Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/852415
Aħbarijiet 10 illum | Il-Ħadd 23 ta' Lulju 2017 Minn Albert Gauci Cunningham ID-DIBATTITU dwar il-legalizzar tal-marijuana qed ikompli għaddej fuq il-mezzi differenti tax- xandir, fosthom fuq din il-gazzetta u fuq diversi oħrajn. Minkejja li, bħal dejjem, qed jerġa jkollna l-argumenti assolutisti ta' 'kontra' u 'favur', 'iswed' jew 'abjad' u xejn 'griż', it-triq biex il-marijuana għall-użu rikreattiv tkun legali mhix waħda faċli u lanqas waħda qasira. U dan huwa ppruvat mill-fatti kif ġraw fl-Olanda u kif miktubin f 'diversi rapporti. L-ILLUM tat ħarsa lejn rapport tal-'Global Drug Policy Programm' (GDPP) ippublikat f 'Lulju 2013 illi ta' ħarsa storika, politika kif ukoll soċjali dwar kif l-Olanda waslet biex illum persuna tista' tidħol f 'coffee shop, magħrufin aktar għat-tipjip ta' joints tal-kannabis u l-bejgħ tal-magic mushrooms, u tixtri xi ħaġa li għadha illegali f 'ħafna pajjiżi u li għadha tqajjem tant għagħa. Separazzjoni tad-drogi; pożittiva Argument li qed jitqajjem minn bosta, anke f 'pajjiżna (ara Q&A ma' Charles Miceli fuq paġna 10 faċċata) huwa dak li jippropoga l-legalizzazzjoni tal-marijuana, għax il-legalizzar tiegħu jneħħi l-bejgħ minn idejn it-traffikanti u allura jonqos iċ-ċans li persuna tikkonsma drogi li huma meqjusin bħala 'hard drugs'. Dan fis-sens illi meta persuna tmur tixtri l-marijuana, speċjalment jekk tagħmel dan b'frekwenza, mingħand it-traffikant dan imbagħad se jħajjar lill- istess persuna biex tixtri jew tipprova drogi oħrajn. Din it-tattika ta' bejgħ mhix esklussiva għat-traffikanti (li jibqgħu bejjiegħa wara kollox), fil-fatt tintuża wkoll minn diversi impjegati ta' ħwient kwalunkwe. Tmur tixtri prodott u l-persuna li taħdem fil-ħanut tħajjrek tixtri ieħor. F'rapport li sar mill-Kumitat Van De Donk fl-2009 kien konkluż illi l-għan tal-Politika Olandiża dwar id-Droga kienet ta' suċċess "hekk kif il-coffee shops iffaċilitaw is-separazzjoni tas-swieq, jew il-produzzjoni, bejgħ u konsum, ta' 'hard drugs' u 'soft drugs'." Ir-rapport jgħid ukoll illi dawn il-ħwienet magħrufin u popolari fost ħafna turisti ma kkontribwewx għall-livelli għoljin ta' użu problematiku tal-kannabis, ikkumparat ma' pajjiżi oħrajn Ewropej u li kien hemm kontroll effettiv ta' disturbi li joħloq bejgħ fit- toroq." Fil-fatt il-mudell legali Olandiż jemmen illi il- projbizzjoni indiskriminata ta' din it-tip ta' droga toħloq sotto-kulturi fejn l-utenti tad- droga jitpoġġew ilkoll f 'keffa waħda. Skont studju li sar mill- European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA) fl- 2013 jirriżulta illi fl-Iżvezja 52% ta' dawk li jikkunsmaw il-marijunana rraportaw illi l-persuna li tbiegħilhom il-kannabis ikollha drogi oħrajn għall-bejgħ, bħall- kokaina u l-eroina. Minn naħa l-oħra fl-Olanda huma 14% biss tal-utenti tal- kannabis li jgħidu l-istess. Intant skont studju ieħor li kien sar (R MacCoun u P Reuter 'Evaluating Alternative Cannabis Regimes') jirriżulta li minkejja kull perċezzjoni 22% ta' dawk li għandhom 12-il sena jew inqas u jgħixu Amsterdam ġieli ikkunsmaw l-kannabis kif ukoll il-kokaina. Dan jikkuntrasta mat-33% tal- istess nies tal-istess età fl-Istati Uniti. F'Malta skont rapport tal-ESPAD għas-sena 2015, jirriżulta illi 26% ta' dawk bejn 15 u 16-il sena jaħsbu li huwa faċli li ssib tixtri l-kannabis. Fost dawk li għandhom 13-il sena jew inqas huma b'kollox 3% li għamlu użu mill- kannabis, filwaqt li 13% minn dawk bejn 15 u 16-il sena jagħmlu użu mill-kannabis b'mod regolari jew bosta drabi f 'ħajjithom s'issa. L-istudju mill-GDPP jiddeskrivi bħala 'tajjeb għas-saħħa pubblika l-fatt illi l-mudell legali tal-Olanda ssepara b'mod ċar it-tip ta' droga, permezz tal-legalizzar tal-kannabis. Jgħid ukoll li wassal għal inqas nies b'rekords kriminali, konsum iktar ikkontrollat u inqas esklużjoni soċjali. Dan l-argument kien mibni fuq il-premessa li l-arrest jew inkella l-fatt li titħammeġ il-kondotta għal min ikun qed jagħmel użu, twassal għat-tali esklużjoni u sussegwentement għall-faqar u l-kriminalità. Mhux la kemm.... Mhux la kemm taqbad u tagħmel il-marijuana legali, imma. Fl-Olanda dan il-pass ħa żmien u mhux neċessarjament 'neħħa l-użu ta' din id-droga minn idejn il-kriminali' kif intqal f 'Malta matul il-kampanja elettorali. Il-livell ta' aċċettazzjoni inbidel maż-żmien, bl- istudju Olandiż jispjega kif bejn "l-2002 u l-2010 erba' Kabinetti sussegwenti, taħt il-PM Demokrsitjan Jan-Peter Balkenende, ħarxu id-diskors soċjo-politiku tagħhom f 'dak kollu relatat mad-drogi u partikolarment il-coffee shops. Fis-sena 2000 kienet għaddiet mill-Parlament mozzjoni li tinkoraġġixxi l-żvilupp ta' linji gwida għall-kultivazzjoni tal- kannabis. Din iżda għaddiet b'vot wieħed u qatt ma ġiet esegwita mill-kabinett. Iktar tard meta n-numru ta' coffee shops kien naqas sew, minħabba restrizzjonijiet kien sar Att bil-għan li proprjetarji li għandhom konnessjonijiet ma' organizzazzjonijiet kriminali ma jitħallewx isiru proprjetarji ta' dawn it-tip ta' ħwienet. U l-Kumitat Van De Donk, l-istess wieħed imsemmi iktar 'l fuq, ppropona illi dawn it-tip ta' ħwienet (imma li jkunu kbar u li ma jkunux qed joperaw b'mod professjonali) kellu jsir xi forma ta' kontrolli, l-aktar minħabba li wħud minnhom kienu qed jaqgħu f 'idejn kriminali waqt li oħrajn qrib il-fruntiera kienu qed jitużaw għat-traffikar tad-drogi. Dan wassal biex għaddiet liġi illi għamlitha ħafna inqas aċċessibbli illi persuna tmur f 'coffee shop, b'mod speċjali jekk ikun turist u ma jkollux kard tas-sħubija tal-istess stabbiliment. Ftit xhur wara din il-liġi kienet abolita, minħabba li qaltlet in-negozju ta' dawn il-ħwienet u ħafna nies kienu bdew ifittxu l-bejgħ fit-triq, minn taħt. L-istess rapport jgħid b'mod ċar illi minkejja kollox, "matul is-snin l-influwenza ta' organizzazzjonijiet kriminali fil-kultivazzjoni tal-kannabis u l-forniment ta' coffee shops ma naqasx, minkejja inforzar qawwi..." li sewa' miljuni kbar. Dan juri illi mhux la kemm pajjiż jaqbad u jillegalizza l-marijuana, anke jekk fil-fatt hemm benefiċċji soċjali għal dan bis-separazzjoni tas- swieq. L-esperjenza Olandiża tgħallimna li rridu nistaqsu; min se jibiegħha? Minn fejn se jbiegħha? Kif se nassiguraw li min qed ibiegħa m'għandux traffikanti warajh? Kull bar se jkun jista' jibiegħa? Jew se noħolqu klassi ġdida ta' negozji apposta li jbiegħu l-kannabis? Mhux la kemm tagħmilha legali... Il-kannabis kienet u tibqa' suġġett jaħraq ħafna, anke fil-pajjiż fejn hija legali...ħarsa ħafifa lejn xi benefiċċji u problemi tal-mudell legali Olandiż..