Illum previous editions

illum 6 august 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/858241

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

5 Il-Ħadd 06 ta' Awissu 2017 | illum Aħbarijiet 'Il-ħaddiem Malti m'għandux iċedi d-drittijiet għax il-barrani jiswa inqas' Adrian Delia jappella biex il-PN jieħu l-kwistjoni tal-pagi ugwali għal xogħol ugwali b'serjetà kbira, jipproponi pjan ta' żvilupp għal 50 sena u ma tantx juri entużjażmu għal-legalizzar tal-marijuana. Albert Gauci Cunningham jistaqsi... Int Demokristjan? Kapitalist jew Soċjalist? Jew ftit minn kollox? Jiena Malti u jiena Nazzjonalist. Nemmen li m'hemmx lok għat- tikketti fil-politika ta' żminijietna. Wara li waqa' l-ħajt ta' Berlin u l-kommuniżmu u s-soċjaliżmu ntradmu taħtu d-dinja ħasbet li ġejja era ġdida mingħajr ideoloġiji. Iżda minflok il-globalizazzjoni ġabet magħha kapitaliżmu estrem u konsumeriżmu qawwi. Huwa s-sens ta' komunità li għandna bżonn inżommu fejn dak li nagħmlu ma nagħmluhx biss biex inpaxxu l-individwi ħalli niksbu vot imma biex verament nagħmlu l-ġid lis-soċjetà. Jiena kburi li l-partit li dejjem għamilt parti minnu dejjem poġġa dawn il-valuri fuq fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Il-progress iġib ir-rigress. Il-fatt li l-kostruzzjoni għaddejja minn 'boom' ifisser li għaddej żvilupp f 'ħafna postijiet. X'kontrolli taħseb li għandhom isiru lil hinn minn dawk li hemm bħalissa? Taqbel mal-kunċett ta' moratorju fuq kull żvilupp f 'ċerti żoni? Le. Ma naħsibx li moratorju se jsolvi xi ħaġa. Minflok ma naħslu jdejna u nagħlqu l-bibien għall-progress għandna nxammru u bis-serjetà nfasslu pjan ta' żvilupp ta' ħamsin sena bi qbil bejn il-partiti kollha biex ħadd minnha ma jużah għall-konvenjenza politika partiġġjana. Il-kirjiet privati splodew, għax splodiet id- domanda. Tini tliet soluzzjonijiet li taħseb illi huma ġusti għall-kerrej u għas-sid. Din hi tema sensittiva ħafna u niżbaljaw jekk inħarsu lejha biss minn lenti ekonomika. Bħalissa fil-pajjiż hawn il-ġid iżda x'se jiġri jekk u meta tmajna r-rota? Dawk li sejrin tajjeb illum se jibqgħu sejrin hekk għada? Dawk li lanqas illum mhuma jgawdu mill-ġid li hawn u qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal- ħajja, mal-kirjiet, x'se jagħmlu? L-għaqal hu li mil-lum naħsbu għal għada. M'hemmx dubju li l-gvern irid jidħol fejn hemm nies li qed ibatu. Dan mingħajr ma l-Gvern jipprova jindaħal fis-suq ħieles tal-kirjiet, iżda billi joffri alternattivi għal min ma jistax ilaħħaq. Il-gvern irid ukoll jieħu ħsieb li żoni li ma jattirawx kirjiet għoljin ma jispiċċawx ghettos fejn il-livell tal-ħajja tan-nies jinżel mhux jogħla. F'lukanda partikolari hemm grupp ta' 10 cleaners, grupp ta' 4 jitħallas €5.20 fis-siegħa għax fuq il- kotba tal-lukanda, grupp ta' sitta jitħallas €4.80 għax fuq il-kotba ta' kuntrattur. Il-kunċett tal-Equal Pay for Equal Work qed jiġi vjolat, imma mhux qed tinkiser il-liġi għax l-impjegatur huwa differenti. Kieku qatt issir PM int x'tagħmel? L-ewwel li nagħmel hu li nisma' l-partijiet kollha konċernati. Li ma nagħmilx hu li ma ninħebiex wara l-liġi u nħalli n-nies ibatu. Huwa veru li f 'pajjiżna hawn il-mobbiltà fix-xogħol u persuna li mhux jitħallas biżżejjed ma' kuntrattur A jista' jipprova jmur ma' kuntrattur B. Li hu ċar f 'moħħi hu li ma nistgħux inħallu diskriminazzjoni, la bejn ħaddiema Maltin u wisq iżjed ma' dawk barranin. Is-suq tax-xogħol huwa liberu iżda dan m'għandux iwassal biex ħaddiema Maltin iċedu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom għax jinsabu mhedda minn ħaddiema barranin li jiswew inqas biex timpjegahom. Din hi tema li l-Partit Nazzjonalista jrid jaqbad bis- serjetà u jagħtiha l-ikbar importanza. It-Times nhar is-Sibt 29 ta' Lulju kwotatek hekk; 'He insisted the PN had to inform itself on issues like these and others such as euthanasia, abortion and surrogacy.' Dan ifisser li fuq dawn it- tliet kwistjonijiet int, jekk tkun elett Kap tal-PN, se żżomm moħħ miftuħ u triq miftuħa għall-qbil jew aċċettazzjoni? Malli qrajt dak l-artiklu rrealizzajt li jew il-ġurnalist tat-Times ma fehemx dak li kont qed ngħid jew għandu xi raġuni oħra għalfejn qed jikkwotani ħażin. Fil-fatt ippubblikajt fuq il-paġna ta' Facebook l-intervista sħiħa li għamluli l-ġurnalisti. Dwar l-abort kont skjett: jiena kontra l-abort u favur il-ħajja. Minkejja din id-dikjarazzjoni l-ġurnalist tat-Times għażel li jgħid li għandi xi dubju. Dan mhux minnu. Jien għidt ukoll li fuq temi etiċi u ta' moralità rrid li l-ewwel niddiskuti mal-grupp parlamentari biex naqblu fuq pożizzjoni komuni u fejn ma naqblux nagħtu free vote. Għidt ukoll li wara li naqblu mmorru għand il-partiti l-oħra u nħeġġuhom jagħmlu bħalna sabiex inneħħu l-partiġjaniżmu minn temi etiċi u morali. Marijuana għal skopijiet rikreattivi; nillegalizzaw jew le? Anke hawn irrid nisma' x'għandhom xi jgħidu l-esperti iżda minn dak li qrajt s'issa jidher li dawk l-aġenziji li jaħdmu qrib il-problemi tad-droga kollha huma tal-fehma li jkun pass ħażin li nillegalizzaw il-ħaxixa għal skopijiet rikreattivi. Irridu nifhmu sew x'għandu f 'moħħu l-Gvern għax jekk beħsibu jillegalizza bl-addoċċ sabiex jipprova jikseb ftit voti oħra allura rridu nitkellmu favur is-sewwa. Dan għaliex, pereżempju, hemm differenza kbira jekk tiġi legalizzata l-ħaxixa għall-adulti milli tiġi legalizzata għal tfal ta' sittax-il sena. Hemm ukoll il-biża' li malli tibda tillegalizza, ftit ftit jibdew deħlin drogi oħra u nsibu ruħna f 'pożizzjoni fejn ma nistgħux inreġġgħu lura l-arloġġ. Il-kritiċi tiegħek qed jgħidu li int għandek wisq kuntatti ma' negozjanti kbar u qed jgħidu wkoll li int wisq ġdid fil-politika, m'għandekx esperjenza tal- istruttura. Ma tħossx li dawn iż- żewġ fatturi jistgħu, għada pitgħada, ikunu l-akbar tfixkil biex tilħaq l-għanijiet tiegħek? Pjuttost naħseb li dawn isaħħu l-pożizzjoni tiegħi jekk inkun Kap tal-PN. Jien ili 25 sena nibni karriera legali u ltqajt u sirt naf ħafna nies f 'kull qasam inkluż dak tan-negozju. Ma bnejtx karriera ta' suċċess fuq il-politika, iżda qattajt is-snin naqdi n-nies, kemm jekk huma nogozjanti u kemm jekk le. Din l-esperjenza issa lest inġibha miegħi fil-PN għax il-politika hi servizz lejn in-nies u dak hu li għamilt fil-karriera professjonali tiegħi s'issa, servejt lin-nies bl-aħjar mod li stajt. Il-fatt li jien ma kontx fil-politika hu ċertifikat li m'għandix 'baggage' u nista' nibni tim ġdid li jaħdem b'mod ġdid. Mil-laqgħat kollha li kelli s'issa ma' mijiet ta' kunsilliera indunajt kemm in-nies iridu wiċċ ġdid imexxihom li għax jaf il-PN mill-qrib jista' jżomm dak li hu tajjeb u jibni mill-ġdid. Tini tliet aġġettivi li jiddeskrivu lil Joseph Muscat u tliet aġġettivi li jiddeskrivu lil Simon Busuttil Joseph Muscat: makak, popolari u opportunist. Simon Busuttil: onest, akkademiku u sensittiv

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 6 august 2017