Illum previous editions

Illum 4th June 17

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/832506

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 04 ta' Ġunju 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Illum jintagħżel PM, imma jibqgħu l-mistoqsijiet Ikompli minn paġna 1 I mma rebħa komda għall-PL, anke jekk b'distakk imnaqqas sew, ma jfissrix 'carte blanche' biex Muscat jerġa' jirrepeti l-istess żbalji, ma jfissirx li Muscat se jingħata l-impunità biex ma jkunx jew jidher li mhux qed ikun kontabbli. Muscat jaf li anke jekk jirbaħ illum, minkejja li jkun suċċess bħal kull rebħa oħra ta' kwalunkwe partit, f 'din l-elezzjoni kien hemm element minoritarju imma qawwi ħafna ta' Laburisti li huma diżillużi jew nies li l-kwistjoni 'Panama' weġġgħathom u dejqithom. Ilbieraħ, ħafna minn dawn xorta għażlu li jivvutaw lill-Partit Laburista għax għadhom qed ituh il-benefiċċju tad- dubju u għax meta ħarsu n-naħa l-oħra iktar raw baħħ milli sustanza. L-ebda maġġoranza, kbira jew żgħira, komda jew le, mhi se tfejjaq biżżejjed l-emoraġija li seħħet fl-aħħar erba' snin. Fl-2008 l-eks PM Lawrence Gonzi kien rebaħ elezzjoni b'marġini żgħir immens. Dik kienet twissija ċara ħafna li Gonzi minflok sema', injora. Kulħadd jaf xi prezz qares ħallas għal dan u jekk illum Muscat jirbaħ, anke jekk b'kumdità, xorta għandu jiftakar li hemm apatija u weġgħat li jeħtieġ jirranġa u jindirzza. Il-Partit Nazzjonalista kellu, kampanja li ffukat wisq fuq kwistjoni waħda; it-tneħħija ta' Muscat minħabba allegazzjonijiet diversi fosthom li Muscat għandu xi kont il-Panama. L-ewwel u l-ikbar żball tal-PN huwa li tela' fuq karru perikoluż ta' min jivvinta, jigdeb, iħammeġ, iweġġa' imma mbagħad ma jisostanzjax. Ta' min bena l-karriera tiegħu fuq il-mibgħeda lejn il-Partit Laburista. It-tieni żball tal-PN kien illi kien lest jissieħeb ma' kull min għandu dan l-istess odju lejn Muscat, basta jikseb rebħa. Nies li minkejja li jistgħu jkunu jew jgħidu li huma onesti, mhumiex kompetenti biex imexxu. It-tielet żball kien li l-PN iffoka biss fuq dak li huwa negattiv, iffoka biss fuq stejjer li anke jekk importanti ma kinux biżżejjed biex tinbena l-immaġini ta' Simon Busuttil bħala PM prospettiv. Minkejja dan Busuttil u l-PN illum jistgħu jkunu rebbiħin. Jekk dan iseħħ, tkun rebħa straordinarja, anke jekk ma tkunx kbira. Tkun rebħa għaliex Busuttil ikun irnexxielu jniżżel distakk ta' 36,000 għal wieħed favurih. Tkun ukoll l-ewwel rebħa ta' partit li jkun iġġieled l-elezzjoni kważi esklussivament fuq il- korruzzjoni. Filwaqt li rebħa għal Muscat tista' titqies bħala pożittiva għax kulħadd donnu aċċetta l-fatt li hu iktar kompetenti biex imexxi l-pajjiż, rebħa għal Busuttil tkun tfisser li l-politiċi jeħtieġ ikunu aktar kawti u attenti meta jsiru allegazzjonijiet fuqhom, anke jekk mhux konfermati bħala veritieri. Ikun sinjal li l-ġid u l-wegħdi mwettqa u l-affarijiet li jimpattaw tajjeb fuq il-persuna u l-familja u l-but, ikun ifisser li d-drittijiet ġodda u t-twaqqigħ ta' Power Station li kienet ilha tkerrah u tħammeġ huma miżuri tajbin, imma mhux biżżejjed biex il-poplu jivvutalek lura fil-Gvern. Ikun ifisser li għall- poplu qabel dan kollu se jesiġi aktar minn qatt qabel li ma' allegazzjoni, anke jekk mhux ippruvata, politiku ma jkollu ebda għażla għajr li jitlaq jew ikun sospiż. Idealment, Gvern iwettaq it-tnejn. Ikun ekonomikament kompetenti bħalma kien Muscat u jesiġi trasparenza assoluta bħalma qed jesiġi Busuttil. Sfortunatament dan l-ideal bħalissa ma jeżistix u hija din id-dilemma li l-votanti ffaċċjaw fl-aħħar ġimgħat. Minkejja kollox iżda, ir-riżultat tal-lum ikun kemm ikun ċar xorta mhux se jagħlaq parti importanti minn kapitlu sħiħ, l-allegazzjoni kontra Muscat u martu li huma proprjetarji ta' kumpanija sigrieta fil-Panama. Muscat għamel dawn l-aħħar tliet ġimgħat jisfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar din l-allegazzjoni, jgħid li hija kalunja u gidba u jisfida lil Busuttil biex jitfa' rasu taħt il-mannara jekk huwa ċert mill-istess allegazzjoni li għamel tiegħu u li niżżel lin-nies fit-toroq dwarha. Jekk Muscat jerġa' jkun elett u jirriżulta li l-allegazzjoni ma kinitx minnha, fi kliem ieħor kalunja, l-immaġini tiegħu bħala politiku terġa' tispara 'l fuq. Il-pajjiż jibqa' miexi normali. Jekk jirriżulta li fiha element ta' verità, Muscat mhux biss ikollu jirreżenja imma jkun ħareġ tal-akbar giddieb fl-istorja politika lokali u probabbilment il- poplu lanqas biss jaċċetta li l-PL jibqa' fil-Gvern. Jekk, min-naħa l-oħra, illum ikun elett PM Simon Busuttil u jirriżulta li l-allegazzjoni li dwarha l-istess Busuttil kważi inċita kolp ta' stat hija gidba, il-PM il-ġdid se jiffaċċja prospetti terribbli fl-ewwel ġimgħat biss tat- tmexxija. Il-poplu mhu se jaċċetta qatt li Gvern jitla' fil-poter bl-għajnuna ta' gidba u fl-aħħar xenarju Busuttil ma jkollux għażla ħlief li jitlaq il-poter minn idejh ftit wara li jkun kisbu. Jiġri x'jiġri, ir-riżultat tal-lum huwa l-bidu ta' kapitlu politiku ġdid għal pajjiżna. Kapitlu li dwaru għad irid jinkiteb ħafna, li dwaru għad trid issir riflessjoni u analiżi. Jalla min jikteb l-istorja jiktibha b'mod ġust. Ikun ġust mar-rebbieħ u aktar u aktar mat-tellief. Editur: Albert Gauci Cunningham 17

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 4th June 17