Illum previous editions

illum 25 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/841480

Contents of this Issue

Navigation

Page 34 of 35

Il-Ħadd 25 ta' Ġunju 2017 | illum Sports 35 l-oħrajn anke lill-ASA (Aquatic Sports Association). B'ċerti fondi illi tawna stajna nixtru apparat relatat ma' dan l-isport. Huma jemmnu fina għax għadna żgħar u jaraw fina l-futur tal-isport Malti. Naf ukoll illi inti kull tant żmien tmur Ruma sabiex tkun tista' titħarreġ iktar b'mod professjonali fl-għawm. Bla dubju illi l-ġenituri jikkontribwixxu finanzjarjament sabiex tkun tista' tagħmel dawn il-vjaġġi. Taħseb illi forsi l-Kumitat Olimpiku Malti jista' jgħinek ukoll f 'din il-biċċa tax-xogħol? Ifhem jien qed immur l-aktar Ruma għax irrid jien mhux għax bilfors. L-iskop ewlieni tiegħi huwa illi nkompli ntejjeb il-ħiliet tiegħi fl-għawm. Bħala għajnuna naħseb illi għalissa l-KOM ma jistax jgħin aktar milli suppost għax din hija inizjattiva illi ħriġt biha jien. Problema illi nara Malta hija l-fatt illi intom tikkompetu kontra l-istess għawwiema u għalhekk meta tipparteċipa f 'kompetizzjoni internazzjonali forsi r-realtà hija waħda differenti. Kemm hu importanti illi jsiru dawn it-training camps bħalma tmur int? Nemmen illi training camps huma importanti ferm biex għawwiem jew għawwiema tkompli ttejjeb l-abbiltajiet u anke l-ħinijiet illi ġġib. Fuq livell internazzjonali dan huwa ferm bżonjuż sabiex naraw riżultati aħjar. Meta int toħodha kontra atleti aħjar minnek titgħallem tista'. Barra minn hekk meta int tagħmel dawn it-tip ta' training camps dejjem ħa żżomm saqajk mal-art għax meta tara r-ranking Ewropew illi għandhom ċerti għawwiema dejjem hemm il-bżonn illi żżid l-livell tiegħek. B'hekk int dejjem tkun ikkonċentrat u tħares 'il quddiem. Kemm hu importanti illi għawwiema tkun preparata wkoll psikoloġikament għal xi tellieqa? Huma importanti ferm illi għawwiema jkollha moħħha rilassat u fl-istess ħin iffukat fuq it-tellieqa li tkun ser tikkompeti fiha. Nista' ngħidlek illi l-psikoloġija tilgħab parti mportanti fil-ħajja ta' kull atleta għax barra li huwa mportanti illi tkun b'saħħtek fiżikament, huwa fundamentali illi wieħed ikun preparat mentalment. Ħa nġiblek eżempju. Ejja ngħidu illi int tkun ser tikkompeti f 'relay u int tkun l-aħħar waħda illi jkun imissek biex tispiċċa t-tellieqa. Il-pressjoni mentali illi jkollok f 'dak il-waqt hija kbira. Tibda ssaqsi lilek innifsek ħafna mistoqsijiet u fl- istess ħin int li tkun ser tispiċċa it-tellieqa hemm ħafna affarijiet li jiddependu minnek. Għalhekk meta wieħed ikun konċentrat mija fil-mija jgħin sabiex jirnexxi f 'dik il-kompetizzjoni partikolari. Semmejt it-tellieqa tar-relay. Kemm huwa importanti illi bħala tim tkunu magħqudin qabel xi kompetizzjoni? Huwa importanti ferm illi nkunu għaqda waħda fit-tim. Tajjeb illi kulħadd jagħti sehmu għax dak li tagħmel persuna jeffettwa b'xi mod il-grupp kollu. L-għaqda għalhekk tiswa daqs it-tellieqa kollha. Aħna li għadna żgħar fadlilna nkomplu nitgħallmu minn xulxin u nemmen illi aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar kapaċi ningħaqdu iktar bħala grupp tar-relay. Kemm issibu għajnuna mill-ASA? Nista' ngħidlek illi nsibu ħafna għajnuna minn din l-assoċjazzjoni tant illi anke toħroġ b'ideat veru tajbin u torganizza diversi kompetizzjonijiet sabiex aħna l-għawwiema jkollna aktar esperjenzi siewja. Qed naraw ukoll aktar investiment u progress f 'dan l-isport tal-għawm minħabba illi din l-assoċjazzjoni qed tieħu l-affarijiet bis-serjetà. Il-kowċis illi qegħdin jiġu qed jgħinuna mhux ftit biex intejbu l-livell tagħna u dan ikompli jixpruna 'l quddiem il- ħidma illi l-ASA qed tagħmel. Kellimni ftit dwar l-infrastruttura li teżisti f 'Malta fejn għandu x'jaqsam it- taħriġ tal-għawm. Jien bħala għawwiema nitrenja fil-Pixxina Nazzjonali f 'Tal-Qroqq minħabba illi din għandha l-qies uffiċjali fuq livell Olimpiku. Jeżistu pixxini oħra veru iżda mhux kollha għandhom it-tul neċessarju. Jekk nikkompara l-pixxina nazzjonali tagħna ma' dawk ta' pajjiżi oħra, tagħna hija mibnija fuq barra jew kif inhi msejħa bl-Ingliż outdoor pool filwaqt illi barra minn Malta jeżistu ħafna pixxini indoor. Il-kwalità tal-ilma hija wkoll differenti u dan forsi jeffetwa l-wirja tiegħek. Trid tkun ippreparat għal kull ċirkostanza għalkemm qabel dejjem ikollna ċ-ċans nippruvaw l-ilma sabiex naraw kemm saħħa fiżika għandna nagħmlu għal tellieqa effiċjenti. Kemm huwa importanti għalhekk illi jkollna pixxina indoor? Huwa siewi ferm illi jkollna pixxina mibnija fuq ġewwa sabiex it-taħriġ jibqa' għaddej matul is-sena kollha. Eżempju ta' dan huwa t-temp illi jeffettwa mhux ftit it-taħriġ tagħna. Meta tkun ix-xita jew il- bard ma tkunx tista' titrenja sew minkejja illi forsi l-pixxina tkun imsaħħna. Il-muskoli ma jkunux jistgħu jiffunzjonaw kif suppost. Dan bħal meta tmur biex tagħmel breaststroke fil- kesħa. Meta tiġi biex iddur ġismek bħal qisu jiffriża meta tkun qed tikkompeti f 'temperaturi kesħin. X'inhuma s-sagrifiċċji illi tagħmel sabiex tirnexxi personalment? L-ewwel ħaġa trid tieħu l-affarijiet bis- serjetà. Tieħu ħsieb il-prijoritajiet ewlenin f 'ħajtek u kemm jista' jkun tiffoka sew qabel tellieqa. Il-ħin kemm titħarreġ huwa importanti sabiex tkompli tirnexxi u ttejjeb il-ħinijiet tiegħek. Kif għedtlek jien ftit noħroġ u tista' tgħid illi ma tridx tiġi influwenzata illi tarahom joħorġu u jgawdu. Trid toqgħod ferm attenta x'tiekol u x'tixrob. Fi ftit kliem importanti ħafna d-dixxiplina sabiex issir l-atleta li veru tixtieq. Kemm issib għajnuna mill-ġenituri? Il-ġenituri mhux biss jgħinuni sabiex inkompli ntejjeb il-ħiliet tiegħi f 'dan l-isport iżda jiddixiplinawni sabiex nibqa' moħħi hemm f 'kulma nagħmel f 'ħajti. Ovvjament huma jgħinuni ħafna finanzjarjament fejn qatt ma jħalluni nieqsa minn xi opportunità illi forsi tiġini barra minn xtutna. Ta' dan nixtieq nirringrazzjahom ħafna għax kieku m'iniex dik il-persuna li jien illum. Illum int għandek 11-il rekord ta' Age Groups u erba' Nazzjonali wara ismek peress li din is-sena rnexxielek tikser tmien rekords ta' Age Groups u tmien Rekords Nazzjonali (individwali u relays). Iżda x'emozzjonijiet ħassejt f 'San Marino meta, waqt li kont qed tirrapreżenta għall-ewwel darba lil pajjiżek, sirt taf illi ksirt tliet Rekords Nazzjonali apparti tnejn tal-Age Groups? Kont kuntenta ħafna b'dak illi rnexxieli nagħmel. Kelli ħafna grinta u motivazzjoni biex immur aħjar u sa ċertu punt irnexxieli. Ir-rekord tal-200m Individual Medley irnexxieli ntejbu darbtejn fl-istess ġurnata u mbagħad fit-Team Medley Relay, bid- determinazjoni li kelli biex ngħin lil sħabi, irnexxieli nniżżel il-ħin tiegħi b'iktar minn żewġ sekondi biex ksibt ir-rekord tal-100m Backstroke. Flimkien ma' sħabi bħala tim għamilna r-Rekord Nazzjonali tal-4x100 Medley, fejn kulħadd ta iktar milli kellu u din turi kif meta tkun qed tikkompeti għal pajjiżek il-motivazzjoni tkun waħda kbira. F'moħħi kelli illi nagħmel lil pajjiżi kif ukoll il-ġenituri kburin b'dak li għamilt kif ukoll lill-klabb tiegħi ta' Neptunes. Kemm jgħinek l-għawm fil-ħajja tiegħek ta' kuljum? L-għawm huwa sport sabiħ immens. Jagħtik sens ta' dixxiplina kbira u psikoloġikament tkun aktar kunfidenti f 'dak li tkun qed tagħmel. L-esperjenzi illi ġġib f 'dan l-isport, partikularment jekk tkun sifirt għal xi kompetizzjonijiet internazzjonali huma kbar u uniċi. Jien li għad għadni żagħżugħa qed inħoss illi l-għawm qed jgħinni ħafna biex niżviluppa f 'kull sens f 'ħajti. Kif qed tarah il-futur tiegħek f 'dan l-isport? Għadni żgħira u għad fadalli x'nitgħallem. Ħa nistinka kemm niflaħ sabiex nitjieb dejjem aktar. L-għan tiegħi issa huwa illi mmur għal-Logħob Olimpiku. U jekk forsi xi darba ma mmurx kif nixtieq ma jkun ġara xejn. Bħalma jgħidu fil-ħajja trid tkompli tipprova u ma taqta' qalbek qatt. tal-Preżent u tal-Futur f 'pajjiżna Twieldet Tas-Sliema d-29 ta' Settembru 2002. Għadha kemm kisbet suċċess inkredibbli waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f 'San Marino, fejn kisret tliet Rekords Nazzjonali apparti tnejn tal-Age Groups. Għandha 11-il rekord ta' Age Groups u erba' Nazzjonali wara isimha peress li din is-sena rnexxielha tikser tmien rekords ta' Age Groups u tmien Rekords Nazzjonali (individwali u relays). MYA AZZOPARDI Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 June 2017