Illum previous editions

illum 16 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/849589

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 35

13 Il-Ħadd 16 ta' Lulju 2017 | illum Aħbarijiet 'Irrid li l-PN jerġa' jsir protagonista tal-bidliet soċjali' Għada timmarka l-bidu ta' tiġrija li se ddum għaddejja kważi xahrejn. Tiġrija li se tagħti lill- PN kap ġdid wara r-raba' telfa elettorali li ħalliet lill-istess partit imbenġel waħda sew... Albert Gauci Cunningham jistaqsi lil Chris Said.... Int Demokristjan? Kapitalist jew Soċjalist? Jew ftit minn kollox? Jien Malti, li nħobb lil pajjiżi u nixtieq narah jimxi 'l quddiem f 'kull qasam, bil-poplu jgawdi minn kwalità ta' ħajja tajba f 'kull sens. It-tikketti qatt ma appellawli – il-politika tiegħi tiffoka dejjem fuq il-bniedem u d-dinjità sħiħa tiegħu. Irrid ngħix f 'pajjiż fejn wieħed jista' jilħaq il-milja tiegħu, irrilevanti minn liema sfond soċjali jkun ġej. Pajjiż li jimbotta lil niesu biex qatt ma jieqfu jaspiraw għal ħajja aħjar, filwaqt li ma jinsa qatt lil dawk li jaqgħu lura. Pajjiż li jixpruna lil min joħloq ix-xogħol biex joħloq aktar, imma li jaċċerta ruħu kontinwament li l-ekonomija tinbena fuq sisien sostenibbli, biex dak li ngawdu llum jitgawda minn uliedna u mit-tfal tagħhom, u dak li llum iħassibna nfittxu nindirizzawh biex ma nipposponu l-ebda riskju. Fuq kollox, irrid nara pajjiż fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu kontinwament għall-poplu u għal ħadd aktar. Il-progress iġib ir-rigress. Il-fatt li l-kostruzzjoni għaddejja minn boom ifisser li għaddej żvilupp f 'ħafna postijiet. X'kontrolli taħseb li għandhom isiru lil hinn minn dawk li hemm bħalissa? Taqbel mal-kunċett ta' moratorju fuq kull żvilupp f 'ċerti żoni? Il-filosofi Griegi għallmuna ħafna, iżda l-isbaħ lezzjoni probabbli kienet dik dwar is-sbuħija tat-triq tan- nofs. Fil-kostruzzjoni, bħal f 'kull qasam ieħor, jeħtieġ li nfittxu dejjem il-bilanċ bejn dak li huwa tajjeb u dak li hu meħtieġ, bejn l-iżvilupp ta' pajjiż li jrid jilħaq livelli ogħla u l-ħtieġa li ma jitlifx dak li jagħmlu uniku. Kulħadd jaqbel li fl-aħħar ħamsin sena l-iżvilupp f 'pajjiżna seta' ġie regolat b'aktar ħsieb. Hija r-responsabbiltà tagħna llum li naraw li l-iżbalji tal-passat ma jerġgħux isiru. Il-kirjiet privati splodew, għax splodiet id-domanda. Tini tliet soluzzjonijiet li taħseb illi huma ġusti għall-kerrej u għas-sid. Ma jidhirlix li s-soluzzjoni hi li l-Gvern jindaħal fis-suq privat. Iżda l-gvern irid jassigura kirjiet raġjonevoli fil-kirjiet ta' postijiet tal-gvern. F'dan ir-rigward, l-akbar prijorità tkun il-bini ta' housing soċjali li ġie abbandunat fl-aħħar snin u li nipprovdu għajnuna biex aktar nies speċjalment żgħażagħ isiru sidien ta' djarhom. F'lukanda partikolari hemm grupp ta' 10 cleaners, grupp ta' 4 jitħallas €5.20 fis-siegħa għax fuq il-kotba tal-lukanda, grupp ta' sitta jitħallas €4.80 għax fuq il-kotba ta' kuntrattur. Il-kunċett tal-Equal Pay for Equal work qed jiġi vjolat, imma mhux qed tinkiser il-liġi. Kieku qatt issir PM int x'tagħmel? Kif kelli l-okkażjoni nibda bħala Ministru, inkompli l-ġlieda kontra l-prekarjat biex neliminawh darba għal dejjem. Fuq kollox ma jkunx il- Gvern stess, bħalma sfortunatament qed jiġri, li jikkrea xogħol prekarju. Il-ġlieda tibda bl-edukazzjoni biex il- ħaddiem ikun jaf x'inhuma d-drittijiet tiegħu. Tkompli bil-politika, biex naraw li min jagħmel l-istess xogħol jingħata l-istess paga. L-ingassa m'għonq is-servizzi finanzjarji u kumpaniji tal-gaming tista' tibqa' tagħfas jekk pajjiżi bħall-Ġermanja jibqgħu jesiġu għall-armonizzazzjoni tat-taxxa fil-pajjiżi tal-UE. Malta kif se tibqa' tassigura li dan ma jseħħx jew li l-armonizazzjoni ma ssirx xi ħaġa inevitabbli? Meta ħloqna s-settur tas-servizzi finanzjarji qgħadna attenti biex nibnu settur sostenibbli, kompletament konformi mal-liġijiet rilevanti u li jassigura livelli għolja ta' dixxiplina u verifika. Huwa fundamentali li pajjiżna jiddefendi s-settur finanzjarju għax jekk jikkrolla hu tikkrolla parti sostanzjali tal-ekonomija tagħna u jintlaqat kulħadd, mill- kbir saż-żgħir. Mhu fl-interess ta' ħadd li dan isir. Huwa għalhekk li r-reputazzjoni ta' pajjiżna trid tiġi protetta b'kull mezz u kull allegazzjoni li ssir dwar imġiba skorretta jeħtieġ li tgħaddi minn proċessi serji ta' investigazzjoni. Sħubija fl-UE, lesta. Sħubija fl-ewro, lesta. Drittijiet Ċivili għal persuni LGBTIQ, lesta. Presidenza, lesta. Xi jmiss? X'inhu t-tragward li jmiss? Fl-aħħar tletin sena pajjiżna nbidel radikalment. Iżda l-bidla ma tintemm qatt. L-isfida issa hi li pajjiżna jimxi 'l quddiem fit-totalità tiegħu, u jsir mudell għal pajjiżi oħra f 'oqsma bħall- edukazzjoni, l-immaniġġar ambjentali, it-trasport, l-enerġija nadifa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-governanza, u l-parteċipazzjoni diretta tan-nies fil- ħolqien tal-politika. Jien irrid li l-Partit Nazzjonalista jerġa' jsir protagonista tal-bidliet soċjali f 'pajjizna. Għawdex; Aktar art għal żvilupp ġdid industrijali? Jew aktar art għal skopijiet ta' msaġar u ekoloġija li tattira lil dawk li jistrieħu? It-triq tan-nofs – noħolqu xogħol sostenibbli għal Għawdxin bla ma neqirdu dak li jagħmlu uniku. Għawdex għandu karattru u xenarju li jiżboq l-identità tiegħu. Ma jfissirx li għandu jibqa' pajjiż prespju u ma javvanzax. Hemm iva diversi opportunitajiet fejn inizjattivi ekoloġiċi jagħmlu ħafna sens ekonomikament u jistgħu jiġu xprunati bħala okkażjoni ta' żvilupp sostenibbli. Insemmu t-turiżmu li huwa mutur ekonomiku importanti f 'Għawdex fejn wieħed jista' jiddevrsifika l-prodott minn destinazzjoni "sun and sea" għal gżira ta' turiżmu vijabbli tul is-sena kollha. Din waħda minn ftit ideat li jinkludu riċerka u proġetti pilota t'enerġija nadifa, saħħa u edukazzjoni. Bħal bosta reġjuni oħra, Għawdex mimli potenzjal li għadna m'aħniex nisfruttaw. Semmili politiku internazzjonali li int tammira. Għalfejn tammirah? Diffiċli biex nagħżel bejn Helmut Kohl u Nelson Mandela. Tal-ewwel kien pilastru fil- politika Ewropea li tant ispirani f 'żgħożiti. Kien il-bniedem li quddiem sfida enormi baqa' jemmen li fejn hemm id-diviżjoni tista' xi darba tirrenja l-għaqda. Kohl kellu l-elementi kollha li jsawru l-mexxej Ewropew ideali – il-viżjoni, l-istamina, il-kuraġġ u l-ħila biex jegħleb sfidi enormi. Min-naħa l-oħra l-istorja ta' Mandela hija storja unika ta' kuraġġ u perseveranza, ta' bniedem li ma qata' qalbu u li minkejja dak kollu li għadda minnu dejjem poġġa l-għaqda bejn niesu qabel kull istint ieħor.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 July 2017