Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/832506
Il-Ħadd 04 ta' Ġunju 2017 | illum Opinjoni 15 D algħodu, l-aħbarijiet, bla dubju ser ikunu dominati mill-proċess tal-għadd tal- voti fin-Naxxar. Matul il-lejl li għadda, sa bejn wieħed u ieħor l-għaxra ta' dalgħodu jinfetħu l-kaxxi kollha tal-voti u ssir il-verifika tan-numru ta' voti fil- kaxxi. L-għadd propja huwa ppjanat li jibda madwar l-għaxra dalgħodu. L-ewwel tbassir tar- riżultat jista' jkun magħruf f 'nofs siegħa. Dan, imma, skont kemm tkun kbira d-differenza fil-voti miksuba bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Għax jekk id-differenza tkun minima, bħalma ġara fl-2008, ikun hemm ħtieġa ta' ħafna iktar ħin biex inkunu nafu x'ġara. Nistgħu nkaxkru sa waranofsinhar. Fil-fatt, aħna għandna żewġ sistemi elettorali li jitħaddmu flimkien u soġġetti għal regoli differenti. L-ewwel sistema elettorali hi dik magħrufa bħala Vot Singlu Trasferibbli li hi applikata f 'kull wieħed mit-13-il distrett elettorali. Fil-fatt aħna nitkellmu dwar elezzjonijiet ġenerali għax fir-realtà għandna 13-il elezzjoni differenti, u indipendenti waħda mill- oħra, fit-tlettax-il distretti elettorali. Is-sistema elettorali ta' Vot Singlu u Trasferibbli hi marbuta max-xewqa tal-votant kif espressa fuq il-vot fl-aħħar għadd. It-tieni sistema elettorali tibda taħdem hekk kif jispiċċa l-għadd tal- voti fid-distretti kollha. Permezz tagħha, ir-riżultat kumulattiv fl-aħħar għadd ikun imqabbel mar-riżultat kumulattiv fl-ewwel għadd u tkun restawrata l-proporzjonalità billi jiżdiedu s-siġġijiet jekk ikun meħtieġ. Dan, imma, iseħħ f 'żewġ ċirkustanzi. Iseħħ dejjem f 'każ li partit politiku jkollu iktar minn 50% tal-voti fl- ewwel għadd. Imma jseħħ ukoll kemm-il darba fil- Parlament ikunu eletti żewġ partiti politiċi biss. Jekk ikun hemm iktar minn żewġ partiti politiċi eletti u ħadd minnhom ma jaqbeż il-50% tal-voti, il-proporzjonalità tkun injorata kompletament. L-eżistenza ta' żewġ sistemi elettorali paralleli jafu l-bidu tagħhom lit-tbagħbis tad-distretti elettorali biex ikunu aġevolati l-partiti politiċi l-kbar, daqqa wieħed u oħra l-ieħor. L-iktar każi ċari li niftakru huma dawk konnessi mal-elezzjonijiet ġenerali tal-1971 u tal- 1981. Avolja ġrat f 'diversi elezzjonijiet oħra ukoll. It-tbagħbis tad-distretti fl-1971 ma tax riżultat għal ħames voti, filwaqt li dak tal-1981 irnexxa tant li kien elett Gvern Laburista b'maġġoranza ta' tliet siġġijiet flok wieħed Nazzjonalista b'maġġoranza ta' siġġu wieħed. L-emendi kostituzzjonali tal-1987, negozjati bejn Dom Mintoff u Guido de Marco stabbilew regola sempliċi dwar it-tmexxija mill-maġġoranza. Din iktar tard kienet irranġata b'emendi kostituzzjonali oħra fl-1996 u fl-2007 b'mod li l-prinċipju kien estiż ukoll għal meta jkun hemm maġġoranza relattiva flok maġġoranza assoluta. Dawn ir-regoli Kostituzzjonali jassumu li fil-Parlament ikun hemm biss żewġ partiti poltiċi u fil-fatt l-emendi tal-2007 estendew il-mekkaniżmu tal-proporzjonalità għal kull wieħed miż-żewġ partiti. L-għadd tal-voti bl-idejn isir taħt l-għajnejn tar- rappreżentanti tal-partiti politiċi u tal-kandidati infushom. Żbalji umani, u xi kultant forsi iktar ukoll, jikkontribwixxu għal diversi intoppi waqt il-proċess tal-għadd. Uħud ikunu ikkoreġuti mill- ewwel. Oħrajn ħadd ma jinduna bihom u jibqgħu għaddejjin mingħajr ħadd ma jkun konxju tal-impatt tagħhom. Waqt l-għadd tal-voti fl-elezzjoni tal-2013 bħala nuqqas ta' attenzjoni tar-rappreżentanti tal-partiti seħħew żewġ żbalji li lill- PN swewlu żewġ siġġijiet parlamentari li dwarhom il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet wara 44 xahar. Minħabba dawn l-iżbalji tal-2013, probabbilment li fis-sala tal-għadd tal-voti jkun hemm iktar tensjoni mis-soltu, b'kompetizzjoni sfrenata bejn ir- rappreżentanti tal-PN u tal-PL dwar min minnhom hu attent l-iktar. Mhux ser inżid it-tbassir tiegħi ma dak ta' oħrajn. Imma llum il-Ħadd ser tkun ġurnata twila! L-awtur hu Viċi Chairman ta' Alternattiva Demokratika. cacopardocarm@gmail.com , http://carmelcacopardo. wordpress.com Skont Cacopardo... 13-il elezzjoni, u żewġ sistemi elettorali "L-eżistenza ta' żewġ sistemi elettorali paralleli jafu l-bidu tagħhom lit-tbagħbis tad-distretti elettorali biex ikunu aġevolati l-partiti politiċi l-kbar, daqqa wieħed u oħra l-ieħor" "Waqt l-għadd tal-voti f l-elezzjoni tal-2013 bħala nuqqas ta' attenzjoni tar-rappreżentanti tal-partiti seħħew żewġ żbalji li lill-PN swewlu żewġ siġġijiet parlamentari li dwarhom il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet wara 44 xahar" CARMEL CACOPARDO Ritratt: chris Mangion