Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/823776
illum | Il-Ħadd 14 ta' Mejju 2017 Sports 34 Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il- futbol? Kollox beda fil-kulleġġ San Alwiġi fejn kont nattendi bħala student. Dak iż-żmien tista' tgħid illi kważi kull student illi kien jattendi din l-iskola kien jilgħab il-futbol. Niftakar illi kienu jiġu organizzati diversi kompetizzjonijiet u jien kont nifforma parti mit-tim tal- iskola. Dan tani ċ-ċans illi ningħaqad mat- tim ta' taħt is-sittax–il sena ta' Żebbuġ Rangers u minn hemm qatt ma ħarist lura tant illi kelli karriera ta' 23 sena mimlija sodisfazzjon u xi kultant anke diżappunti. Lgħabt ukoll ma' Ħad-Dingli u Mqabba sa ma rtirajt bħala plejer u bdejt il-karriera tiegħi fil-kowċing. Jekk nitkellmu fuq l-esperjenza tiegħek ta' dak iż-żmien bħala plejer. Tara xi differenza fil-livell u t-teknika ma' tal- lum il-ġurnata? Naħseb illi qabel kien hawn aktar imħabba lejn ir-raħal li tkun qed tilgħab miegħu bħala plejer kif ukoll sports ieħor ma tantx kien għadu żviluppat u għalhekk il-futbol kien parti importanti mill-ħajja ta' kuljum. Aktar minn hekk l-Istadjum tal-Gżira kien jattira numru sabiħ ta' nies. Jien bħala tifel kont immur nara liz-ziju tiegħi jilgħab u kont naffaxxina ruħi bl-atmosfera illi kien ikun hemm. Inġib quddiem għajnejja wkoll id- diversi dilettanti tal-futbol li kienu jkun il-grawnd jassistu għall-partiti li kienu jintlagħbu u fl-istess ħin widnejhom ma' dak ir-radju żgħir jisimgħu r-riżultati tal-futbol Taljan. Xi ħaġa illi stajt ninnota kemm ili nikkowċja Għawdex huwa illi dak illi kont nara fil-passat qed narah illum fost l-Għawdxin illi jitilgħu l-grawnd jinkoraġġixxu lill-benjamini tagħhom speċjalment ta' timijiet kbar bħal Għajnsielem, Xewkija u Nadur. Jekk irridu nitkellmu fuq futbol inġenerali nistqarr miegħek illi llum il-ġurnata l-logħba nbidlet ferm. Illum partijiet mil-logħba huma bbażati fuq individwalità u tattika. Fuq nota oħra, illum il-kowċis huma aktar ippreparati minn dak iż-żmien. Illum hemm pjanar sħiħ sabiex xi kultant naraw ħafna tattiċiżmu li mhux dejjem jagħti lok għall-futbol miftuħ. X'tippreferi li tkun plejer jew kowċ? Ejja ngħidu hekk, jien nemmen illi fil-ħajja dak kollu li tista' tagħmlu fil-mument, taqbad u tagħmlu. Meta tkun plejer ma tantx tista' tkun kowċ u viċeversa. Fl-opinjoni tiegħi mhux faċli li tkun plejer-kowċ speċjalment fid- diviżjonijiet superjuri. Klabb ikollu bżonn il-personalità ta' kowċ illi jkun preżenti fuq il-bank tas-sostituti jagħti l-indikazzjonijiet neċessarji aktar milli plejer-kowċ illi jrid ilaħħaq ma' żewġ affarijiet f 'daqqa. Int kellek esperjenza wkoll bħala meniġer tat-tim ta' Valletta fejn kont ukoll irbaħt il-kampjonat. Kellimni dwar dan iż-żmien. Din l-esperjenza illi fakkartni fiha ġiet meta wara li kont spiċċajt minn ma' kowċ ta' Dingli Swallows,ġejt avviċinat mill-kumitat Belti illi riedu s-servizzi tiegħi bħala meniġer. Dakinhar kif għidt tajjeb int konna rbaħna l-kampjonat u anke s-SuperCup għalkemm tlifna l-finali tal-FA Trophy kontra Floriana. Semmejt lil Dingli Swallows. X'tirrakuntali dwar dan iż-żmien meta kont kowċ magħhom? Bdejt immexxi lil Dingli Swallows proprju meta kont spiċċajt mill-karriera tiegħi bħala plejer. Niftakar illi kont nifforma parti mill-kumitat apparti li nqisha bħala l-isbaħ esperjenza f 'ħajti. Ma' dan it-tim ħadt żewġ promozzjonijiet bħala champions mit- tieni għall-ewwel diviżjoni sa ma tlajna wkoll Premier. Wara kont ingħaqadt ma' Ħamrun Spartans bħala kowċ ukoll... Ħamrun Spartans huwa tim partikolari b'partitarji numerużi illi jħobbu ħafna lill-klabb. Kienet l-għażla tiegħi illi mmur nikkowċja lil dan it-tim u kelli sena li nibqa' niftakarha wkoll. Forsi dak iż-żmien inzertajt perjodu ta' transizzjoni f 'dan it-tim tant illi mbagħad spiċċaw anke ġew relegati. Imbagħad int mexxejt ukoll lil Żebbuġ Rangers. X'tiftakar minn din l-esperjenza? Kien żmien fejn kont qed naħsibha jekk inkomplix fil-futbol jew le. Però niftakar illi l-president Joe Pace li kien ħabib tiegħi u anke Angelo Bantick kienu talbuni nagħti daqqa t'id fit-treġija tat-tim. Dawn it-tnejn inzertaw ukoll illi kienu joqogħdu ħdejja meta konna għadna żgħar u bħal donni ma ridtx niksrilhom qalbhom tant illi aċċettajt l-offerta tagħhom. Dak iż-żmien Żebbuġ kienu qed jilagħbu fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni u x-xewqa tal-kumitat kienet illi jtellgħu lil dan it-tim fil-kampjonat Premier. Kien hemm ċerta serjetà u anke entużjażmu fil-klabb u dan iktar immotivani biex naħdem kemm niflaħ sabiex din ix-xewqa ssir realtà. Dan kollu tista' tgħid illi seħħ għax f 'temp ta' sentejn irnexxielna niksbu żewġ promozzjonijiet konsekuttivi sa ma wasalna għall-ogħla kampjonat f 'pajjiżna. Niftakar ukoll illi kont bdejt l-istaġun ma' Żebbuġ fil-Premier iżda minħabba pressjoni ta' xogħol u anke minħabba ċirkostanzi oħra, kelli nieqaf. Ħa nitkellmu dwar dan l-istaġun fejn int mexxejt lit-tim Għawdxi ta' Xewkija Tigers u rnexxielek ukoll tirbaħ il- kampjonat. Kif ħassejtek? Wara l-perjodu li għamilt ma' Ħaż- Żebbuġ, iddeċidejt illi nieqaf għal sentejn bħala kowċ minħabba n-natura tax-xogħol tiegħi illi jitlob impenn sħiħ. Madankollu ġibduli l-attenzjoni minn Coverciano illi bilfors irrid nikkowċja ma' xi tim, inkella kien se jkolli nerġa' nagħmel kors ieħor peress li jien għandi l-Pro Licence. Għalhekk iddeċidejt illi nerġa' nibda. Hekk kif lest ruħi biex nikkowċja, bdew iċempluli diversi klabbs Maltin u anke Għawdxin. Kellmuni Kerċem Ajax kif ukoll Xewkija Tigers u ddeċidejt illi ningħaqad ma' dawn tal-aħħar. Ma kinitx deċiżjoni faċli minħabba illi ridt nitla' Għawdex tal-inqas darbtejn fil- ġimgħa bil-ħin li tieħu sabiex taqsam il-fliegu. Kelli x-xorti illi plejers ta' ċertu esperjenza bħal Daniel Bogdanovic u Dene Shields għenuni ħafna fit-taħriġ meta jien ma stajtx inkun hemm. Wara Jannar żidt aktar il-preżenza tiegħi fit-taħriġ u bdejna nemmnu li stajna nagħmluha. Filfatt irnexxielna nirbħu tliet unuri prinċipali: il- Kampjonat, is-Super Cup u n-Knock Out. Il-fatt illi kien weġġa' plejer influwenti bħal Daniel Bogdanovic effettwa xi ftit il-pjanijiet tiegħek? Dażgur illi effetwa u kif! Dan il-plejer m'għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Kif semmejt tajjeb int huwa plejer influwenti ħafna ma' sħabu, għandu esperjenza kbira tant illi lagħab ma' diversi timijiet tajbin. Lagħab 46 darba bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti u għalhekk l-esperjenza hemmhekk qiegħda. Naħseb ukoll li kieku jerġa' jiġi Malta jaf jerġa' jħalli impatt kbir fil-logħob tiegħu. B'xorti ħażina kellna wkoll injuries oħra matul l-istaġun u allura int bħala kowċ trid tkun kapaċi tbiddel it-tattika meta tara li għandek rwoli nieqsa minħabba din il-problema. X'taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess meta tqis illi kellkom ħafna elementi fejn ma tantx daħkitilkom il-fortuna? Mingħajr dubju ta' xejn is-sigriet ewlieni tar-rebħ tal-Kampjonat Għawdxi minn Xewkija Tigers huwa l-għaqda li tirrenja bejn il-plejers u l-kumitat, il-qalb kbira li għandhom u l-objettiv illi jirnexxu dejjem aktar. Il-Kowċ li wassal lil Xewkija Tigers lura Cristian Antony Muscat Jesmond Zammit - kowċ b'esperjenza kbira l-futbol Malti li matul dan l-istaġun irnexxielu jwassal lil Xewkija Tigers lura għar-rebħ tal-Kampjonat Għawdxi. Huwa wkoll il-kowċ tat-tim tan-nisa ta' Hibenians li kklassika t-tieni post tal-Kampjonat tan-Nisa. "Jien inqis li tim Għawdxi kapaċi jagħti logħba lill-klabbs Maltin illi jinsabu fin-naħa t'isfel tal-klassifika tal-Premier kif ukoll kontra klabbs illi jinsabu fl-Ewwel Diviżjoni."