Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/863490
illum | Il-Ħadd 20 ta' Awwissu 2017 Opinjoni 16 I l-bniedem huwa bħala regola vanituż u jieħu gost meta xi ħadd jgħidlu li jidher iżgħar fl-età. Mara, pereżempju, ma għandek qatt issaqsiha kemm għandha żmien waqt li raġel dejjem jitbissem bil-ferħ meta tgħidlu li jidher iżgħar milli hu. Li tkun tidher iżgħar milli fil-fatt inti għal ħafna nies hi xi ħaġa pożittiva. Fil-Qrati, però, m'huwiex kemm tidher li jiswa iżda dak li fil-fatt tkun. Fil-Qrati d-dewmien mhuwiex bħal dak in-nannu li għax għandu erba' xagħriet żul minn hemm taħsbu ta' 40. Id-dewmien fil-qrati dak li hu, hu. Dak li mhuwiex, mhuwiex. Din il-ġimgħa ħarġet storja fejn kien hemm ħafna aħbarijiet pożittivi dwar kif fil-kamp ċivili l-kawżi qed ikunu iżgħar fl-età, komparati ma' erba' snin ilu prattikament fil-Qrati kollha għajr eċċezzjonijiet singoli. Jekk nieħdu pereżempju l-ikbar Qorti inassolut fejn jidħol il-kamp ċivili – jiġifieri l-Prim Awla – waqt li erba' snin ilu kien hemm 563 kawża li kienu ilhom miftuħin iktar minn 10 snin, dawn niżlu għal 300 kawża. Waqt li erba' snin ilu kien hemm 554 kawża li kienu ilhom miftuħa bejn ħames u seba' snin, dawn niżlu għal 318-il kawża. Waqt li erba' snin ilu kien hemm b'kollox 4274 kawża pendenti, dawn issa niżlu għal 3579 b'kollox. Fi kliem ieħor sejrin 'il quddiem. Din it-trend issibha prattikament kullimkien, f 'ċertu qrati iktar b'saħħitha minn oħrajn. Fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, li tisma' money claims ta' EUR 5,000 jew inqas, rajna progress enormi. Waqt li erba' snin ilu kien hemm 1015-il kawża pendenti b'kollox, dawn issa niżlu għal 383. Waqt li erba' snin ilu kien hemm 56 kawża quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar miftuħa għal erba' snin jew iktar, illum ma hemm ebda kawża li ilha miftuħa għal iktar minn 4 snin. Din hija d-differenza! U dan meta f 'din il-legiżlatura żidna l-ġurisdizzjoni ta' dan it-Tribunal u allura żidna l-workload tiegħu. Storja oħra ta' suċċess hu l-Appell Inferjuri, jiġifieri Appelli mis-sentenzi tal-Qrati tal-Maġistrati u prattikament it-Tribunali kollha. Waqt li erba' snin ilu kien hemm 600 appell inferjuri pendenti dan issa niżel għal 360. L-istess ħaġa l-Bord li jikkontrolla l-kera. Waqt li erba' snin ilu kien hemm 461 każ pendenti, issa dan niżel għal 244 u jekk inkomplu għaddejjin b'din ir-rata d-dewmien esaġerat li kien hemm f 'dan il-Bord isir xi ħaġa tal-passat. L-iktar Qorti importanti – il-Qorti Kostituzzjonali wkoll saħħet il-prestazzjoni tagħha tant li llum ma ssibx każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li ilu miftuħ iktar minn sentejn. Erba' snin ilu kont issib kawżi li ilhom miftuħin 5 snin. Kif dejjem ngħid l-isfida tibqa' l-Qorti tal-Appell Superjuri jiġifieri l-Qorti li tisma' l-Appelli mill-Prim Awla. L-ammonti ta' sentenzi li din il-Qorti tagħti sploda drastikament komparat ma' erba' snin ilu. Biss, minkejja din l-isplużjoni ta' sentenzi, l-ammont ta' kawżi pendenti kiber bi 300 f 'erba' snin. F'dan ir-rigward nemmen li se tkun ta' ġid il-proposta maqbula bejn il-Gvern u l-Ġudikatura li titwieled konfigurazzjoni jew Sede tal-Appell Superjuri biex hekk il-piż jinqasam fuq żewġ timijiet ta' tliet ġudikanti u mhux fuq tim wieħed ta' tliet ġudikanti kif inhu bħalissa. Fl-istess waqt nappella lill-Avukati biex jagħmlu użu mill-għodod ġodda li tajniehom fosthom li Kawża fl-Appell (Sede Superjuri) taqbeż il-kju u tgħaddi mill-ewwel għas- sentenza jekk l-avukati taż- żewġ naħat jagħmlu nota fejn biha jgħidu li qed jistrieħu fuq ir-rikors tal-appell u r-risposta tal-appell li ppreżentaw. Kif dejjem ngħid – jekk hawn xi ħadd jaħseb li dawn ir-riżultati waqgħu mis-sema ma jafx x'inhu jgħid. Dawn ir-riżultati ġew frott ix-xogħol u l-ħidma tal-Ġudikatura, l-amministrazzjoni u l-istaff tal-Qorti, l-eżekuttiv, l-istakeholders u kull min b'xi mod ikkontribwixxa. Donazzjonijiet Wara riforma li għamilna fl-aħħar legiżlatura fil-liġi tal-finanzjament tal-Partiti żdied l-ammont massimu li kandidat jista' jonfoq fl-elezzjonijiet ġenerali. Pari passu ma' dan, żdiedu l-iskrutinju u s-serjetà tant li jekk deputat jinqabad li gideb fid-dikjarazzjonijiet tan-nefqa u dħul jista' anke jitlef is- siġġu. Rajt f 'mill-inqas tliet gazzetti rapportaġġ li jgħid li "l-Ministru Owen Bonnici rċieva €29,000 donazzjonijiet" u nefaq €29,000 fl-elezzjoni ġenerali. Ir-rapportaġġ huwa ħażin. Jiena ma rċevejtx €29,000 donazzjonijiet. Id- €29,000 huwa dħul mhux donazzjonijiet. Donazzjoni hi ħaġa u dħul hi ħaġa oħra. Fil-fatt donazzjonijiet irċevejt ħafna u ħafna u ħafna inqas u kull dikjarazzjoni ġiet iddikjaratha bl-iswed fuq l-abjad. Id-donazzjonijiet jifformaw parti żgħira mid-dħul komplessiv ta' €29,000. Id-€29,000 tirreferi għad-dħul kollu li jiena rcevejt u dan għaliex il-liġi titkellem, dwar dħul u mhux donazzjonijiet biss. Ħa nġib eżempju. Jekk għamilt coffee morning u f 'dan il-coffee morning, għall- eżempju, biegħejt 200 biljett tal-€5-il wieħed jien niżżilt li kelli dħul ta' €1,000. Sintendi kontra d-dħul ta' €1,000 trid tiddikjara n-nefqa ta' kemm iċċarġjak ir-restorant ras imb'ras u allura ssib li l-€1,000 la kienet profitt u wisq inqas donazzjoni iżda sempliċement dħul (income). Jiena fid-dikjarazzjoni li ssottomettejt iddikjarajt dak kollu li daħħalt u dak kollu li ħriġt sal-inqas ċenteżmu. Anke jekk tajt €100 lil nursery tal-futbol, iddikjarajtha wkoll. Anke jekk għamilt riklam fi ktieb tal-festa ddikjarajtu wkoll. Din hija s-serjetà. Inċidentalment riforma oħra li seħħet taħt Amministrazzjoni mmexxija minn Joseph Muscat. Karnival tas-Sajf Fil-weekend li ġej se jerġa' jkollna magħna l-Karnival tas- Sajf li għat-tieni sena se jerġa' jsir fit-Tramuntana (San Pawl il-Baħar) u fin-Nofsinhar (Wied il-Għajn). Grazzi minn qalbi lil Jason Busuttil u t-tim tiegħu u lill-artisti kollha tal-Karnival li dejjem nimmeravilja ruħi għall-ħiliet enormi li għandhom. Grazzi mill-qalb! OWEN BONNICI Waqt li erba' snin ilu kien hemm 554 kawża li kienu ilhom miftuħa bejn ħames u seba' snin, dawn niżlu għal 318-il kawża. Żdiedu l-iskrutinju u s-serjetà tant li jekk deputat jinqabad li gideb fid- dikjarazzjonijiet tan-nefqa u dħul jista' anke jitlef is-siġġu. Iżgħar fl-età