Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480
illum | Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 Opinjoni 18 I ddiżappuntajt ruħi ferm naqra fil-ħarġa ta' dan il-ġurnal tal-11 ta' Ġunju 2017 l-analiżi ta' John Busuttil dwar ir-rebħa tal-Partit Laburista f 'Għawdex bl-isem "It-trio li bidel Għawdex minn blu għal aħmar." Kulħadd għandu d-dritt tal-opinjoni tiegħu u kulħadd għandu xi ftit jew wisq il-preġudizzji tiegħu imma dan ma jnaqqas xejn mid-dmir tal- kummentatur illi jkun objettiv u ekwilibrat, żewġ kwalitajiet illi dehru spiss nieqsa fl-artiklu inkwistjoni. Skont Busuttil, "L-Għawdxi vvota Labour għax ra l-ġid. Qatt l-Għawdxi ma ra ġid ekonomiku daqs f 'dawn l-aħħar erba' snin u għal dan ukoll kellu mertu Anton Refalo għax wieħed irid jammetti li Refalo lil Għawdex iħobbu ħafna u fejn jidħol Għawdex ma jidħol ħadd. Ħoloq kumitati fuq kumitati, dwar kultura, ideat turistiċi u sportivi, skemi tal-Gozo Channel biex Għawdex jimtela bil- Maltin u b'hekk jitkattar il-ġid f 'Għawdex. Forsi Anton Refalo mhux wieħed mill- aqwa kelliema politiċi. Bla dubju ma naqbilx mal-iskemi li nħolqu fejn forsi darrejna ċerti ħaddiema li ma jagħtux il-ħin kollu tagħhom u jieħdu l-flus xorta. Iżda l-fatt hu li l-maġġoranza tal-Għawdxin hekk darrewhom għal ħafna snin u anke jekk żgur li mhix is-sistema li għandha tkun, xorta tat il-frott tagħha favur il-Laburisti." Barra t-ton sinkofanti tiegħu, Busuttil donnu ma kienx jgħix f 'Għawdex f 'dawn l-aħħar snin biex jgħid illi Għawdex qatt ma ra l-ġid ekonomiku illi ra. Kieku verament Għawdex ra dan il-ġid ekonomiku, kieku n-numru ta' ħaddiema Għawdxin illi jaħdmu f 'Malta ma kienx ikompli jiżdied minn ċirka 2,250 fl-2013 għal 2,768 fl-2015. Dan dejjem skont statistika uffiċjali. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq illi l-Gvern Laburista falla fl-isfida illi jipprova joħloq impjiegi produttivi f 'Għawdex. Dejjem jekk kien verament interessat illi jilqa' għaliha. L-unika risposta tal-Gvern Laburista kienet il-ħolqien ta' "skemi li nħolqu fejn forsi darrejna ċerti ħaddiema li ma jagħtux il-ħin kollu tagħhom u jieħdu l-flus xorta" (kliem John Busuttil). Imma s-sur Busuttil ma jara xejn ħażin f 'dan għax skont hu, "l-maġġoranza tal-Għawdxin hekk darrewhom għal ħafna snin." Allura la hekk draw il-maġġoranza tal-Għawdxin, skont John Busuttil, dak illi għamel il-gvern Laburista u speċifikament il-Ministru Anton Refalo hu leġittimu. U dan irrispettivament mill- impatt fuq il-finanzi pubbliċi u fuq l-ekonomija Għawdxija. L-operaturi kollha fis-settur privat qed jilmentaw dwar nuqqas akut ta' ħaddiema u jiddependu assolutamemt fuq ħaddiema barranin li mhux dejjem jistgħu jiġu impjegati regolarment. Is-sur Busuttil jonqos illi jirrifletti fuq l-impatt fit-tul illi dina ż-żieda bla rażan fin-numru ta' impjiegi fis-settur pubbliku jew ma' kumpanija illi jagħtu servizz lis-settur pubbliku ser ikollha fuq il-prospetti ekonomiċi ta' Għawdex. Mill-banda l-oħra, kull min hu midħla t'Għawdex jaf illi mhux neċessarjament minnu illi bosta setturi tal-ekonomija Għawdxija sejrin tajjeb. Is-sur Busuttil għandu kull dritt ifaħħar lill-ministru Refalo għalkemm għadni ma ltqajt ma l-ebda Għawdxi ta' kwalunkwe kulur illi stqarr illi l-operat ta' Refalo f 'dawn l-aħħar erba' snin kien partikolarment feliċi. L-operat tiegħu bħala ministru għal Għawdex kien, fl-opinjoni tiegħi, ferm inferjuri għal dak bħala segretarju parlamentari bejn l-1996 u l-1998. Forsi hawnhekk inħass ferm in-nuqqas ta' kollaboraturi kapaċi bħalma kien Frank Psaila illi Refalo kellu jneħħi wara pressjoni ta' individwi illi eventwalment abbandunawh kollha. Imma jkolli nistqarr illi l-aktar ħaġa li ma naqbilx ma' Busuttil hu fejn kiteb "Iżda barra dawn il-gwerriera Laburisti xi ħaġa oħra li għenet li Għawdex isir Laburist kienu l-proposti mqanżħa u ftit emmnuti tal- PN. Fejn f 'ħafna minnhom jew kien diġà hemm suċċess Laburist fihom bħal fil-każ tad-dimensja, turiżmu, fast ferry, it-tieni fibre optic etċ. Filwaqt li kien hemm oħrajn li l-Għawdxin ħaduhom bin-n.... Bħal fil-każ tar-roti u karozzi tal-elettriku, bħall- gimmick tal-kampanja li min imur jgħix Għawdex jingħata €10,000, li Għawdex ikun reġjun meta kienu l-istess Nazzjonalisti li m'applikawx għalih ħalli ma jnaqqrilhomx mill-fondi Ewropej ta' Malta." Jidhirli illi dan hu lingwaġġ illi qajla jispira fiduċja fl-objettività ta' min kitbu. Għax wieħed jista' jgħid li jrid għala l-Partit Laburista kellu s-suċċess li kellu f 'Għawdex imma illi tiġi tgħid illi l-proposti tal- PN kienu mqanżħa u "ftit emmnuti" hija tassew xi ħaġa straordinarja. Is-sur Busuttil donnu ma tax kont adekwat tal-mijiet ta' impiegi illi ngħataw fiċ-Ċittadella u mal-Gozo Channel u dana speċjalment fl-aħħar ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni. U sintendi l-anqas ta każ il- bosta permessi illi ngħataw, permessi illi ħafna drabi kienu mwaħħlin għal raġuni jew oħra. Kif ukoll ma tax każ il-mewġa ta' promozzjonijiet u trasferimenti illi saru fis- settur pubbliku u l-kuntratti li ngħataw, spiss mingħajr sejħa għall-offerti. Ovvjament, naċċetta illi l-programm ta' mitt proposta tal-PN illi għall-ewwel darba nġabru f 'manifest separat ma ġiex aċċettat mill-elettorat, spiss minħabba r-raġunijiet illi diġà semmejt. Imma nibqa' nsostni illi l-proposti tal-PN dwar Għawdex kienu tassew pożittivi, altru milli "mqanżħa" u hu żball storiku tal-elettorat Għawdxi illi ma ħaddanhomx. Skont Busuttil u propagandisti Laburisti oħra, hija "proposta mqanżħa" "li Għawdex ikun reġjun meta kienu l-istess Nazzjonalisti li m'applikawx għalih ħalli ma jnaqqrilhomx mill- fondi Ewropej ta' Malta." Din hija affermazzjoni illi hija tgħawwiġ tal-fatti. Jista' Busuttil jgħidilna fejn wieħed irid japplika sabiex Għawdex ikun reġjun? Għawdex isir reġjun meta l-Parlament Malti jiddeċiedi hekk u dan hu li ssib fl-ewwel proposta tal-Partit Nazzjonalista. Forsi Busuttil u l-propagandisti Laburisti jgħidulna x'fiha ħażin illi Għawdex jiġi ddikjarat reġjun. U għala dan m'għandux isir għaliex allegatament in-Nazzjonalisti naqsu illi japplikaw sabiex ma jitnaqqrux il-fondi Ewropej. Busuttil messu vverifika ftit il-fatti. Sal-lum, in- nuqqas ta' status reġjonali ta' Għawdex bl-ebda mod ma affetwa l-fondi Ewropej għad-dispożizzjoni. L-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet intrabtet illi tonfoq għaxra fil-mija tal- fondi Ewropej f 'Għawdex u fost proġetti oħra, saret it-triq mill-Imġarr sa Ta' Pinu u ġiet ristawrata ċ-Ċittadella. Din l-amministrazzjoni wkoll żammet l-istess wegħda imma dawn l-aħħar erba' snin, barra t-tlestija taċ-Ċittadella illi saret b'mod stupend, ftit li xejn rajna nfiq ta' fondi komunitarji f 'Għawdex. Wieħed irid isaqsi għala dan u jittama illi taħt il-ministru l-ġdida, tingħata spinta aktar dinamika għall-infiq ta' fondi komunitarji f 'Għawdex. Jidher illi Busuttil qabiżlu wkoll il-fatt mhux traskurabbli illi l-gvern Laburista ma wettaq l-ebda waħda mill-proposti illi għamel fl-2013. Xi jrid jgħid biha bit-tieni fibre optic cable jew bil-fast ferry service? Donnu ma indunax illi dawn għadhom ma twettqux u s'issa paroli biss smajna. Niltaqgħu sena oħra u għalkemm nittama illi l-affarijiet ma jibqgħux l-istess, ma tantx jien ottimist. Fost il-"proposti mqanżħa" li ħareġ bihom il-PN kien hemm it-twaqqif ta' Kunsill Reġjonali "biex il-gżira terġa' tieħu rajha f 'idejha u ħtiġijiet veri ta' Għawdex jitqiegħdu fuq l-aġenda nazzjonali." Proposta numru 10 pproponiet it-twaqqif ta' Aġenzija għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex "bl- għan li tħajjar investiment dirett nazzjonali u barrani lejn Għawdex u li tmexxi l-proġetti infrastrutturali" tal-entitajiet pubbliċi Għawdxin f 'mod koerenti u effettiv. Din l-aġenzija kien ser ikollha l-isbriga illi tattira l-investiment barrani u b'hekk tinqata' d-dipendenza soffokanti fuq Malta Enterprise illi spiss ittraskurat il-vera interessi ta' Għawdex. Forsi Busuttil, jew xi ħadd ieħor, jgħidilna x'fihom imqanżaħ dawn il-proposti. Jgħidulna għala dawn il- proposti u bosta oħrajn li m'għandix il-ħin u l-wisgħa illi nsemmi m'għandhomx jitwettqu għall-ġid ta' Għawdex u l-Għawdxin. Jiena konvint illi l-poplu Għawdxi għad irid jirrealizza illi kien żball storiku illi ma japprovax il-proposta ta' Kunsill Reġjonali illi kienet ser tagħtih awtonomija istituzzjonali u finanzjarja. U jfittex illi jikkoreġi t-tali żball. Jiena nawgura illi l-amministrazzjoni Laburista tadotta dak li jidhrilha illi hu pożittiv u fattibli mill- proposti tal-PN. F'dan ir- rigward, żgur illi l-ministru l-ġdida t'Għawdex ser ikollha rwol ċentrali illi tirrikonċilja dak li hu tajjeb u fl-aħjar interess ta' Għawdex mill- proposti taż-żewġ partiti. L-għan aħħari hu l-progress u l-ġid f 'Għawdex u jiena ċert illi Justyne Caruana ser tidħol għall-inkarigu l-ġdid tagħha bl-istess enerġija u determinazzjoni illi wriet fl-inkarigu preċedenti tagħha. Jiena minn din il-kolonna nawguralha suċċess għax dan ikun fl-interess tal-gżira kollha u anke tal-pajjiż. Nawgura illi tieħu ħsieb l-interessi t'Għawdex u mhux biss illi "jiġu moqdija aktar nies li jmorru jkellmu lill-ministru milli dawk li jistennew li għandhom jiġu moqdija għax huma kapaċi għax hekk suppost" (kliem John Busuttil) u b'hekk, ikollha suċċess kbir u tinżel fil-posterità. Jiena sinċerament nittama illi taqbad tali triq għax wisq nibża' illi Għawdex ma jiflaħx aktar għall-politika esklussivament klijentalistika illi qed jiżvina l-vitalità ekonomika tiegħu. Iż-żmien kontrina u Justyne Caruana llum għandha f 'idejha d-destin ta' din il-gżira. Trid tagħraf tindirizza urġentement il-problemi li tħallew jakkumulaw jew illi ġew injorati. L-Għawdxin kollha ta' rieda tajba għandhom jappoġġjawha f 'dan il-għan. U ċertament jifirħu jekk jirnexxilha taħdem fl-interess ta' Għawdex u l-Għawdxin kollha. Tqanżih Vojt JOE ELLIS