Illum previous editions

illum 6 august 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/858241

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 06 ta' Awissu 2017 Opinjoni 18 L -istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha għalkemm rari tagħmel dan perfettament. Diġà huma bosta dawk li qed jipparagunaw lil Donald Trump ma' Richard Nixon. Ċertament hemm differenzi kbar bejn it- tnejn: Tricky Dicky qatta' għomru fil-politika, kien deputat, senatur u anke l-viċi president ta' Dwight Eisenhower għal tmien snin. Min-naħa l-oħra, Trump qatt ma kellu l-ebda kariga pubblika qabel laħaq president tal-Istati Uniti tal- Amerika. U lanqas biss kien ikkontesta xi elezzjoni qabel dik ta' Novembru li għadda. Imma hemm ukoll bosta similaritajiet. It-tnejn li huma għandhom karattru pjuttost skontruż, jieħdu għalihom mix-xejn u jibqgħu jżommu fuq l-istonku għal żmien twil. U Trump qed jaffaċja l-istess mistoqsijijiet dwar il-mod kif tela' fil-poter bħalma Nixon affaċja wara li faqqa' l-iskandlu ta' Watergate. Bħalma kien ġara fil-każ ta' Watergate, inħatar special counsel sabiex jinvestiga l-possibbiltà ta' kollużjoni bejn il-kampanja ta' Trump u r-Russja fil-kampanja elettorali tas-sena l-oħra. Il-mistoqsija issa hi jekk Trump hux ser jipprova jagħmel l-istess bħal Nixon u jkeċċi dan l-ispecial counsel. Similarità oħra hi l-irwol tal-media. Kull min qatt ra l-film 'All the President's Men' jista' japprezza r-rwol taż-żewġ reporters tal- Washington Post, Carl Bernstein u Bob Woodward fil-każ ta' Watergate. Kienu jiltaqgħu mal-persuna li kienet titmagħhom bl- informazzjoni f 'parkeġġ. Din il-persuna, li wara rriżulta li kienet id-deputat kap tal-FBI, Mark Felt, kienet imlaqqma 'Deep Throat'. Anke f 'Russiagate, jidher li hemm diversi 'Deep Throats'. Iż-żewġ ġurnali prinċipali Amerikani ta' tendenza liberali, l-istess Washington Post u n-New York Times ħerġin kontinwament bi stejjer dwar Trump. L-evoluzzjoni ta' Russiagate hija studju affaxxinanti ta' kif għandhom isiru l-affarijiet taħt is-saltna tad- dritt. Trump tassew jokkupa l-kariga l-aktar b'saħħitha fil-pajjiż l-aktar qawwi tad-dinja. U l-partit tiegħu għandu maġġoranza kemm fil-Kamra tad-Deputati kif ukoll fis-Senat. Imma bl- ebda mod ma wieħed jista' jgħid li l-president Trump għandu poter assolut u li ħadd ma jista' għalih. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-inkwiet għal Trump qiegħed dejjem jikber. Din il-ġimgħa kellna l-aħbar li l-ispecial counsel, l-eks kap tal-FBI, Robert Mueller, ħatar Grand Jury fid- District of Columbia u dan jista' jfisser li stabbilixxa xi ksur tal-liġi u jeħtieġ li jiġi abbozzat att ta' akkuża. U jidher ukoll li Mueller ġabar miegħu l-aqwa prosekuturi f 'materja ta' reati ekonomiċi u finanzjarji. Minkejja l-għadab ta' Trump kif dehret f 'intervista li ta lin-New York Times, jidher li issa l-investigazzjoni qiegħda testendi anke għall- fortuna personali ta' Trump u dik tar-raġel tat-tifla tiegħu, Jared Kushner. F'dan l-istadju, tajjeb li nagħtu ftit id- dramatis personae ta' din l-investigazzjoni. Għandek ovvjament lil Trump u l-ispecial counsel, Robert Mueller, avukat u eks kap tal-FBI. Għandek ukoll lil James Comey li Trump keċċa minn kap tal-FBI. Ma rridux ninsew lil Jeff Sessions, eks senatur minn Alabama, arċi konservattiv, wieħed minn tal-ewwel fil-Kungress li ta l-appoġġ pubbliku tiegħu lill-kandidatura ta' Trump. Sessions issa laħaq l-Avukat- Ġenerali, qisu l-ministru tal- ġustizzja Amerikan. Persuna oħra importanti hija Paul Manufort li għandu konnessjonijiet kbar mar- Russja u għal tliet xhur kien imexxi l-kampanja ta' Trump. Ta' min isemmi wkoll lil Michael Flynn, eks ġeneral li kien konsulent dwar il-politika barranija fil- kampanja ta' Trump. Flynn inħatar National Security Adviser minn Trump imma wara ftit ġimgħat, kellu jirriżenja minħabba li ma kienx stqarr ir-rabtiet tiegħu kollha kemm mar-Russi kif ukoll mat-Torok. U ma rridux ninsew lill-qraba ta' Trump u speċjalment, ibnu Donald Trump Jnr u r-raġel tat-tifla, Jared Kushner. Kif l-anqas nistgħu nħallu barra lil Sergei Kisylak li sa ftit ilu kien l-ambaxxatur Russu f 'Washington u uffiċjali Russi oħra. Jekk Trump ħaseb li la jilħaq president, ħadd u xejn ma jista' għalih, ċertament qed jgħarralu bl-ikrah. Meta l-istampa kixfet li Sessions kellu laqgħat ma' Kisylak matul il-kampanja elettorali li Sessions ma kienx żvela waqt is-smigħ ta' konferma tiegħu fis-Senat, Sessions stqarr li dawk il-laqgħat kellhom x'jaqsmu mad- dmijiet tiegħu fis-Senat. Imma probabbilment sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu kontra xi akkuża ta' sperġur, iddeċieda li jirrikuża ruħu (ma jinvolvix ruħu) mill-investigazzjoni li l-FBI (li taqa' taħt id- Dipartiment tal-Ġustizzja) qiegħda tagħmel fir-rigward tal-isforzi Russi sabiex jinfluwenzaw l-eżitu tal- elezzjoni presidenzjali Amerikana. Trump dan l-aħħar kien ferm kritiku dwar din id-deċiżjoni ta' rikuża ta' Sessions. Din il-kritika kontinwa ta' Trump fir-rigward ta' Sessions tindika li qed isir dejjem aktar nervuż dwar l-andament tal- investigazzjoni li għaddejja. Il-problemi ta' Trump kibru ferm meta ddeċieda li jkeċċi lil James Comey minn kap tal-FBI. Dan minkejja li Comey kien strumentali sabiex Trump jirbaħ l-elezzjoni meta għaxart ijiem qabel l-elezzjoni, kien iddikjara li qed jinvestiga l-emails ta' l-eks raġel tal-assistenta ta' Hillary Clinton sabiex jara kienx hemm xi konnessjoni ma' Clinton. Peress li Sessions kien irrikuża ruħu, kien id-deputat tiegħu li keċċa lil Comey. Imma fl-istess nifs, id-deputat Avukat- Ġenerali ħatar lil Robert Mueller sabiex jibda' jinvestiga l-influwenza russa fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana. Mueller ġabar miegħu xi erbatax-il persuna li għandhom esperjenza kbira fil-prosekuzzjoni ta' reati ekonomiċi. U dan ta x'jifhem lil bosta li qed jgħarbel il-finanzi personali ta' Trump u ta' Kushner u speċjalment, xi flus irċevew mir-Russja. Jidher li bosta propjetajiet ta' Trump u Kushner inxtraw minn oligarki Russi u anke minn persuni li allegatament għandhom konnessjoni mal-kriminalità Russa. Barra minn hekk, Trump kien organizza Miss Universe f 'Moska u ħadd ma jista' jeskludi li t-tim tal-Ispecial Counsel ser isib xi ħaġa mhux f 'lokha f 'dan ir- rigward ukoll. L-aħħar rivelazzjoni min-New York Times hi li Michael Flynn qed jiġi wkoll investigat għall-flus li rċieva mingħand it-Torok. Min jaf għadx naraw li Flynn jingħata l-proklama biex isalvu ġildu? Jidher ukoll li Comey tkeċċa meta ma aċċettax li jagħlaq l-investigazzjoni dwar l-indħil Russu. Comey u Trump kellhom żewġ laqgħat separati li fihom kienu waħedhom. Madankollu, Comey żamm notamenti estensivi ta' dawn il-laqgħat u l-uffiċjali għolja tal-FBI ġew imtarrfin b'dak li kien għaddej. Issa qed jingħad li dawn l-uffiċjali ġew infurmati li għandhom jikkunsidraw ruħhom bħala xhieda fir-reat ta' ostruzzjoni tal-ġustizzja mwettaq mill-istess Trump. Tali reat jista' wkoll jiġi prospettat wara li sar magħruf li waqt il- kampanja, it-tifel tiegħu kien iltaqa' ma' avukata Russa li hija magħrufa li għandha konnessjonijiet mal-Kremlin. Trump Jnr għoxa meta kien imwiegħed informazzjoni li tagħmel ħsara lil Clinton. Trump iddikjara li hu qatt ma kien jaf b'din il-laqgħa bejn ibnu u din l-avukata. Imma ftit jiem ilu sar magħruf li kien Trump innifsu li ddetta l-istqarrija ta' ibnu dwar din il-laqgħa minn Air Force One meta kien qed jirritorna mis-summit tal-G20 f 'Hamburg. Wieħed irid iħares lejn dan il-gwaj ġudizzjarju fl-isfond tan-nuqqas tar- Repubblikani fis-Senat li joqtlu l-Affordable Health Care, l-aktar liġi importanti li għadda Obama. Ir-Repubblikani ilhom seba' snin jippruvaw jabrogaw l-Obamacare imma issa jidher li mhux ser jirnexxilhom għaliex kwalunkwe alternattiva li qed jipproponu ser iċċaħħad miljuni kbar ta' Amerikani mill-assigurazzjoni fuq is- saħħa tagħhom. Minkejja li l-ekonomija għada għaddejja f 'saħħitha u d-Dow Jones Industrial Average qed jikser rekord fuq rekord u qabeż 22,000, Trump ma rnexxielu jgħaddi l-ebda liġi importanti fl-ewwel sitt xhur tal- presidenza tiegħu. Barra minn hekk, il-White House saret l-oġġett ta' żuffjett b'bosta fazzjonijiet jiġġieldu bejniethom u riżenja wara l-oħra. Wara r-riżenja tal-Press Secretary Sean Spicer mal-ħatra ta' Anthony Scaramucci bħala Direttur tal-Kommunikazzjoni, iċ- Chief of Staff Reince Preibus irriżenja. Minfloku nħatar l-eks ġeneral u Homeland Secretary, John Kelly. Kelly qed jipprova jimponi ftit dixxiplina fil-West Wing u beda billi tkeċċa l-istess Scaramucci għaxart ijiem biss wara l-ħatra tiegħu. Qed nassistu għal White House disfunzjonali bħalma qatt ma rajna qabel. Il-ħbieb u l-għedewwa tal-Amerika kollha mbellha bil-Karnival li hemm f 'Washington. Imma kif dejjem ngħid, l-istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha u min jaf għadx naraw lil Trump jirriżenja bħal Nixon. Possibbli wkoll wara kollox li jkun l-ewwel President Amerikan li jiġi impeached. 'Watch this space' kif jgħidu l-Amerikani. L-ebda sabar għal Trump JOE ELLIS "Il-White House saret l-oġġett ta' żuffjett b'bosta fazzjonijiet jiġġieldu bejniethom u riżenja wara l-oħra" Il-ħbieb u l-għedewwa tal-Amerika kollha mbellha bil-Karnival li hemm f 'Washington

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 6 august 2017