Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/869384
Il-Ħadd 03 ta' Settembru 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Frakass G ħat-tielet ġimgħa konsekuttiva dan l-editorjal se jkun kollu ddedikat għas-sitwazzjoni l- Partit Nazzjonalista u probabbilment mhux se jkun l-uniku wieħed. Il- Ħadd li għadda u matul din il-ġimgħa nkitbu bosta editorjali dwar dan il-partit u t-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN. U mhux ta' b'xejn, għax is-sitwazzjoni l-PN bħalissa mhi xejn għajr frakass. Dan l-editorjal qed jinkiteb qabel ma jsiru magħrufin iż-żewġ kandidati li se jgħaddu għat-tieni fażi tat-tiġrija għal kap tal-PN. Minkejja dan, kważi kważi dan ir-riżultat issa rrenda lilu nnifsu irrelevanti. Kif? Għaliex id-dellijiet ta' dubju li kienu qed iħufu madwar Adrian Delia, illum qed iħufu fuq ras il- Partit Nazzjonalista kollu u b'mod speċjali fuq il- proċess li għaddej minnu l-PN biex jeleġġi kap. Din l-elezzjoni waslet f 'punt illi jkun xi jkun ir- riżultat u jgħaddi kemm jgħaddi iż-żmien se tibqa' dejjem taħt id-dubju ta' maniġġi, stalletti u ħmieġ. Din l-elezzjoni interna hija, jew l-aktar elezzjoni maħmuġa li qatt rajna, jew inkella l-aktar waħda illi matulha qed jitperreċ ħmieġ barra. Hi x'inhi, ġid lill-partit żgur mhix qed tagħmel. Mhux ta' b'xejn li ħafna Nazzjonalisti huma rrabjati. Mhux ta' b'xejn li ħafna Nazzjonalisti qed jibżgħu li l-partit se jitkisser. Mhux ta' b'xejn li ħafna Nazzjonalisti, wħud minnhom li tkellmu ma' din il-gazzetta, xebgħu jisimgħu u jħossuhom insulentati bil-gwerra li għaddejja fl-istess partit. Mhux ta' b'xejn li ħafna Deputati Nazzjonalisti qed iżommu s-silenzju u qed jirrifjutaw li jipparteċipaw f 'din il-ġlieda għall-poter. Xi ħadd jeħtieġ jieħu responsabilità għad- diżastru li jinsab fih il-PN bħalissa. Min suppost aċċerta li jsir vetting suret in-nies? Min huwa responsabbli biex jara li dan kellu jsir u ma sarx? Għalfejn minkejja l-proposta ta' ġurnalist tal-PN stess dan il-proċess baqa' ma sarx? Għalfejn ittieħdet deċiżjoni tant tard, meta l-proċess ta' votazzjoni kien diġà beda? Ladarba l-Kunsill Amminstrattiv tal-PN ħass li kellu 'jitlob' lil Delia jirtira u allura ħass li dan mhux idoneu għall-kariga, għaliex ma talabx biex ikun segwit il-proċess kollu li jwassal biex l-istess kandidat jitneħħa mit-tiġrija? Għaliex ma tteħditx deċiżjoni biex it- tiġrija tiġi sospiża, sakemm l-allegazzjonijiet ikunu ċċarati u sakemm jitneħħa kull tip ta' dubju? Il-Kunsill Amministrattiv fil-verità ħa d-deċiżjoni li l-inqas kienet tkompli tkabbar il-ferita, ħaseb. Imma fil-fatt ma solva assolutament xejn. U jekk sa dalgħodu Delia se jkun għadda għat-tieni fażi, il-PN se jkun qiegħed bl- ikbar possibilità li jkollu kap li kien investigat mill-istess partit u mitlub iparpar (bil-pulit) mill- istess partit. Biex tgħaxxaq jidher li hawn qbil ġenerali, anke fost bosta Nazzjonalisti u fost sezzjonijiet tal-midja li hija eqreb fil-ħsieb lejn il-PN, illi f 'din it-tiġrija l-għażla hija waħda fjakka. Jiġifieri huwa ċar li apparti l-għaqda li jrid iġib fil-PN u l-feriti li jrid jagħlaq, il-persuna trid b'xi mod tqajjem fervur għaliha li ma jeżistix. Terġa' u tgħid jekk ikun Delia Kap irid jara kif se jsolvi l-antipatija qawwija li hemm lejh min-nies u mid-Deputati li saħansitra qed jgħajruh 'iż-Żiemel ta' Trojja' tal- Partit Laburista. U dan il-frakass ma jagħmilx ġieħ anqas lill-Kap uxxenti Simon Busuttil, għax wara kollox din it-traġi-kummiedja qed isseħħ, kif jgħidu bl- Ingliż 'under his watch'. Minkejja r-riżultat devastanti li ġarrab il-PN fl-aħħar elezzjoni, xorta ma jixraqx li jkun f 'din is-sitwazzjoni. Jekk xejn, għax minkejja kulm'hu qed jingħad il-PN kien fuq in-naħa t-tajba tal- istorja ħafna drabi, mhux dejjem naturalment, imma ħafna drabi. U Busuttil ukoll, anke jekk ma rebaħx u anke jekk mhux se jibqa' mfakkar mal-aqwa mexxejja tal-PN, imma xorta kien fuq in-naħa t-tajba meta ġġieled kontra l-korruzzjoni. Meta ma ħallihiex lixxa lil min fetaħ kont il-Panama u taparsi nesa. Il-PN ma jixraqlux. Tkun xi tkun id- deċiżjoni tal-Kunsillieri u ġimagħtejn oħra tat- tesserati, ejja ħa mmexxu 'l quddiem biex fix-xena politika lokali jerġa' jkollna n-normalità. Editur: Albert Gauci Cunningham 21