Illum previous editions

ILLUM24092017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/878564

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

Il-Ħadd 24 ta' Settembru 2017 | illum Opinjoni 17 minn David Pace G ħall-aktar minn kwart ta' seklu, kelli noqgħod nisma' l-politiċi jżidu l-kelma sostenibilità f 'kull konverżazzjoni li jagħmlu dwar l-ambjent u l-iżvilupp. Qishom la jsemmu l-kelma sostenibilità mela kull żvilupp li jiffirmaw għalih huwa tajjeb. Sa ġimgħa ilu, anke Dr. Delia semmiegħha hekk kif qed jipprova jbigħ ruħu bħala l-mexxej il-ġdid tal- Partit Nazzjonalista. M'hemmx dubju li din il-kelma, li tfisser żvilupp li jirrispetta lill-ambjent, dejjem ġiet użatha bħala buzzword u tant intgħoġbot li baqgħet tintuża. Tant, li għexieren ta' Prim Ministri u Ministri telgħu u niżlu, baqgħu jużawha u pajjiżna baqa' lura mil-lat ambjentali. Irnexxielu biss idaħħal ftit responsabbilità ambjentali ta' bilfors għax dħalna fl-Unjoni Ewropea. U minkejja li l-UE stess għamlet aċċenn kbir fuq l-idea tas-sostenibilità, dan il-kunċett qatt ma' verament qabad. Ħadem biss fil-pajjiżi avvanzati li diġa kellhom liġijiet ambjentali iebsin. Infatti, l-aktar pajjiżi 'ambjentali' lanqas fil-fatt qegħdin fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi bħan-Norveġja u l-Iżlanda. Il-pajjiżi anqas avvanzati tal- Unjoni Ewropea baqgħu lura b'problemi kbar ambjentali u dan jinkludi lil pajjiżna. Ftit ilu, smajna li lanqas għaxra fil-mija ma jirriċiċklaw f 'pajjiżna u li f 'sentejn se jimtlew il-barrieri kollha. Possibilment issa indunajna? Ilna nirriċiklaw aktar minn għaxar snin u ma konniex nafu li mhux jirnexxielna nġiegħlu lin-nies jirriċiklaw aktar? Dan ifisser li l-programmi edukattiv u l-iskemi kollha li suppost ikkonvinċew lin-nies jirriċiklaw aktar fallew? U min hu risponsabbli ta' dan il-falliment jew bħal f 'kull ħaġa oħra f 'pajjiżna qatt ma naraw l-iċken ħjiel ta' kontabilità? Fallimenti bħal dawn u hawn ħafna oħrajn huma kollha frott ta' nuqqas ta' ppjanar fuq tul taż-żmien li qatt ma ffoka fuq l-aspett ambjentali ta' pajjiż żgħir li l-problemi tiegħu dejjem ikunu aktar gravi minn dawk ta' pajjiżi akbar minħabba problemi ta' ċokon, nuqqas t'ilma, popolazzjoni għolja, eċċ. Għadni niftakar kemm intilef ħin biex il-gvern finalment iddeċieda li juża l-barrieri biex jitfa' l-iskart tal-bini fihom lura fis-snin disgħin. L-ebda gvern qatt ma ta' każ li l-idea tas-sostenibilità hija bbażata fuq tliet oqsma importanti: ambjentali, soċjali u ekonomiku. Jidher ċar li matul dawn l-aħħar 25 sena, gvern wara l-ieħor issagrifika l-ambjent u sa ċerta punt, anke l-qasam soċjali għall-iżvilupp ekonomiku. Ħafna se jsostnu li minħabba li Malta ċkejkna u ma tantx għandha rikkezzi naturali u materja prima, allura rridu naħdmu b'li għandna: kostruzzjoni, turiżmu u servizzi. Sfortunatament, l-ewwel tnejn jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent u ftit li xejn kien hawn attentat biex din il-ħsara tiġi mqar ikkontrollata. L-ambjent irid jittieħed mil-lat sħiħ u mhux biċċa biċċa. Tajjeb li gvern daħħal ir-reċiċklar tal-iskart u l-kontroll tat-tniġġiż tal-arja, iżda dawn mhux biżżejjed. Iddaħħlu għax kien hemm ordnijiet mill-UE mhux għax xi gvern Malti qatt kellu għal qalbu l-ambjent. U dan qed jidher ċar ħafna bħalissa hekk kif għaddejja ferneżija ta' bini li qiegħda tagħmel ħsara kemm lill-qasam ambjentali kif ukoll dak soċjali ta' dik li nħobb insejħilha t-trepied tas- sostenibilità. Biex it-trepied tas-sostenibilità jkun sod, irid ikollu saqajn tal-istess daqs u jekk sieq waħda tkun iqsar jew itwal mill-oħrajn, it-trepied ikun żlugat u fil-periklu li jaqa'. Fil-każ ta' Malta, it-trepied tas- sostenibilità għandu sieq waħda twila ħafna, dik ekonomika; filwaqt li dik soċjali hija iqsar u dik ambjentali terġa' iqsar. Biex it-trepied jissoda, irid ikollu s-saqajn kollha tal-istess daqs. Minbarra dan, żvilupp esaġerat biex l-ekonomija tkompli tissaħħaħ suppost jirriżulta f 'żvilupp soċjali għax ikun hemm aktar flus għas-servizzi soċjali u dan qed isir, iżda min-naħa l-oħra, l-effetti tal-iżvilupp esaġerat bħat-traffiku, it-tniġġiż tal-arja bl-exsost u trab, l-istorbju u d-dawl żejjed, l-inkonvenjenza ta' trakkijiet jimblukkaw toroq li diġà mhumiex tajbin biex jgħaddi daqstant traffiku minn fuqhom, l-inkonvinjenza mill-kuntratturi lejn in-nies li qed jibnu ħdejhom, u t-toqob fil-liġijiet li suppost jipproteġu l-ambjent magħmula biex jagħtu vantaġġ lill-kuntrattur u l-iżviluppatur—kollha qed inaqqsu mill-aspett soċjali tat- trepied tas-sostenibilità. Iż-żieda fil-kirjiet ukoll qed tiżloga t-trepied hekk kif ħafna nies qed ikollhom problema jsibu jikru post sura biex joqogħdu fih. U dan kien riżultat ta' snin twal ta' gvernijiet li ma ħasbux għall- akkomodazzjoni soċjali għal dawk li ma setgħux jixtru dar għaliex il-prezz ta' dawn baqa' jogħla u jogħla ferm aktar mit- total tal-pagi ta' sena. F'ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ilna naraw il-fenomenu ta' nies mingħajr dar jorqdu barra—il- homeless. Tgħid f 'Malta se narawhom jiżdiedu wkoll fis- snin li ġejjin? Mil-lat ambjentali, it-trepied tas-sostenibilità Maltija ilha żlugata żmien twil. Jiddispjaċini ngħid li wara aktar minn erbgħin sena nsegwi l-ambjent f 'Malta, qatt ma kelli x-xorti nesperjenza gvern li ta' prijorità lill-ambjent. U meta nsemmi l-ambjent qed nirreferi għat-totalità tiegħu mhux it-tindif biss kif għal ħafna żmien kien meqjus l-ambjent u kif għad hawn ħafna, inklużi Membri Parlamentari jqisuh b'dal-mod limitat. Kieku kellna politiċi li verament iħarsu 'l quddiem, kieku l-ambjent ta' pajjiżna jinsab f 'stat ferm aħjar milli qiegħed fih illum. Ejja nieħdu l-produzzjoni tal-enerġija fejn intefqu miljuni kbar fuq il-ħruq taż-żejt u qatt ma ngħatat importanza xierqa lill-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa alternattiva. Bil-mijiet ta' miljuni kbar li ntefqu fuq il-power stations taż-żejt u l-gass, u l-ħlasijiet għall-fjuwils kienet titgħatta Malta kollha bil-pannelli fotovoltajiċi. Sfortunatament, kien hemm interessi politiċi u kummerċjali biex iż-żejt ma jinqatax biex ftit persuni b'kuntatti politiċi tajbin saru miljunarji minn fuq ix-xiri tiegħu. Sal-lum, dawn ma ħadux il-kastig li jieħu min jipprova jiffroda l-gvern! Dak iż-żmien, ħadd ma ta' kas li l-power-station tal-Marsa kienet qed tmarrad in-nies li joqogħdu madwarha u tobżoq it-trab iswed. Tiftakru kemm damu u ħalsu biex qalu lil kulħadd li t-trab iswed ġej mill- power-station tal-Marsa? Xi ħaġa li studenta tal-Università li għamlet studju għat-teżi tagħha kienet ilha ssostnieh? Fl-istess żmien, xi ħadd kien ħolom bl-enerġija mir-riħ u reġgħu ntefqu miljuni kbar fuq studji li għamluhom konsulenti bażużli li ħadu kummissjonijiet kbar fuqhom, biex wara qalulna dak li kulħadd kien qed jgħid: Malta ċkejkna wisq għall-wind farms! Diffiċli tifhem falza stikka ambjentali wara l-oħra meta l-gvernijiet dejjem kellhom pataflun ta' esperti u konsulenti jitħallsu eluf u anke miljuni ta' ewro biex jgħidulhom x'għandhom jagħmlu fil-qasam tal-enerġija. Misshom jistħu kemm ħlew flus il-poplu u ħallewna b'power-station relikwa mis-snin ħamsin li kienet tnitten kullimkien bit- trab iswed u min jaf kemm ħamġet pulmun tan-nies u kkawżaw ażma! Għallinqas il-gass iniġġeż ħafna anqas, iżda xorta jibqa' fjuwil li jitfa' l-carbon dioxide fl-atmosfera li qed jikkawża t-tibdil fil-klima u minkejja xeba' safar u laqgħat minn ministri u uffiċjali governattivi qatt ma smajna li ttieħdu xi miżuri fuq din il-problema globali li żgur li se jkollha effett negattiv fuq gżiritna. Bit-twaqqif tal-MEPA kienu pprovaw ibellugħielna li kellha tkun awtorità li tirranġa l-ambjent Malti u spiċċat irranġatu għall-frisk għax l-ebda awtorità m'għamlet ħsara lill- ambjent Malti daqsha. Qalulna wkoll li jekk jaqsmuha f 'żewġ awtoritajiet ikun aħjar u morna għall-agħar. Imma din storja għall-artiklu ieħor... It-Trepied tas-Sostenibilità favur l-ambjent għadu zopp u jrid jiġi rranġat minnufih. Aktar issa li pajjiżna sejjer tajjeb ekonomikament. Din hija s-sistema kif is-soltu jaħdem pajjiż u dawk il-pajjiżi kollha li għandhom ekonomija tajba għadhom protezzjoni u konservazzjoni ambjentali tajba. X'se nagħmlu? Se nibqgħu l-eċċezzjoni? Se nibqgħu neqirdu lil pajjiżna u ngħattuh bil-konkrit mingħajr ma nħawlu siġra waħda? Se nibqgħu nħallu lil kulħadd jikkappara kullimkien? Se nibqgħu ma nenforzawx il- liġijiet? Fl-aħħar elezzjoni, il-partit politiċi ftit li xejn tkellmu fuq l-ambjent; u dan juri kemm l-ambjent għadu lura fuq l-aġenda tal-partiti. Din hija oxxenità kbira meta nikkunsidraw kemm ilaqqat daqqiet l-ambjent Malti bl- iżvilupp żejjed u t-turiżmu bla rażan li qed ikollna. U tħares fejn tħares, ma tara l-ebda evidenza tal- iċken attentat lejn xi forma ta' sostenibilità kemm fl-ambjent kif ukoll fit-turiżmu. Ċentri ta' rħula jinqerdu b'apartamenti għolja u bla grazzja, għelieqi li jkunu pulmun ta' belt qed jiġu żviluppati u artijiet tal- gvern jinbiegħu biċ-ċiċri ħalli aktar jitfgħu konkos fuqhom u l-pajsaġġ sabiħ Malti jkompli jitnaqqar. M'hemmx għalfejn nemfasizza aktar li ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Ħa nispiċċa b'eżempju u tifhmuni mill-ewwel. Ftit ġimgħat ilu, mort sa Kemmuna u kien imballat bin- nies u bl-opri tal-baħar. Bejni u bejn ruħi għidt, kemm se jdum ċar u sabiħ il-baħar b'dawn l-iġenji kollha jitfgħu d-diesel u l-petrol, u l-ħmieġ fih? L-iżvilupp esaġerat se jibda jeqred dawk l-affarijiet li jagħmlu lil Malta tant sabiħa u unika. Wara li rnexxielna nnaddfu l-baħar ta' madwarna mid-drenaġġ, se nħalluh jerġa' jitħammeġ u jitniġġeż b'turiżmu sfrenat, opri tal-baħar bla rażan u ħmieġ mill-fish farms? Possibli bqajna naraw biss sa quddiem għajnejna u mhux nindunaw li rridu nħallsu tad-dnubiet ambjentali li qed nagħmlu? David Pace huwa lettur tal- ambjent u t-turiżmu sostenibli fl-ITS. It-trepied żlugat tas-sostenibbilità f 'Malta Wara li rnexxielna nnaddfu l-baħar ta' madwarna mid-drenaġġ, se nħalluh jerġa' jitħammeġ u jitniġġeż b'turiżmu sfrenat, opri tal- baħar bla rażan u ħmieġ mill-fish farms? Ħafna se jsostnu li minħabba li Malta ċkejkna u ma tantx għandha rikkezzi naturali u materja prima, allura rridu naħdmu b'li għandna: kostruzzjoni, turiżmu u servizzi. Sfortunatament, l-ewwel tnejn jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent u ftit li xejn kien hawn attentat biex din il-ħsara tiġi mqar ikkontrollata.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM24092017