Illum previous editions

illum 23 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/852415

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 23 ta' Lulju 2017 Opinjoni 18 Q egħdin fl-eqqel tas-sajf u l-ħajja tnaqqas mir-ritmu tagħha. Ħafna jippruvaw jaħarbu mill-qilla tax-xemx billi jieħdu ftit nifs ħdejn il-baħar. Bosta wkoll isiefru xi ftit ħalli jieħdu ftit nifs mis-sħana opprimenti tas-sajf tagħna. F'dawn il-ġranet ftit huma dawk illi jridu jtaqqlu moħħhom bi ħsibijiet kbar. Anke min jikteb din il-kolonna jrid jagħmel sforz aktar mis- soltu biex jibgħat il-kontribut tiegħu lis-sur editur. Din il-ġimgħa għalqu n-nomini għall-mexxej ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Forsi l-aktar nomina illi qanqlet sorpriża kienet dik ta' Frank Portelli. Portelli fil-passat kien immilita fi ħdan il-PN u kien anke deputat u president tal-eżekuttiv u tal-Kunsill Ġenerali. Imma fl-aħħar snin tal-amministrazzjoni Gonzi kien iddistingwa ruħu sew mill-partit u kien adotta pożizzjonijiet apertament kritiċi fil-konfront tal-gvern. L-aktar ħaġa li laqtitni mir-reazzjoni tan-nies kienet il-kummenti li smajt dwar l-età ta' Portelli. Bosta jħossu illi l-fatt illi Portelli għandu 72 sena jiskwalifikah milli jmexxi l-PN. Hawn min jaħseb illi x-xjuħ għandhom iwarrbu mill-ħajja pubblika u jħallu l-wisgħa liż-żgħażagħ. Niftakru meta tfaċċa Matteo Renzi fuq ix-xena pubblika taljana kien għamel ħafna kjass bl-idea illi jrid iwarrab lix-xjuħ fil-politika. Il-kelma "rottamazione" ("skrepjar") kienet l-aktar kelma in voga. Illum ilkoll nafu illi Renzi hu bħal kwalunkwe politiku ieħor bil-preġji u d-difetti tieħu. Il-fatt illi hu relativament żagħżugħ ma jidherx illi qiegħed jgħinu wisq mal-elettorat. Forsi l-istess ma jistax jingħad dwar Emmanuel Macron illi ta' 39 sena għadu kemm laħaq l-iżgħar President Franċiż fl-istorja. Iż-żmien jagħtina parir kemm Macron ser ikollu s-suċċess illi ma kellhomx il- predeċessuri tiegħu. Imma din il-ġimgħa kellna l-elezzjoni ta' Sir Vincent Cable bħala mexxej tal-liberal- demokratiċi Ingliżi minkejja illi għandu l-età venerabli ta' 74 sena. Għal Cable l-età m'għandhiex tkun ta' ostaklu għall-ħidma politika. U verament il-kap tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn illi attira l-vot taż-żgħażagħ fl-elezzjoni tax-xahar li għadda ma tantx hu iżgħar. Corbyn għandu 68 sena. Fil-verità, l-età jew in-nuqqas tagħha, m'għandhomx ikunu l-fattur determinanti sabiex wieħed jagħżel mexxej. Hemm bosta fatturi oħrajn li wieħed irid iqis fosthom il-kariżma tal-persuna, l-integrità tiegħu, l-intelliġenza tiegħu, l-abbilità komunikattiva tiegħu, il- kapaċità tiegħu illi jgħaqqad lil min qed imexxi u nista' nibqa' għaddej. Jista' jkun illi bl-età, persuna tkun aktar akkwistat dawn il-kapiċatijiet; jista' jkun illi minflok tkun tilfet il-ħeġġa u l-enerġija u ma aġġornatx ruħha mal-ambjent illi dejjem qed jevolvi b'rata ferm mgħaġġla. Hu x'inhu l-każ, fl-opinjoni modesta tiegħi, l-età qatt m'għandha tkun il-fattur determinanti jekk persuna għandhiex tinħatar mexxej jew f 'xi kariga oħra jew le. La qegħdin fuq l-età, tajjeb illi niftakru ftit fil-45 president tal- Istati Uniti tal-Amerika, Donald Trump. Trump laħaq president fl-età ta' 70 sena. Qatt qablu ma laħaq president f 'età daqsekk avvanzata. L-età ma tantx tidher illi qiegħda tiswa lil Trump illi juri illi għadu immatur f 'bosta aspetti. Kif stqarr kummentatur fuq is-CNN din il-ġimgħa, Trump jixbah lil Nixon illi jieħu għalih mix-xejn u jibqa' jiftakar għal żmien twil. Nhar il-Ġimgħa rriżenja l-kelliem tiegħu, Sean Spicer illi fl-ewwel sitt xhur ta' amministrazzjoni kien involut f 'diversi episodji kontroversjali. Ir-riżenja tiegħu kienet inevitabbli. Din il-ġimgħa wkoll, Trump ta intervista lill-ġurnal li hu wisq jobgħod, in-New York Times. F'din l-intervista kkritika bis-sħiħ lill-Ministru tal-Ġustizzja, l-eks senatur Jeff Sessions. Madankollu, Sessions ma rriżenjax. Fl-istess ħin, ħarġu rapporti illi s-servizzi t'intelliġenza Amerikani interċettaw rapporti mill- ambaxxatur russu lis-superjuri tiegħu f 'Moska dwar il-laqgħat li kellu s-sena l-oħra mal- istess Sessions. Skont dawn ir-rapporti, Sessions iddiskuta l-kampanja ta' Trump mal- ambaxxatur, ħaġa illi Sessions kien ċaħad bil-ġurament tiegħu waqt il-'confirmation hearings'. Tajjeb illi wieħed ifakkar ukoll illi Sessions illum ukoll għandu 70 sena. Russiagate ma tistax tħallih fil- paċi lil Donald Trump. Wara illi l-ġimgħa l-oħra, it-tifel tiegħu ppubblika l-e-mails li kellu dwar laqgħa li kellu ma avukata russa, il-ġimgħa d-dieħla l-istess tifel, Donald Trump Jnr kif ukoll ir-raġel tat-tifla, Jared Kushner illi hu ferm influwenti fil-White House, ser jixhdu quddiem kumitati tas-Senat Amerikan. Intant, qed jissemma' illi Robert Mueller, l-eks kap tal- FBI u li nħatar mid-deputat ministru tal-Ġustizzja (peress illi Sessions irrikuża ruħu minn kwalunkwe ħaġa illi għandha x'taqsam ma' dan l-iskandlu) sabiex jinvestiga l-indħil Russu fl-elezzjoni Amerikana qiegħed jipprepara sabiex jinvestiga l-finanzi personali ta' Trump. Probabilment l-iktar ħaġa illi jrid ikun jaf Mueller hi xi flus Russi daħlu fin-negozju ta' Trump. Hu magħruf illi bosta kienu l-oligarki Russi illi xtraw propjetà ta' Trump. X'rabtiet kellhom dawn l-oligarki mal- Kremlin? Trump kien organizza ukoll Miss Universe f 'Moska. Allegatament kien ħa l-istess suite f 'lukanda ta' lussu illi kienu ħadu Barack u Michelle Obama u ġiegħal prostituti jgħaddu l-ilma fuq is-sodda illi kienu użaw l-koppja Obama. Il-prospett illi Mueller jinvestiga l-finanzi privati ta' Trump mhu qed jogħġbu xejn. Jipprova kemm jipprova, Trump mhux ser jirnexxielu jeħles mid-dell tal-iskandlu ta' Russiagate. Jidher illi bosta uffiċjali tal-amministrazzjoni tiegħu qegħdin iqabbdu avukati għaliex iridu jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom jekk jittieħdu passi kriminali kontrihom. Intant l-amministrazzjoni Trump qajla qiegħda tiffunzjona. Il-Kungress mhux jirnexxielu jħassar il-liġi tas-saħħa ta' Barack Obama u dan qed iżid il-frustrazzjoni u s-sens ta' impotenza ta' Trump. Fl-ewwel sitt xhur, l-amministrazzjoni Trump ma rnexxilhiex l-ebda leġiżlazzjoni importanti minkejja l-ftaħir kollu ta' Trump waqt il-kampanja u minkejja illi ż-żewġt ikmamar tal-Kungress huma f 'idejn ir-Repubblikani. It-tmexxija tal-politika barranija Amerikana hi fi stat ta' konfużjoni bi Trump jgħid mod u d-Dipartiment tal-Istat jgħid mod ieħor. Din id-differenza kienet ferm ċara fil-kriżi li bħalissa għaddejja bejn l-istati tal-Golf u l-Qatar bi Trump jappoġġja lil dawn tal-aħħar u Rex Tillerson, is-segretarju tal-istat jipprova jimmedja bejn il-partijiet. Kemm ser idum dan l-istat ta' konfużjoni f 'Washington? F'dan l-istadju, ħadd ma jaf. L-aktar mistoqsija importanti llum hi jekk Trump hux ser jiġi impeached jew le u meta jista' jsir dan. Bħala presidenza wieħed jista' diġà jgħid illi ser tkun id-diżastru illi bosta kienu ppronostikaw mill-bidu nett. Immaġina jekk ministru u segretarju parlamentari jirriżenjaw mill-kariga u jmorru mal-oppożizzjoni Nazzjonalista. Dak li ġara din il-ġimgħa fl-Italja b'ministru u sottosegretarju jirriżenjaw mill-gvern, jabbandunaw lil Area Populare ta' Angelino Alfano u jerġgħu jidħlu f 'Forza Italia ta' Silvio Berlusconi (età 81 sena). Il-politika Taljana qisha l-Etna : tagħmel xi żmien kwieta imma mbagħad tiżbroffa u tibda ħierġa l-lava. Jidher illi Berlusconi illi bosta kienu ħasbu illi żmienu għadda ser jibqa' determinanti wara l-elezzjoni illi ser issir sar- rebbiegħa tas-sena d-dieħla. Min jaf narawx alleanza bejnu u bejn Renzi tmexxi l-Italja wara l-elezzjoni li ġejja biex iżomm lill-Moviment 5 Stelle u lil-Lega Nord ta' Matteo Salvini fl-oppożizzjoni? Il-mod kif esponenti politiċi jmorru minn naħa għal oħra ma jeskludix illi dana fil-fatt jista' jseħħ. Is-sajf huwa magħna imma l-ħajja tibqa' għaddejja. Ser ikun hemm bosta żviluppi kemm f 'dak li għidna kif ukoll dwar in-negozjati tal-Brexit u ovvjament, l-elezzjoni ta' kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Nistennew u naraw kif ser jiżvolġu l-affarijiet u naqsmu l-ħsibijiet tagħna magħkom. Dwar l-età u affarijiet oħra JOE ELLIS Xtra Sajf Wednesday TVM 20:50

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 July 2017