Illum previous editions

illum 2 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/844302

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 35

illum | Il-Ħadd 02 ta' Lulju 2017 Opinjoni 10 I l-ġimgħa li għaddiet l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż inġabru f 'Ħal Safi biex jagħtu l-aħħar tislima lil Pietru Pawl Busuttil, iben kburi ta' Ħal Safi. Kif qal il-qassis waqt l-omelija, Pietru Pawl Busuttil għandu numru ta' esperjenzi jew "ritratti" kif sejħilhom hu. L-esperjenza, pereżempju, ta' Sindku maħbub u popolari. L-esperjenza ta' raħħal. L-esperjenza ta' persuna tikkumbatti l-mard. U forsi l-iktar ħaġa li isem Pietru Pawl baqa' sinonimu miegħu: l-inġustizzja magħmula f 'isem il-ġustizzja. Jiena ħassejt li kelli d-dover bħala Ministru tal-Ġustizzja iktar milli bħala deputat elett fuq Ħal Safi li bil-preżenza tiegħi nsellem dan ir-raġel li l-istorja tiegħu tfakkarna għaliex għandu jkollna l-aqwa salvagwardji u garanziji kontra kwalunkwe abbuż waqt l-arrest, jiġifieri fl-iktar mument fejn persuna tkun debboli quddiem l-awtoritajiet eżekuttivi. Lil Pietru Pawl ma kontx nafu ħafna għajr kif kienu jafuh ħafna nies bħala Sindku ħabrieki f 'Ħal Safi, imbagħad bħala kunsillier. Però ġieli ltqajt miegħu, u darba minnhom kellna diskursata pjuttost fit-tul ġo ħanut tat-te fil-Belt fiż-żmien li kont għadni naħdem ta' avukat fil-prattika privata. Tfakkira Il-ħajja mimlija tfakkiriet. Kultant tigri ċirkostanza li tfakkrek f 'xi ħaġa jew f 'xi bżonn. Hekk ukoll it-telfa ta' Pietru Pawl. Hija tfakkira. Tfakkrek fl-importanza li f 'pajjiżna jkollna sistemi li jagħtu l-aqwa salvagwardji kontra l-abbuż, jiġi minn fejn jiġi u jkun min ikun fil-Gvern. Jiena ma nħossnix kompetenti li ngħaddi ġudizzju fuq x'ġara fi żminijiet li m'għexthomx jew kont għadni żgħir wisq biex niftakar. Lanqas ma naħseb joħroġ xi ġid jekk wieħed jerġa' jiftaħ il-feriti ta' episodji li pajjiżna mexa 'l quddiem minnhom u li mhux se jerġgħu jiġu. Biss, li naf hu li hemm sentenza fejn b'mod ċar tillibera lil Pietru Pawl minn kwalunkwe akkuża u tgħaddi kliem iebes fuq l-operat tal- Pulizija ta' dak iż-żmien. Ħadd mhu infallibbli Jien nemmen li mis-sema 'l isfel ħadd mhu infallibbli u kulħadd soġġett għall-iżball. L-iżball ġieli jsir b'mod ġenwin u hemmhekk, għad li xorta joħloq dwejjaq, wieħed jista' jasal biex jifhmu. Hemm żballji li ma jsirux b'mod ġenwin imma b'mod maħsub. Hu x'inhu ħadd mhu infallibbli u jitla' min jitla' Gvern għada, pitgħada u pitpitgħada, żgur li ma jista' qatt jaħlef li kull uffiċjal pubbliku qed jaqdi dmiru b'onestà u l-aħjar mod. Issa jiena wieħed minn dawk li lill-Pulizija naqbeż għalihom u nitkellem favur tagħhom kullimkien. Imnalla jkunu huma u jixirqilhom l-aqwa rispett. Aħna nippretendu l-aqwa u l-aħjar operat minn kull membru tal-Korp tal-Pulizija. Biss li tippretendi biss l-aqwa u l-aħjar operat mhux biżżejjed għax tkun qed tissoġġetta ruħek għall-konsegwenzi ta' żbalji ġenwini jew le. Trid inti jkollok sistemi fis-sistemi nfushom li jagħtu liċ-ċittadini tarka u garanziji ta' serħan il- moħħ għal kontra l-iżball jew abbuż. Kif konna u fejn wasalna Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li nipprova niskorja gowls politiċi, anke għaliex il- Ġustizzja nemmen li trid tkun 'il bogħod mill-kontroversja politika. L-intenzjoni tiegħi hi biss li ninforma għaliex diversi drabi jiġu n-nies u jsaqsuni: Owen, imma inti għala qed ittihom dan id-drittijiet kollha lill-kriminali? Ir-risposta tkun: preċiżament għaliex irrid inkun ċert li jekk xi ħadd jeħel il-ħabs, dak ikun verament ħaqqu li jeħel il-ħabs. Min jaf kieku jkun it-tifel tiegħek jew xi ħadd għażiż għalik flok xi ħadd li għadda martirju bħal Pietru Pawl? Sa ftit snin ilu Pulizija setgħet tarrestak u żżommok arrestat sa 48 siegħa. Ma kien hemm prattikament ebda salvagwardja oħra għajr iż- żmien massimu taż-żamma ta' 48 siegħa. La stajt iċċempel avukat, la stajt iġġib avukat jassistik, la stajt taqra l-file tal-Pulizija kontrik. Xejn. Mhux qed ninsinwa li l-Pulizija jarrestaw lin-nies għalxejn b'xejn jew inkella jarrestawhom mingħajr suspett raġonevoli jew inkella jarrestawhom bil-għan li "jibblaffjaw" waqt l-interrogatorju u joħorġu xi ħaġa. Xejn minn dan. Li qed ngħid hu li dawk it-tip ta' sitwazzjoni kienu qed ipoġġu lill-arrestat f 'riskju li l-poteri li għandhom il-Pulizija setgħu jiġu abbuzati. Jekk inti tagħti dawk il-poteri kollha mingħajr salvagwardji, mhux bilfors! U hu għalhekk li l-iktar uffiċjali serji fil-korp huma favur iktar salvagwardji u garanziji għaliex hekk huwa fl-aħjar interess ta' kulħadd, inkluż l-investigatur onest u bona fide. Mas-snin il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem daħħlet il-kunċett tal-avukat waqt l-arrest bħala dritt ta' dak li jkun. Sfortunatament dan id-dritt iddaħħal ftit wisq u tard wisq fi żmien Gvernijiet preċedenti bil-konsegwenza li listi ta' persuni li kienu ammettew fl-istqarrija li għamlu l-ħażin ħarġu scot free għaliex l-istqarrija ġiet iddikjarata li ma tiswiex għaliex ma kienx hemm l-aċċess għal avukat. Fi żmien il-leġiżlatura preċedenti daħħalna tliet drittijiet prinċipali u anke ħriġna legal notice, b'konsultazzjoni sħiħa mal-AG u l-Kamra tal-Avukati, li jidħol sa l-inqas dettall. L-ewwel nett id-dritt tad-disclosure, jiġifieri d-dritt li l-akkużat tkun taf x'hemm fil-file kontra tiegħek. It-tieni nett id-dritt tal-avukat waqt l-arrest fejn l-avukat ikun anke fiżikament preżenti u t-tielet nett il-fatt li l-istqarrijiet qed jiġu rrekordjati fl-għases prinċipali. Konvint li kieku fiż-żmien meta seħħ il-każ ta' Pietru Pawl kien hemm dawn is- salvagwardji kollha, l-istorja kienet tkun ferm u ferm differenti. Għalhekk jien kburi li wettaqna bidla li tinftiehem, bidla b'saħħitha għal iktar ġustizzja sostantiva. Presidenza Ridt nattendi attività soċjali organizzata mit-tim li mexxa l-Presidenza ta' Malta tal- Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex bil-preżenza tiegħi nirringrazzja minn qalbi lin- nies kollha – politiċi u tekniċi – li rrendew il-Presidenza suċċess. Il-Presidenza ta' Malta kienet suċċess mill-bidu sal-aħħar u l-fatt li għamilna tant progress fuq tant dossiers juri li Malta għal darb'oħra taf tagħmel id- differenza fuq sfera Ewropea u Internazzjonali. Ħadt gost, b'mod speċjali, bit-tifħir li kellu l-Politico dwar il-Presidenza ta' Malta u r-rating eċċellenti li tatna fl- oqsma tal-Ġustizzja u Sigurtà li huma oqsma fejn tajna ħafna u ħafna enerġija u input. Dan is-sentiment ma jinstabx biss fil-paġni tal-Politico imma fil- kurituri ta' Brussell. Wara l-Presidenza Malta kibret ħafna fir-rispett li għandhom għalina sħabna l-Ewropej u partners oħra. OWEN BONNICI 'It-telfa ta' Pietru Pawl hija tfakkira. Tfakkrek fl-importanza li f 'pajjizna jkollna sistemi li jagħtu l-aqwa salvagwardji kontra l-abbuż, jiġi minn fejn jiġi u jkun min ikun fil-Gvern' L-istorja ta' Pietru Pawl Busuttil u t-tagħlima tagħha

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 2 July 2017