Illum previous editions

illum 6 august 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/858241

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 06 ta' Awissu 2017 24 Rakkont Tat dak kollu li kellha! F tit tal-jiem ilu, waqt li konna fil-knisja nkantaw l-għanja 'Tiġi Saltnatek', ġibditni vuċi ta' tifla żgħira ta' ftit snin li għalkemm għadha ma tafx titkellem sew bdiet tkanta din l-għanja spiritwali magħna kif taf hi. L-aktar li laqtitni kienet id-determinazzjoni li bdiet tkanta biha. Għalkemm ma bdejtx nifhem x'qed tgħid, il-kliem li beda ħiereġ minn fommha bil-qalb irnexxielu jmiss lil qalbi. Għidt bejni u bejn ruħi: 'Jien, li jien sempliċiment bniedma, ukoll waqqaft widnejja u apprezzajt li din iċ-ċkejkna, minkejja l-limitazzjonijiet li għandha, kienet qed tagħti dak kollu li għandha b'tifħir lil Alla! Mela kemm aktar Alla kien qed jilqa' din il-qima indirizzata lilu u li ċertament seta' jifhimha faċilment!' Dan kollu dlonk ħadni lura fi storja dwar mara armla fqira li tefgħet biss madwar tliet ħabbiet bħala offerta fit-tempju (Mark 12:41-44). Forsi dan l-ammont narawh żgħir u fqir f 'għajnejna meta tikkunsidra li kien hemm diversi nies sinjuri li bdew jitfgħu ħafna flus. Imma Ġesù faħħar lil din l-armla għall-għotja tagħha għax proporzjonalment hi kienet tat aktar mill-oħrajn. Veru, l-offerti kbar tal-oħrajn b'ħafna ċekċik tal-muniti jaf għamlu ħoss fit-tempju, imma l-ammont żgħir li tat il-mara armla ċertament għamel ħoss akbar fis-smewwiet! L-offerta tagħha kienet milqugħa għax Alla ra li mal-offerta hi kienet tefgħet ukoll qalbha; tat dak kollu li għandha! Bl-istess mod nemmen li l-vuċi 'fqira' ta' din iċ-ċkejkna waslet rikka u b'saħħitha ferm quddiem Alla fis-smewwiet. Hi minn qalbha raddet lura lil Alla dak kollu li setgħet tagħti. Allura, proporzjonalment hi tat aktar minn dawk li setgħu jkantaw b'mod ċar u b'lingwa tinftiehem imma li mbagħad il-qima tagħhom setgħet kienet fiergħa jew diżonesta, ma tfisser xejn. Tajjeb nistaqsu u naraw b'liema kejl, motiv u attitudni qed nagħtu lil Alla għax dan fih innifsu jurina x'tip ta' Kristjani aħna. Kif ukoll tgħallimna l-istorja tal-armla, irridu nżommu f 'moħħna li Alla ma jkejjilx l-offerti tagħna b'kemm nagħtu imma b'kemm inżommu għalina. Staqsi lilek innifsek: 'Kemm qed nagħti għal Alla u kemm qed inżomm għalija nnifsi? Il-Kelma ta' Alla, meta titkellem dwar għotjiet jew offerti ma titkellimx biss fuq offerti lill-knisja jew dwar kemm jeħtieġ tagħmel karità mal-proxxmu imma tgħidilna li qabel kollox, l-offerta tagħna lill-Mulej għandha tkun ħajjitna stess, kollha kemm hi. Jiġifieri dak kollu li nagħmlu, sew jekk nieklu jew nixorbu, u sew jekk nistrieħu jew naħdmu, nagħmlu dan għall-glorja tiegħu. Wara kollox ħajjitna kollha hi mogħtija lilna mingħandu u allura ma nkunux qed nagħmlulu xi favur lil Alla jekk nagħtuh parti żgħira mill-ħajja li tana hu stess! Alla ma jridx parti minn ħajjitna imma jrid ħajjitna kollha; irid li nagħtuh dak kollu li għandna, ċioè lilna nfusna kompletament! Marilyn Bellizzi gospelhopecommunity@gmail.com Marilyn Bellizzi San Lawrenz meqjum fil-Knisja kollha HERMANN DUNCAN M eta l-Papa Franġisku ħabbar il-ġublew straordinarju tal-ħniena fil-bolla tal-indizzjoni huwa qal hekk "Hi xewqa kbira tiegħi li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali. Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina. Il-predikazzjoni ta' Ġesù tqegħdilna quddiem għajnejna dawn l-opri tal- ħniena biex nistgħu nifhmu jekk aħniex ngħixu jew le bħala dixxipli tiegħu. Niskopru mill-ġdid l-opri tal- ħniena korporali: nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, inlibbsu lil min hu għarwien, nilqgħu lil min hu bla dar, inżuru lill-marid, inżuru lill-ħabsi, nidfnu lill- mejtin. U ma ninsewx l-opri tal-ħniena spiritwali: nagħtu parir tajjeb lill-ħosbien, ngħallmu lil min ma jafx, inwiddbu lill-midneb, infarrġu lill-imnikket, naħfru l-ħtijiet, nistabru b'min idejjaqna, nitolbu 'l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin". Bla dubju ta' xejn San Lawrenz huwa meqjus bħala bniedem li dejjem ħabb il- foqra u għen il-batuti. Min kien San Lawrenz? It-tradizzjoni tgħidlina li San-Lawrenz twieled ġewwa Huesca li hija belt fir-reġjun ta' Aragona, fi Spanja fis-sena c.225. Il-ġenituri tiegħu kien jismihom Orenzju u Pazienza skont dak li nafu. Huwa mar jiltaqa' mal-futur Papa Sistu II, li kien ta' oriġini Griega. Dan kien wieħed mill-għalliema l-aktar famużi u stmati ġewwa Zaragoza tal-lum. Ġara li San Lawrenz mar ma' Sistu Ruma u meta Sistu fis-sena 257 sar Papa, huwa ordnah djaknu u ħatru fost l-ewwel seba' djakni li kellha l-knisja. Naraw li San Lawrenz bosta drabi jsejħulu Arċidjaknu ta' Ruma minħabba l-pożizzjoni ta' fiduċja kbira li kellu li jieħu ħsieb l-għana tal-knisja u li jgħin lill-foqra billi jagħtihom il-karità. San Ċiprijanu, Isqof ta' Kartaġni, imur jinnota li l-awtoritajiet Rumani kienu għamlu normi skont liema kategorija ta' Nsara kellhom jiġu ddenunzjati biex jitteħdulhom u jiġi kkonfiskat il-ġid li kellhom. Fil-bidu ta'Awwissu tas-sena 258, l-imperatur Valerjanu ħareġ editt fejn l-Isqfijiet, is- saċerdoti, u d-djakni kellhom jittieħdu għall-mewt. Il-Papa Sistu II kien maqbud fis-6 ta' Awwissu 258 waqt li kien qed jiċċelebra l-liturġija mqaddsa fiċ-ċimiterju ta 'San Kalistu. Wara l-mewt tal-Papa Sistu II, il-prefett ta' Ruma talab lil San Lawrenz biex jeħodlu t-teżori kollha tal-knisja, u minn San Ambroġ nafu li kien tah tlett ijiem ċans biex jiġbor flimkien it-teżori kollha. Wara tlett ijiem San Lawrenz mar għand il-prefett ta' Ruma u minflokk ħa t-teżori tal-knisja, huwa ħadlu nies li kellhom bżonnijiet speċjali bħall-foqra, il-batuti, l-għomja eċċ...għax San Lawrenz kien jemmen li dawn huma l-veru teżori tal-knisja. Wara dan l-att il-prefett ordna biex jagħtu martirju kiefer lil San Lawrenz li ġara fl-10 ta' Awwissu tal- 258. Bosta huma l-qaddisin li tkellmu dwar San Lawrenz fosthom l-għaref Santu Wistin u San Ljun il-kbir. Illum il-ġurnata għaddejin ukoll minn żmien bħal ta' San Lawrenz fejn bosta Nsara qed ixerdu demmhom. Fil-Messiku mill-2006 'l hawn, inqatlu 32 saċerdot. Is-sena l-oħra ġewwa Franza s-saċerdot Jacques Hamel ġie maqtul waqt il-quddiesa. Bosta oħrajn soffrew il- Martirju dan l-aħħar. Naraw li l-istorja dejjem tirrepeti ruħha. Nitolbu lil San Lawrenz li tant hu meqjum fil-parroċċa tal-Birgu kif ukoll ġewwa l-parroċċa ta' San Lawrenz Għawdex biex jidħol għall-knisja u jagħtina l-grazzja li bħalu jkollna mħabba lejn in-nies batuti u mwarrba mis-soċjetà kif ukoll li ma nibżgħux nkunu xhieda ta' Kristu wkoll jekk ikollna nbatu.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 6 august 2017