Illum previous editions

illum 6 august 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/858241

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 06 ta' Awissu 2017 20 Opinjoni L -istorja tal-krejnijiet li invadew lil pajjiżna bħal dinożawri tal-azzar bit-tir uniku li jkomplu jċekknu din il-gżira aktar milli diġà hi jaf biha kulħadd. Sirt ma tistax tħares 'il fuq u tiskansa d-dehra tagħhom. Uħud qegħdin jippruvaw ibellgħulna r-ross bil-labra billi jargumentawlna li l-kostruzzjoni hija sinjal ċar tal-mewġa kbira ta' progress li resqet fuqna, mewġa li minflok inwarrbulha għandna, għall-kuntrarju, nirkbu fuqha ħa nogħlew 'il fuq. Iżda mhux kulħadd huwa babbu biżżejjed biex jibla' l-kantaliena tal-progress: jeżistu dawk li, għax għandhom kuxjenza, iħarsu lejn faċċati oħrajn li d-diskors tal-progress jeskludi, jaħbi jew inessi. Din l-istorja tal-krejnijiet hija storja li tixhed egoiżmu kbir, mhux biss għax min għandu qiegħed iħawwel kif u fejn jiftillu, imma għax min qiegħed iħawwel qiegħed jiġi jaqa' u jqum minn dawk li għad iridu jiġu warajh: pereżempju dawk it-tfal li mhux se jkollhom fejn jiġru, jew dawk il-ħaddiema li mhux se jkollhom fejn jistrieħu, jew dawk it-turisti (għax b'xi mod jew b'ieħor id-diskors dejjem jaqa' fuq dawn) mhux se jkollhom lejn xiex iħarsu u jistagħġbu. In-nuqqas ta' konsiderazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri jitwaħħad man-nuqqas ta' rispett lejn il-ġenerazzjonijiet ta' qabel. Kull kantuniera li tellgħu missirijietna u ommijietna għandha parti mill-istorja tagħna. Kull gorboġ, kull mezzanin, kull villa tnaqqax iskrizzjoni fil-volum storiku. Imqar dawk il-binjiet umli, mingħajr referenza fil-kotba li kitbu l-istoriċi, għandhom valur; jekk xejn il-valur taż-żmien u tal-karattru li kkontribwew għalih. L-argument irid jiġi estiż lil hinn mill-estetika, l-istorja, l-ambjent u l-pajsaġġ. Għax id-deni li qiegħed isir – u din ftit qegħdin nifhmuha – mhuwiex sempliċiment wieħed estetiku u lanqas ma hu biss ambjentali. Ħafna agħar minn hekk, huwa deni li qiegħed jaffettwa s-saħħa fiżika u mentali tagħna għax sirna qisna dud magħluq ġo kaxxa żgħira. Jidher li din il-mentalità ta' ħtif u monopolji mhijiex waħda Maltija biss. Dan l-aħħar qrajt rapport li fl-Italja l-pulizija jkollha spiss twaqqaf żviluppi ta' bini bla permess li jheddu l-monumenti nazzjonali u anki s-sigurtà taċ-ċittadini. Proprju din il-ġimgħa deher rapport dwar bini illegali bieb u għatba mal-iskavi storiċi ta' Pompei. Il-binja aktarx li kellha sservi ta' lukanda żgħira, mibnija hemm biex dak li jkun ma jiksirx siequ meta jkun sejjer iżur l-iskavi mqarbin ta' Pompei. Imqar il-vulkan tal-Vessuvju spiċċa art fertili għall-bini, bit-tir li dak li jkun idawwar ewro kemm jista' jkun malajr u mingħajr responsabbiltà ta' xejn. M'aħniex waħidna, imma din mhijiex konsolazzjoni. Il-pultruni u l-umbrelel imissu l-ilma fil-bajjiet f 'Kemmuna u nħawi oħra, huma wkoll strumenti ta' soffokazzjoni bħall-konkrit li l-krejnijiet qegħdin itellgħu ma' kullimkien. Huwa faċli li nippuntaw subgħajna lejn dawk li nsejħulhom żviluppaturi u nikkundannawhom għall-mod kif qegħdin jużurpaw l-art u jisparixxu lil pajjiżna. Imma hemm isqra oħrajn, li wkoll ittieħdu mill-marda tal-ħtif u dan mhuwiex xi fenomenu riċenti. Pereżempju l-griebeġ imsejħa 'boat houses'; jew inkella l-karovani (iva f 'Malta hawn il-karovani!) fil-Mistra, u l-kampijiet tax-xoqqa li ħadu x-xoqqa f 'moxtha malli tneħħew il-pultruni minn fuq ir-ramliet mhumiex xogħol l-iżviluppaturi imma l-ħtif tal-ispazju minn nies komuni. Dan kollu huwa sinjal ta' marda kerha ħafna li xi darba kienet taqbad lil klassi partikolari imma l-virus issa nfirex tant li saret tmarrad lil kulħadd. Ħafna jemmnu li l-art qiegħda hemm għalihom. U hekk hu fil-fatt: qiegħda hemm għalihom imma anki għall-oħrajn. Il-veduti għandhom jitgawdew minn kulħadd; ir-ramel u l-blat huma ta' kulħadd, u l-baħar u l–għelieqi (inklużi dawk immarkati RTO biex jintramaw għall- qbid u l-ħtif tal-għasafar). Fl-2008 ġiet ippubblikata l-verżjoni uffiċjali Maltija tal-logħba klassika Monopoly. Għal €120 tista' tixtri Marsaxlokk, għal mitt ewro biss Wied il-Għajn kollu kemm hu, aktarx li tista' tieħu anki ż-Żonqor. Anki x-xtut u l-portijiet tista' tixtri. U mbagħad tista' tibni fuqhom ladarba saru proprjetà tiegħek: djar żgħar ħodor jew lukandi kbar ħomor. Mhux neċessarju li jkollok permess għall-bini, l-aqwa li tħallas. U iktar ma tibni, ikbar ikun il-progress li tagħmel għax tibda tiġbor il-flus minn fuq dahar sħabek u tibqa' tistagħna sakemm tfallihom u tirbaħ il-logħba. Insomma, min jaħtaf l-aktar jispiċċa rebbieħ. Forsi ftit jafu li oriġinarjament, Monopoly kienet tintlagħab mod ieħor u li l-ħsieb ta' Elizabeth Magie, li vvintat il-logħba fl-1904, kien li tintwera l-kruha tal-kapitaliżmu u l-ħniżrija li fuqha tistrieħ din l-ideoloġija u sistema. Sfortunatament, meta eventwalment il-logħba nsterqet minn ħaddieħor, żviluppat kif nafuha llum: rifless ikrah imma veru ta' dak li jiġri b'dannu kbir għal ħajjitna. Il-pultruni u l-umbrelel imissu l-ilma fil-bajjiet f 'Kemmuna u nħawi oħra, huma wkoll strumenti ta' soffokazzjoni bħall- konkrit li l-krejnijiet qegħdin itellgħu ma' kullimkien Monopoly IMMANUEL MIFSUD

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 6 august 2017