Illum previous editions

illum 18 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

Aħbarijiet 12 illum | Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 BIRDLIFE Malta fi stqarrija kkundannat l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u mill- Awtorità tal-Ippjanar (PA) tar-rilokazzjoni tal-fish farms tat-tonn mill-inħawi 'l barra minn Kemmuna lejn żona ġdida 'l barra mill-Aħrax tal-Mellieħa mingħajr ma saret talba mill-awtoritajiet biex isiru l-istudji meħtieġa fosthom dak li huwa magħruf bħala l-Appropriate Assessment, li huwa mandatorju taħt idDirettiva Ewropea dwar il-Habitats. Filwaqt li BirdLife Malta tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-gaġeġ tat-tonn jiġu mċaqilqa biex jonqos it-tniġġis tal-bajjiet – fenomenu li ilu żmien twil iħalli impatt fuq il-kwalità tal-ilma f 'diversi bajjiet u ekosistemi marittimi – fil-każ tal-applikazzjoni approvata nhar il-Ħamis ma ġewx osservati l-prerekwiżiti rikjesti f 'ċirkostanzi fejn żvilupp bħal dan jitpoġġa f 'siti marittimi Natura 2000. Mhux talli hekk, imma talli l-approvazzjoni saħansitra ssanzjonat żieda fin-numru ta' gaġeġ tal-ħut (minn erbgħa għal sitta) fuq dak li kien permess inizjalment f 'Kemmuna. L-applikazzjoni konċernata hi marbuta mar-rilokazzjoni temporanja ta' gaġeġ tat-tonn mill-parti tan-Nofsinhar tal- fliegu ta' Kemmuna lejn sit li jinsab bejn wieħed u ieħor 6km 'il barra mill-kosta qrib is-Sikka l-Bajda. Dan sakemm titwaqqaf żona tal-akkwakultura għat- Tramuntana mid-Dipartiment tas-Sajd. Il-post magħżul jinsab f 'żewġ siti stabbiliti bħala siti marittimi Natura 2000 li jikkwalifikaw sew bħala Żona marittima ta' Protezzjoni Speċjali (marine Special Protection Area, SPA) għall-għasafar tal-baħar taħt id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar, kif ukoll bħala Żona Speċjali ta' Konservazzjoni marittima (marine Special Area of Conservation, SAC) taħt id- Direttiva dwar il-Habitats. Artiklu 6 (4) tad-Direttiva dwar il-Habitats jgħid li siti kklassifikati bħala Natura 2000 jinħtieġu miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni, u pjani u proġetti li ma jikkontribwixxux biex jintlaħqu l-miri ta' konservazzjoni għas-sit inkwistjoni għandhom jiġu soġġetti għal Appropriate Assessment biex jiġu analizzati l-implikazzjonijiet fuq is-sit konċernat. Pjani bħal dawn jistgħu jiġu approvati biss wara li jkun żgurat li dawn mhux se jkollhom effett negattiv fuq is-sit konċernat, u jekk ikun meħtieġ, wara li tkun inkisbet l-opinjoni tal-pubbliku inġenerali. Fl-approvazzjoni ta' din l-applikazzjoni, l-ERA u l-PA ma segwewx din id- direttiva meta ma talbu li jsir l-ebda studju dwar l-impatt tal-iżvilupp propost. Fil-fatt, skont l-ERA, il-proposta ma kinitx tikkwalifika għall-ħtieġa li jsir Studju dwar l-Impatt Ambjentali jew Appropriate Assessment, u dan għaliex ir- rilokazzjoni hija biss soluzzjoni temporanja għas-sentejn li ġejjin. Filwaqt li perjodu ta' sentejn jista' jkun biżżejjed biex il-gaġeġ tat-tonn proposti jkollhom impatt fuq iż-żona, il- proposta tqajjem ukoll numru ta' preokkupazzjonijiet oħra li huma elenkati hawn taħt: (i) L-inħawi jinsabu f 'dik li hija magħrufa bħala r-'rafting zone' tal-Garni (Yelkouan Shearwaters) hekk kif fl-irdumijiet tal-Irdum tal-Madonna hemm l-akbar kolonja ta' dan l-għasfur tal- baħar (stmata li tammonta għal 3% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija). Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn dawn l-inħawi ġew stabbiliti bħala Żona marittima ta' Protezzjoni Speċjali magħrufa bħala 'Il-Baħar tal-Grigal'. Mhux magħruf jekk l-attività ta' fish farming hux se jkollha impatt jew le, għax ma saru l-ebda studji dwar l-impatt li jista' jkun hemm fuq iż- żona (ii) Qiegħ il-baħar fejn qed ikunu proposti l-gaġeġ tat-tonn huwa wkoll protett minħabba l-abitat partikolari tiegħu magħruf bħala maerl. Minħabba f 'dan jifforma parti minn dik li hija magħrufa bħala ż-Żona Speċjali ta' Konservazzjoni marittima 'Il- Baħar fil-Grigal ta' Malta'. Tul is-smigħ quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar il-konsulenti semmew li ż-żona fejn se jkun hemm il-fish farms għandha qiegħ tar-ramel imma l-effett jew l-impatt fuq dan l-abitat partikolari għad irid jiġi analizzat sew (iii) Ma ġew ippreżentati l-ebda studji fuq id-danni li l-gaġeġ tat-tonn 'il barra minn Kemmuna setgħu kkawżaw matul is-snin lill- ambjent marittimu biex jiġi antiċipat l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq iż-żona l-ġdida (iv) Minkejja li matul is-snin tqajmu diversi lmenti mill- awtoritajiet u mill-pubbliku fuq l-impatt tal-gaġeġ tat-tonn fuq il-kwalità tal-ilma baħar, hu mifhum li ma ġew imposti l-ebda bidliet fil-prattiċi tal- akkwakultura (v) L-ERA u l-PA ma qajmu l-ebda oġġezzjoni għall-fatt li l-iżviluppatur partikolari f 'dan il-każ ma onorax permess tal-ippjanar li nħariġlu fil-passat, anzi ssanzjonawlu ammont ikbar ta' ġaġeġ tat-tonn fiż-żona l-ġdida. Filwaqt li l-proposta li kienet saret snin ilu biex f 'dawn l-istess inħawi tiġi żviluppata wind farm kienet ġiet skrutinizzata għall-impatt ambjentali, din id-darba la l-ERA u lanqas il-PA ma talbu li jsiru studji simili. Finalment, mhux ċar lanqas liema kundizzjonijiet ġew imposti fuq l-iżviluppatur biex inħariġlu l-permess biex ikun żgurat li dan jieħu l-miżuri adegwati biex iħares l-ambjent tal-inħawi, u li fl- istess ħin jonora dawn l-istess kundizzjonijiet. BirdLife Malta tappella biex dawn il- kundizzjonijiet isiru pubbliċi. Birdlife tikkundanna r-rilokazzjoni tal-Fish Farms tat-tonn

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 June 2017