Illum previous editions

illum 14 May 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/823776

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 14 ta' Mejju 2017 | illum Opinjoni 17 I d-deċiżjoni tiegħi li nikkontesta l-elezzjoni ġenerali f 'isem il-PN setgħet forsi kienet xi ftit ta' sorpriża għal dawk li jafuni. Vera li ili għal dawn l-aħħar għaxar snin involut direttament fil-politika, b'ħidma kontinwa mal-Membri Parlamentari Ewropej tal- Partit Nazzjonalista iżda s'issa kont żammejt lura li nikkontesta l-elezzjoni. Dejjem ħabbejt il-politika. Spiss nitkellmu fuq aspetti negattivi li l-politika tista' ġġib magħha. Imma l-politika mhix ħażin biss. Il-politika hija wkoll mezz ta' ġid, għodda li permezz tagħha tista' verament tagħmel differenza fil- ħajja ta' dak li jkun. Ma narax il-politika bħala mezz li noqogħdu nagħtu l-handouts lil dak li jkun biex forsi llum ikun jista' jifraħ għax qala' xi ħaġa żejda. Iżda nara l-politika bħala l-mezz li nagħtu lil kull wieħed u waħda minnha opportunitajiet biex nimxu 'l quddiem. Meta tkun fil-politika, int qiegħed hemm għan-nies. Biex tkun hemm għan-nies, trid tkun dejjem man-nies. Fl-aħħar snin ħdimt kemm flaħt biex l-Ewropa tkun man-nies u għan-nies. Min jafni, jista' jixhed għal dan. Dejjem xtaqt ngħin lil pajjiżi biex jimxi 'l quddiem, b'enfasi fuq il-gżira li fiha trabbejt u għext, Għawdex. Iżda s'issa, kien għadu ma wasalx il-mument. Madankollu, kif jgħidu, anke ġurnata hija twila fil- politika. Aħseb u ara xahar. Dak li ġara fl-aħħar xahar ħasadna. L-avvenimenti straordinarji li qed iseħħu bħalissa wassluni sabiex nagħmel pass 'il quddiem. Ma stajtx nibqa ċass quddiem dawn l-iskandli li qed itappnu r-reputazzjoni ta' pajjiżna, dak kollu li ħdimna għalih fl-aħħar 25 sena. Ma stajtx nibqa' ċass, mhux biss bħala persuna li għandi għal qalbi l-politika, iżda anke bħala missier ta' familja, meta nara l-imġiba ta' ftit nies tirrovina l-futur sabiħ li dan il-pajjiż jista' jkun għal uliedna. Iżda m'iniex naħdem għall- Partit Nazzjonalista biss biex inneħħu lill-aktar Gvern korrott fl-istorja. Iva, dak hu kruċjali. Imma l-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit li tassew dejjem kellu viżjoni għal futur ta' pajjiżna. Is- suċċess li qed ingawdu llum fl-ekonomija huwa frott ideat, proposti u investiment li għamilna 10, 20 jew 25 sena ilu. Il-Partit Laburista ħaseb biss kif se jsalva l-ġurnata li jkun fiha. Kabbar l-ekonomija billi daħħal mijiet ta' nies tal- qalba jaħdmu miegħu u billi ppermetta sfreġju ambjentali kull fejn tħares f 'pajjiżna. Iżda ma jinteressaħx minn 'għada'. Dan narah b'mod perfett f 'Għawdex. Grazzi għal Idea Għawdex, il- Konvenzjoni li waqqaf il-Partit, fl-Oppożizzjoni għaddejna numru ta' xhur nitkellmu mal-familji, negozji, lukandiera u dawk li għandhom Għawdex għal qalbhom din il-gżira biex infasslu l-proposti tagħna. U l-Labour? F'nofs kampanja elettorali, ftit biss aktar minn ħmistax qabel l-elezzjoni, iddeċieda jibda jikkonsulta mal-Għawdxin. Il-PN huwa l-Partit naturali għalija għax bħal missier li jaħseb fil-futur ta' uliedu, dejjem stinka biex isib dawk is-settur li għada pitgħada se jissarrfu f 'investiment, ġid u aktar xogħol għat-tfal tagħna. Nemmen fil-PN għax huwa Partit b'saħħtu. Dawn l-erba' snin kienu kruċjali għall-Partit. Wara żmien ta' nuqqas ta' għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, grazzi għal diversi nies li mexxew aġenda differenti minn dik tat- tmexxija tal- Partit, fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista reġa' ngħaqad. Din l-għaqda issa hija evidenti. Il-Partit issaħħaħ b'din l-għaqda. L-għaqda fit-tmexxija, il-kandidati, fil- kumitati u fuq kollox fi ħdan dawk li għal darb'oħra reġgħu taw il- fiduċja tagħhom lill-Partit Nazzjonalista hija issa għodda li għandna f 'idejna. Fil-Partit Nazzjonalista nara tassew Gvern alternattiv li lest jieħu f 'idejh it-tmum tal-pajjiż malli jingħata l-mandat tal-poplu. Ħadd ma jista' jiċħad il- fatt li Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista biddlu wiċċ pajjiżna u ħolqu ħafna u ħafna ġid li wassal biex il-poplu Malti llum jgħix ħajja ta' kwalità għolja. Sa ċertu punt, dan il-progress kompla għaddej fl-aħħar snin, għax il- pedamenti kienu soda. Il-PN taħt it-tmexxija serja ta' Dr Simon Busuttil huwa oppożizzjoni serja u denja f 'pajjiżna. Fl-istess żmien, il-PN ħejja ruħu biex man- nies u għan-nies jinbidel għall-aħjar biex jerġa' jkun il-Partit bl-aħjar politika għal pajjiżna. Dr Simon Busuttil jixraqlu li jmexxi lil pajjiżna għax huwa bniedem kapaċi, onest u nadif. Dan jista' jsir biss jekk int ukoll tagħmel il-parti tiegħek. Jekk int kont muġugħ b'dak li ġara fil- passat, is-sehem tiegħek huwa importanti ferm iktar minn tiegħi. Jien hawn biex nerġa' ngħinek tintegra fil-Partit Nazzjonalista. Jien qed nagħmel pass 'il quddiem biex Malta u Għawdex tagħna jkunu mmexxija minn Prim Ministru onest, kapaċi u nadif. Ejja nagħmlu dan il- pass flimkien. David Stellini huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex DAVID STELLINI "Fil-Partit Nazzjonalista nara tassew Gvern alternattiv li lest jieħu f 'idejh it-tmum tal-pajjiż malli jingħata l-mandat tal- poplu" Għażla favur futur li jixirqilna "Jien qed nagħmel pass 'il quddiem biex Malta u Għawdex tagħna jkunu mmexxija minn Prim Ministru onest, kapaċi u nadif. Ejja nagħmlu dan il-pass f limkien"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 May 2017