Illum previous editions

illum 18 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708

Contents of this Issue

Navigation

Page 28 of 35

Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 | illum Sports 29 Il-karrieri doppji -isport Meta jittieħed bis-serjetà, l-isport jinvolvi dedikazzjoni, impenn, ħafna sagrifiċċji u sodisfazzjon. U għal dawk l-atleti li jridu jsibu l-ħin fil-ġurnata biex jipprattikaw l-isport favorit tagħhom waqt li fl-istess żmien ikunu jaħdmu jew jistudjaw, dawn il-fatturi jsiru iktar diffiċli. F'dan is-sens, l-atleti li għalihom l-isport ma jkunx xogħolhom, ikollhom karriera doppja (dual career) fejn appuntu, l-atleti jkollhom isibu bilanċ bejn l-isport, l-edukazzjoni, ix-xogħol u saħansitra l-familja. Barra min hekk, l-atleti impenjati fi sport kompetittiv iridu jkunu ppreparati wkoll għaż-żmien meta jikbru fl-età u jaqbdu xi linja ġdida fl- isport favorit tagħhom. Fl-istess ħin, biex dan iseħħ, il-kwalità taċ-ċentri ta' taħriġ sportiv u tal-edukazzjoni għandha tkun għolja biżżejjed sabiex tissalvagwardja l-atleti u kif ukoll l-interessi tagħhom. L-Unjoni Ewropea (UE) tagħraf din id-dimensjoni tal-isport u tagħti importanza lill-karrieri doppji, speċjalment dawk taż-żgħażagħ. Fl-2012, grupp ta' esperti fi ħdan is-sezzjoni sportiva tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea, fassal linji gwida dwar il-karrieri doppji tal-atleti. Dan id-dokument jittratta diversi suġġetti marbuta ma' din it-tema, fosthom id-diffikultajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom atletli li għandhom karriera doppja. Instab li dawn l-atleti huma iktar żvantaġġjati minn studenti jew ħaddiema oħra minħabba fatturi bħal safar frekwenti minħabba l-karriera sportiva. Il-linji gwida jindirizzaw l-aktar tliet sfidi importanti għal dawn l-atleti: • Il-ħtieġa ta' sostenn lill-atleti tfal u żgħażagħ fl-ispeċjalizzazzjoni tal-isports, fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, u tal-persuni b'diżabilità; • Il-bilanċ bejn it-taħriġ sportiv u l-edukazzjoni u, fi stadju aktar tard tal-ħajja, il-bilanċ bejn it- taħriġ sportiv u l-impjieg, u; • L-irtirar tal-atleti mill- karriera tagħhom, inklużi dawk li jirtiraw kmieni. Kif wieħed jista' jinnota, is-suċċess tal-karriera doppja tal-atleti tiddependi fuq ħafna aspetti u minħabba f 'hekk, din it-tema tissemma f 'iktar politiki tal-UE li jitrattaw l-isport u l-edukazzjoni. Fil-fatt, l-UE tipprovdi għajnuna finanzjarja għal diversi proġetti u studji dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa f 'dan il-qasam. Bejn l-2014 u l-2015, ġie implimentat proġett iffinanzjat mill-UE permezz tal-programm Erasmus+, li l-iskop tiegħu kien li l-atleti jiġu mħajra jinteressaw ruħhom f 'karrieri doppji, u li jimplementawhom. Il-proġett, 'Networks of Knowledge', involva ħafna nies minn pajjiżi differenti li studjaw kif pajjiżi madwar l-Ewropa jakkomodaw atleti b'karrieri doppji u x'tip ta' għajnuna jiksbu. Wieħed mir-riżultati ta' dan il-proġett kien il-ħolqien ta' network (TWIN) biex tissaħħaħ l-idea ta' karrieri doppji tal-atleti u jipprovdi sapport lil dawk interessati. Studju kkummissjonat mill- Parlament Ewropew fl-2016 dwar il-kwalifiċi u l-karrieri doppji fl-isport wera li l-kwalifiċi u l-edukazzjoni formali u informali huma vitali biex l-atleti jkollhom karriera tajba kemm fl-isport u kemm f 'xogħlijiet oħra, speċjalment wara l-karriera sportiva. Ġie suġġerit li jingħataw korsijiet speċifiċi dwar il-karrieri doppji biex b'hekk, min ikun interessat jagħżel din it-triq, ikun jista' jisfruttaha bl- aħjar mod. L-Unversità ta' Malta qed tieħu sehem fi proġett tal-Erasmus+, intitolat ESTPORT, li jgħin lill- istudenti li huma wkoll atleti biex jibbilanċjaw il-karriera sportiva mal- edukazzjoni universitarja. L-edukazzjoni, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-isport, ma tissemmiex biss mill- istituzzjonijiet tal-UE, iżda ssibha wkoll f 'organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali bħall-UEFA. Fil- fatt, fil-UEFA Club Licensing and Financial Fair Play Regulations hemm klawsola li tgħid li, suġġett għal ċertu kundizzjonijiet, tfal jew żgħażagħ li jagħmlu parti minn klabb, għandhom jibqgħu jirċievu l-edukazzjoni obbligatorja skolastika, skont il-liġijiet nazzjonali. Aspett ieħor marbut mal-karrieri doppji hu dak li atleti professjonali jippreparaw għall-ħajja wara li jirtiraw. Din kienet l-għażla ta' bosti atleti ta' fama mondjali. Fosthom insibu lill-figura ikonika u leġġendarja tal-Brażil, Sócrates. Waqt li kien plejer tal-futbol, Sócrates iggradwa bħala tabib u saħansitra pprattika din il-vokazzjoni wara li rtira. Eżempji bħal dawn iseħħu wkoll fil-futbol kontemporanju. Riċentament, id-difensur Taljan ta' Juventus, Giorgio Chiellini iggradwa b'Masters degree for Business Administration. Fil-baskitbol, atleti bħall-eksplejer Steve Nash u l-player attwali Pau Gasol dejjem urew interess fl-edukazzjoni. Dan tal-aħħar jinteressah l-istudju tal-mediċina u waqt li hu atleta professjonali, isib ħin biex jinvolvi ruħu f 'dan il-qasam. Simili għal Sócrates, l-eksplejer tar- rugby, l-Arġentin Felipe Contepomi, iggradwa bħala tabib waqt li kien għadu atelta professjonali, u llum il-ġurnata jaħdem u jispeċjalizza fl- ortopedija. F'Malta, karriera doppja ħafna drabi hi ħtieġa minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-atleti ma jistgħux jipprattikaw l-isport li jħobbu b'mod professjonali. Madankollu, jeżistu ħafna opportunitajiet u skemi ta' studju li jikkumplimentaw il-karriera sportiva. Karriera doppja għall-atleti tista' tkun għażla u tista' tkun bżonn, però meta jkun hemm sistemi li jsostnuha, tkun ta' benefiċċju doppju. Dan il-ħsieb hu forsi l-aktar wieħed preżenti fil-ħidma tal-UE f 'dan il-qasam. L-importanza ta' karriera doppja qatt m'għandha tiġi sottovalutata għaliex din iżżid l-impjegabilità tal-atleti wara l-irtirar, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, l-edukazzjoni tgħin atleta jaħseb l-affarijiet b'mod aħjar u tgħin biex atleta jeċċella f 'dak li jagħmel. Għal min jixtieq aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett jista' jikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew info. meusac@gov.mt. Ringrazzjament speċjali għal dan l-artiklu jmur għal James Azzopardi, li huwa Uffiċjal Eżekuttiv fi ħdan il-MEUSAC.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 June 2017