Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/823776
illum | Il-Ħadd 14 ta' Mejju 2017 Opinjoni 22 M ill-aħħar darba li ktibt issejħet elezzjoni bikrija. Diffiċli ma tiktibx dwarha: madwarna sparixxa kollox u bqajna aħna biss. Imqar fil- bulettini tal-aħbarijiet: l-aħbarijiet ta' barra żvintaw bħal speċi d-dinja sar għandha biss pajjiż wieħed. F'dawn il-ġimagħtejn ta' kampanja elettorali huwa naturali li tagħmel xi osservazzjonijiet, bħal: Nuqqas ta' fiduċja Waħda mill-affarijiet l-aktar evidenti waqt il-kampanja elettorali, hija n-nuqqas ta' fiduċja. L-istat ma jafdax liċ-ċittadini; iċ-ċittadini ma jafdawx lill-istat; l-oppożizzjoni ma tafdax lill-gvern; il-gvern ma jafdax lill-oppożizzjoni; partit ma jafdax lill- partiti l-oħrajn; u saħansitra l-partit ma jafdax lill-partitarji. Din tal-aħħar għandha mnejn tidher stramba imma kieku l-partiti jafdaw lill-partitarji ma kinux jaslu biex joqogħdu jxandrulhom programm politiku wieħed wara l-ieħor, bulettini tal-aħbarijiet li għandhom kollox minbarra aħbarijiet, konferenza stampa waħda wara l-oħra, u kummentarji oħrajn 'l hemm u 'l hawn. Meta wieħed josserva dan il-volum kbir ta' propoganda politika immirata lejn is-segwaċi, jibda jissuspetta li l-partit ftit li xejn iħalli f 'idejn il-partitarji: irid jassigura ruħu li qegħdin miġburin taħt ġwenħajh u joqgħod b'seba' għajnejn li ma jmorrux jitbiegħdu xi ftit. In-nagħaġ iridu jibqgħu kkakkmati mar-ragħaj. Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li lil uliedu spatrijati ma jafdalhomx il-vot. Iridhom jivvutaw iżda jridhom jiġu jivvutaw bejn il-folji tat-triplaj fil-klassijiet tal-iskejjel tal- irħula. Minflok jaslu wasla sal-uffiċċju tal-ambaxxata, jew, aħjar, sal-uffiċċju tal-posta biex jimpustaw il-vot mimli, l-istat Malti jippretendi li l-emigranti Maltin joqogħdu jinqalgħu minn fejn huma. Xi ħadd għamel kalkolu li biex hu u l-mara tiegħu jiġu jixħtu l-vot hawn, iridu jonfqu bejn ħames u seba' mitt ewro, bejn ajruplani, vjaġġi bil-karozza lejn l-ajruport u bżonnijiet oħrajn. Ir-raġuni għal dan hija sempliċi: ħadd ma jafda lil ħadd. Meta tirrakkonta stejjer bħal dawn lil Ewropej oħrajn, jibqgħu jħarsu lejk: l-ewwel jaħsbu li qiegħed tiġbdilhom saqajhom, imbagħad jibdew jippruvaw jifhmu għandhomx jidħqu jew jitkażaw bis-sitwazzjoni. Il-visti Tkun qiegħed issuq u tixgħel ir- radju. Tagħżel stazzjon ta' partit. Tisma' intervista ma' kandidat. F'xi mument jew ieħor tisma' lill-kandidat jirrakkonta l-avventuri tiegħu waqt il-visti kull ħames snin lill-kostitwenti tiegħu. Diġà kelli tliet kandidati jżuruni dis-sena. Nista' nifhem għala dil- popolarità: din hija l-ewwel elezzjoni li numru ta' familji f 'dan il-qasam ta' bini ġdid li se jivvutaw f 'din il-lokalità. Wieħed mill-kandidati kelli nagħtih stikka għax fid-dlam li hawn fit-triq ma rax waħda mill-ħafna ħofor u ħadha għal wiċċu. Miskin barax idu mal-ġebel kbir li hemm minflok asfalt u ħariġlu d-demm. It-tlieta li huma qaluli li ma kinux jafu li jien noqgħod hawn. Ovvja, fi tliet snin kemm ili noqgħod f 'dan l-indirizz ħadd minnhom ma ttawwal. Innutajt – forsi suppost li kienet ħaġa ovvja imma jien issa ntbaħt – li attwalment dawn il-famużi "home visits" ma jsirux b'xi rispett lejn il-votant; lanqas ma jsiru biex il- kandidati jwiegħdu dik jew l-oħra, iżda jservu ta' tentattiv min-naħa tal-partiti li jsiru jafu "x'qed jaħsbu n-nies", ħalli mbagħad jirrappurtaw il-kwartieri ġenerali u jkunu jistgħu jkejlu l-effiċjenza u jikkombinaw aktar propaganda. Ommijiet u wlied Il-ġimgħa li għaddiet, waqt attività (politika) f 'xi lukanda għodu għodu, il-kandidat ta warda u kullana lill- ommijiet preżenti bħala rigal ta' jum l-omm. Fuq il-warda waħħal ritratt tiegħu ħalli ma jinsewhx u fit-3 ta' Ġunju jivvutawlu. L-ommijiet qegħdin hemm biex jintużaw xi ftit ukoll. L-istess bħal uliedhom. Xbajt nara tfal bil-maktur tal-partit ma' għonqhom, joqomsu fuq ħoġor ommhom, ixejru u jċapċpu bla ma jafu għaliex. Imbagħad, kif titlob it-tradizzjoni, il-kap jgħaddi minn ħdejhom u joqrosilhom ftit wiċċhom għax ħelwin it-tfal Maltin. U l-missier jieħu r-ritratti biċ-ċellulari: it-tifla, il- mara, il-kap. Ma nistax nifhem għala l-ġenituri jġebbdu 'l uliedhom għal dawn l-attivitajiet politiċi. Persważ li dawn it-tfal jippreferu jmorru jilagħbu jew jilagħqu xi ġelat. Mhux sewwa li nabbużaw minnhom b'dan il-mod. Id-diżappunt annwali Malta tibgħat kanzunetta għall-ispeċi ta' festival ta' mużika ħażina Ewropea, fejn l-irmixk ileqq għadu b'xi mod jgħammex lil ħafna. Jintefqu flejjes kbar għal dawn it-tliet minuti u xi kultant terġa' titfaċċa t-teorija li dan il-festival iġib ħafna turisti lejn Malta għax ipoġġina fuq il-mappa. Bħas-soltu Malta spiċċat iddiżappuntata bl-ikrah. Kanzunetta kollha qrid bħal-Lament ta' Ġeremija, melodrama li suppost tmiss il-qlub kemm fil-ħoss u kemm fid-dehra … dawn kienu l-famuż pakkett ta' Malta. Ħafna ħassew li din is-sena dan il-festival kien se jservi ta' pawsa meħtieġa min-nifs maqtugħ li l-poplu qed ibati bih minħabba Joseph u Simon. Imma f 'Malta l-partiti tant huma b'saħħithom li saħansitra għelbu t-theddida serja tal-Eurovision. Dak li jkun jittama li din is-sena ma jkunx hemm sensiela oħra ta' awtopsji fuq il- kanzunetta-katavru. Minflok se naħlu nifisna, illum, fil-paraguni ta' min hu l-ikbar, hux ta' Joseph, hux ta' Simon. IMMANUEL MIFSUD "Xbajt nara tfal bil- maktur tal-partit ma' għonqhom, joqomsu fuq ħoġor ommhom, ixejru u jċapċpu bla ma jafu għaliex" "Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li lil uliedu spatrijati ma jafdalhomx il-vot. Iridhom jivvutaw iżda jridhom jiġu jivvutaw bejn il-folji tat-triplaj fil-klassijiet tal-iskejjel tal-irħula" Kampanja Bla Nifs