Illum previous editions

illum 18 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 | illum Opinjoni 19 F l-elezzjoni ġenerali l-poplu jitkellem. Jibgħat messaġġ. Ir-riżultat elettorali jixhed is-sovranità tal-poplu f 'demokrazija. Imma ma jiqafx hemm, jibgħat ukoll messaġġi u tagħlimiet lill-partiti politiċi. Għall-Partit Nazzjonalista r-riżultat li kiseb kien l-agħar fl-istorja tiegħu. Iktar gravi minn tal-2013, mhux biss f 'distakk akbar imma wkoll għall-fatt li din id-darba l-PN kien ilu 4 snin fl-oppożizzjoni, u mhux fil-gvern, u allura kien f 'pożizzjoni aħjar biex iħejji ruħu u jikkonvinċi. Simon Busuttil bħala Kap kellu iktar vantaġġi milli kellu Lawrence Gonzi fl-2013. Biex tgħaxxaqha bl-istil ta' Busuttil il-PN ma qabadx art. Min hu Nazzjonalist mill- għeruq u jiftaħar fil-partit glorjuż li kellhom taħt Eddie Fenech Adami jammetti li l-"Partit spiċċa" jew li m'għadux jingħaraf. Oħrajn inqas tradizzjonali jgħidulek li l-PN tilef ruħu u ma tistax tidentifikah ma' xi ideoloġija partikulari. Il-"fehmiet bażiċi" baqgħu sempliċiment li kienu - bażiċi bla aġġornament ta' xejn u bla ebda żvilupp li jinstigaw xi forma ta' aspirazzjoni. Il-PN sar partit staġnat, maqtugħ min-nies u mir-realtà tal-ħajja! Bit-tmexxija u l-istil ta' Simon Busuttil il-PN ħa majnata minn ġot-taġen għal ġon-nar. Il-ħolm beda jaħsbu realtà. Qal li sab soluzzjoni għad-dejn li kellu l-partit waqt li fil-verità l-partit baqa' jiftaqar finanzjarjament. Qal li saħħaħ l-istrutturi meta fil-verità dawn ma ħadmux u kien hu stess li ħass li m'għandux juża l-istrutturi biex jingaġġa nies mal-partit bħal Marlene Farrugia u Salvu Mallia. Qal li jrid jiġġieled elezzjoni fuq il-prinċipji meta hu stess ma rrispettax il-prinċipji. Ipprietka l-onestà politika meta fil-każ tad- db inqabad bid-diżonestà politika. Qal li ried it- trasparenza meta daħal f 'deals sigrieti minn wara dahar kollegi tiegħu. Qal li jrid il-meritokrazija biex għażel politika diviżiva tal-aħna u huma u "labour proof." Taħt Simon Busuttil komplew jitilquh in-nies, altru milli kabbar il-partit. Ibbaża kollox fuq karta waħda: dik li kulma jagħmel il-gvern kollox ħażin u mimli korruzzjoni. Baqa' ma laħaq qatt l-istat ta' Prime Minister in waiting. B'min hu oġġettiv jiddubita sew mill-kwalitajiet ta' tmexxija tiegħu. Bħala kap tal-oppożizzjoni wettaq gaffes u qal ħmerijiet li ma jitwemmnux. Meta ġie għall-proposti elettorali qas kien kapaċi jagħti d-dettalji tagħhom. Ivvinta l-idea ta' koalizzjoni waħdu u daħħal lil ta' madwaru fi xkora. Koalizzjoni li llum huwa pruvat li kompliet tgħarraq lill-istess partit. Ħafna drabi nqabad fi stat ta' panik...ried jogħġob 'l Alla u lix-xitan f 'daqqa. Filgħodu jgħid li ż-żwieġ huwa bejn raġel u mara biss, wara nofsinhar jgħid li mhux kontra li l-gays jiżżewġu! Filgħodu jgħid li jneħħi l-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment, wara nofsinhar jgħid li se jżommha u forsi jirtokkaha ftit. Id-dnubiet tal-avversarji jgħid li huma sagrileġġi waqt li s-sagrileġġi ta' sħabu jgħid li dawn huma virtujiet tal-verġni! Qisu raġel li ma jafx xi jrid u jimxi skont il-konvenjenza! L-ikbar żball ta' Simon Busuttil kien li beda jemmen lilu nnifsu f 'kulma jgħid. Dak li beda jgħid dwar skandli u korruzzjoni ħaseb li qed jgħidu l-poplu kollu u spiċċa jisma' lilu nnifsu u jsodd widnejh għal vuċijiet oħra. Ma ndunax li daqskemm kien hemm min bela' l-lixka tiegħu daqstant ieħor kien hemm nies li tilfu kull fiduċja fih u għoddewh b'wieħed imġewwaħ għall-poter. L-istrateġija li adotta kompliet tgħerrqu flok ittellgħu 'l fuq. Ibbaża kollox fuq kemm jirnexxielu jħammeġ il-gvern sal-estremità li jattakka personalment lill-familja tal-Prim Ministru. Kull min jobgħod lil Joseph Muscat sar il-maħbub ta' Simon Busuttil (bħal Salvu Mallia u Marlene Farrugia); kull min jinstiga mibegħda u ħdura lejn il- Laburisti sab il-kenn f 'Simon Busuttil (bħal Wayne Hewitt u Daphne Caruana Galizia). B'din l-istrateġija lill-Partit Nazzjonalista rriduċieh fi speċi ta' bitħa tal-iskart li taċċetta kollox: minn min ma jemminx f 'Alla għal min jara n-nisa u l-omosesswali bħala ħolqien inferjuri! Il-poplu għaraf dan kollu u wieġeb bi ħġaru fir-riżultat elettorali. Il-Poplu tkellem ċar u lil Simon Busuttil qallu "ma rridekx tmexxi lil pajjiżna għaż-żmien li ġej!" Għal min hu matur politikament tkaxkira ta' erbgħin elf vot ma tħallilux għażla ħlief li jitlaq bil-kwiet u jagħmel wisgħa lil ħaddieħor! Jekk verament jemmen fir-responsabbiltà politika hekk għandu jagħmel Simon Busuttil. Postu mhux fil-politika. Mhux l-istess jista' jingħad għall-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultat elettorali bagħatlu messaġġ li wasal iż-żmien li jagħmel clean sweep. Bidla radikali. Jirrevedi t-twemmin tiegħu u jagħżel nies ġodda fi tmexxija. Irid jinfatam mill-politika tal- passat u jibni partit li jaspira l-ġenerazzjonijiet li ġejjin! L-enfasi m'għandhiex tkun fuq kemm se nkun kontra l-gvern imma kemm se nkun alternattiva denja għall-gvern. Il-PN irid isib il-kuraġġ li jikkollabora u mhux ifixkel; li jikkoopera u mhux jagħmel il-bsaten fir-roti; li jfittex l-għaqda u mhux il-firda. Nawgura li dan iseħħ fi ħdan il-PN għax nemmen li l-pajjiż jixraq li jkollu Oppożizzjoni b'saħħitha li żżomm il-gvern taħt skrutinju kontinwu biex it-twettiq tal-programm tal- gvern isir bil-għaqal u bl-aħjar mod. Iżda mhux il-PN biss għandu x'jitgħallem minn dan ir-riżultat elettorali. Il-Partit Laburista wkoll! Dan narawh darb'oħra! Manuel Micallef huwa opinjonista regolari fuq il- gazzetta Illum "Ma ndunax li daqskemm kien hemm min bela' l-lixka tiegħu daqstant ieħor kien hemm nies li tilfu kull fiduċja fih u għoddewh b'wieħed imġewwaħ għall- poter" "Bit-tmexxija u l-istil ta' Simon Busuttil il-PN ħa majnata minn ġot-taġen għal ġon-nar. Il-ħolm beda jaħsbu realtà" Il-poplu tkellem…il-partiti semgħuh? MANUEL MICALLEF

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 June 2017