgħu jagħtuk fi ftit ġimgħat dak li ma tawkx matul is-snin. U lanqas qatt ma fhimt għala ħallejna dat-tip ta' politika fis-sistema tagħna. Imma tiskanta, tisma' l-kandidati fuq ir-radjijiet partiġġjani, jitkellmu fuq l-esperjenzi illuminanti tagħhom huma u għaddejjin bil-"home visits". Naturalment hemm dawk li jgħidu kemm hemm nies jgħidulhom li huma kuntenti bis-surplus, biż-żieda fil-paga minima, bit-tmexxija għaqlija…u hemm oħrajn jirrappurtaw kif in- nies kollha li daħħluhom fi djarhom qegħdin jitkażaw u jinkwetaw bil- Panama Gang. Darba oħra, jekk jiġi xi kandidat, nistaqsih x'jaħseb hu: jekk hijiex Michelle li qiegħda tigdeb jew hijiex Daphne. IMMANUEL MIFSUD "Uħud li għal erba' snin ippużaw tan- newtrali, tal-liberi- mill-partiġġjaniżmu, f 'daqqa waħda bdew jitkellmu l-lingwaġġ tal-Partit"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 April 2017