Illum previous editions

illum 9 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/846772

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 09 ta' Lulju 2017 Opinjoni 22 D an l-aħħar, għal raġunijiet ovvji, konna qegħdin nisimgħu ta' spiss diskors dwar l-għaqda nazzjonali u dwar il-kunċett ta' identità nazzjonali. Iż-żewġ nozzjonijiet ta' spiss iddiskutejthom u mhux biħsiebni nagħmel hekk illum ukoll. Lanqas ma jien se niddiskuti xi punt politiku li seħħ dan l-aħħar għalkemm nixtieq inqajjem punt dwar waħda mill-wegħdiet li l-Partit Laburista għamel fil-manifest elettorali tal-aħħar elezzjoni, wegħda li mhux żgur ħadd iddiskutieha għaliex l-ewwel nett mhijiex kontroversjali bħal-liġi dwar iż-żwieġ(ijiet) u t-tieni ma tmissx l-interessi personali bħalma huma ż-żidiet fil-pagi u t-tnaqqis fit-taxxi. Punt 22 tat-taqsima "Arti u Kultura" fil-manifest elettorali Laburista jressaq il-wegħda li gvern Laburista jagħti "ġieħ lill-poeta nazzjonali tagħna billi nikkummisjonaw (sic) it-traduzzjoni tal- opus letterarju ta' Dun Karm f 'mill-inqas ħames ilsna ewlenin." Din l-idea kont ippronponejtha lit- tmexxija ta' V18 waqt laqgħa stramba li kienet saret snin ilu f 'punt bikri tal- proċess biex il-Belt issir il-belt kapitali kulturali Ewropea s-sena d-dieħla u kont ipproponejtha wkoll lill-Akkademja tal- Malti u allura ħadt gost mhux ftit nara li l-partit fil-gvern ippromwova l-istess proposta u, issa nistennew, li jattwaha. Kien ir-Romantiċiżmu Ewropew fis- sekli tmintax u dsatax li ħoloq il-kunċett ta' Poeta Nazzjonali. Kien fl-istess perjodu li twieldet l-idea ta' nazzjon, dik l-immaġinazzjoni ta' għaqda nazzjonali f 'identità waħda kollettiva. Jekk l-idea ta' identità kollettiva, kif għidna kemm- il darba, hija idea problematika ħafna, anki l-idea ta' poeta nazzjonali taf tkun daqstant ieħor. Fid-definizzjoni ta' poeta nazzjonali hemm il-ħsieb li x-xogħol ta' dan (qatt mhu l-każ ta' din, u b'hekk hemm diġà raġuni waħda għala 'poeta nazzjonali' huwa kunċett problematiku) jirrifletti din l-għaqda nazzjonali tal- poplu. Il-ġabra ta' xogħlijiet tal-poeta nazzjonali tittieħed bħala dokument miktub minn xi ħadd iżda f 'isem il- poplu magħqud li jiddefinixxi lill-istat: jgħid min hu dan l-istat u, importanti, jindika x'jagħmlu differenti minn stati oħrajn, jagħmlu uniku. Mitt sena ilu l-idea ta' Malta nazzjon, li kienet espressa diġà minn Mikiel Anton Vassalli, bdiet tieħu l-forma poetika tagħha minn numru ta' poeti, imma fost dawn jispikka Dun Karm. U l-istess kif kellhom pajjiżi oħrajn Ewropej li wkoll fittxew li jgħaqqdu lilhom infushom, kunċettwalment, f 'nazzjon, xi ħadd ħareġ bl-idea u l-idea xxerrdet, li Malta kellha poeta nazzjonali u dan kien Dun Karm. Issa, wieħed jista' jaqbel jew ma jaqbilx ma' din l-għażla, u jista' wkoll jaċċetta u ma jaċċettax l-idea ta' poeta nazzjonali. Filwaqt li l-era tan-nazzjonaliżmi għaddiet, huwa evidenti li l-kunċett għadu ħaj, espress u ċċelebrat u saħansitra użat biex xi wħud iperrċu l-preġudizzji u l-mibegħdiet tagħhom. Nistgħu anki nissuspettaw li l-Ewropa qiegħda tgħix it-tieni era tan-nazzjonaliżmu, b'ħolqien ta' diskors xi drabi perikoluż li jirreferi għal razez, demm u ġenetika. Madankollu nemmen li dak li għandna llum – u issa qed naqleb il- kliem għall-punt artistiku aktar milli politiku – ma kienx jeżisti kieku ma kienx hemm il-passi ta' dawk li ġew qabel, passi li, jogħġbuk jew le, ħallew l-impronta tagħhom. Dun Karm ħalla wirt relattivament kbir warajh u jibqa', b'xi mod jew b'ieħor, punt ta' referenza. Imqar fuq livell popolari, bl-innu nazzjonali fuq kollox imma anki bid- diversi innijiet reliġjużi li ħafna minna tgħallimna għall-ewwel tqarbina jew fil-btieħi tal-iskola fi dħul Mejju, Dun Karm huwa figura ikonika li timmarka, jekk xejn, bidu ta' mixja, sisien li fuqhom inbena bini li nistħajjel li Dun Karm stess ma kienx ikun komdu bih minkejja li huwa nnifsu għandu sehem fih. U allura, iva, jagħmel ħafna sens li x-xogħol ta' dan il-persunaġġ importanti fl-istorja lokali, ikun tradott f 'ilsna ewlenin. Dan għaliex issa ilna mill- 2004 f 'realtà politika u kulturali li titlob u li tħeġġeġ li jsir dan. Waħda mill- affarijiet li kienet tolqotni meta kont inżur pajjiżi Ewropej 'ġodda' (jiġifieri dawk li kienu moħbija wara xi purtiera) kienet il-preżenza tal-kotba tal-poeti nazzjonali u ta' oħrajn meqjusin fost l-aqwa, tradotti għall-Ingliż, fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba. Pajjiżi Ewropej 'żgħar', jiġifieri b'popolazzjoni ta' ftit miljuni, li fil-bidu tas-seklu tagħna kienu għadhom ħirġin mill-għata tal-ħadid, riedu jaċċertaw irwieħhom li l-preżenza tagħhom fuq il-kontinent kellha tkun waħda kulturali minbarra politika. Riedu jaċċertaw irwieħhom ukoll li l-Ewropa l-antika, imqar fuq livell kulturali, ma timponix ruħha fuqhom, iżda tiltaqa' magħhom nofs triq. U dan seta' jsir biss bl-opportunitajiet ta' inkontri kulturali, fosthom it-traduzzjoni tax-xogħlijiet l-aktar importanti tagħhom. F'Malta dan ma seħħx, għaliex id-diskors dwar l-UE fil-bidu kellu x'jaqsam biss mal-asfalt tat-toroq (li baqa' diżastruż sal-lum il-ġurnata), l-importazzjoni tal-għaġin u l-inbejjed, u l-biża' li l-Mafja se jkollha sodda oħra. U fuq livell kulturali, id-diskors, sfortunatament kien li se nitilfu l-identità u li dak li ħadmu għalih Dun Karm u sħabu kien se jsir suf. Fortunatament, illum qegħdin niġu mwiegħda, għall- kuntrarju, li Dun Karm se jkollu, fl-aħħar, l-opportunità jinqara minn numru kbir ta' nies 'il barra mix-xtut li tant ħabb u kiteb dwarhom. Il-gvern għandu jaħseb ukoll, iżda, biex irawwem fost iċ-ċittadini, rispett akbar lejn dak li għandu. Fuq dan nistgħu ngħidu ħafna, imma nixtieq nagħlaq b'referenza oħra għall-programm elettorali tal-PL. Punt 35 tal-istess sezzjoni, tħabbar li l-Mużew tal-Istorja Naturali se jiċċaqlaq mill-Palazz Vilhena. Nistħajjel li xi ħsieb ta' proġetti għal din il-binja tant sabiħa u prominenti hemm diġà. Forsi wieħed għandu jikkonsidra li l-ewwel binja li jiltaqa' magħha fid- dħul tal-belt kapitali l-antika (ġaladarba fil-ġdida twebbilna li nagħmlu, minn tant affarijiet, parlament!) għandha tkun mużew li jiċċelebra l-wirt letterarju u lingwistiku ta' Malta. Għax wasal iż- żmien li verament nibdew napprezzaw dak li għandna u dak li kellna u, bħala pajjiż Ewropew, nuru lill-kollegi tagħna, kemm il-wirt tagħna nemmnu fih u nħobbuh. IMMANUEL MIFSUD "Il-manifest elettorali Laburista ressaq il-wegħda li jagħti 'ġieħ lill-poeta nazzjonali tagħna billi nikkummisjonaw (sic) it-traduzzjoni tal-opus letterarju ta' Dun Karm f 'mill-inqas ħames ilsna ewlenin' " 22 u 35

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 9 July 2017