Illum previous editions

illum 1 October 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/881843

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 01 ta' Ottubru 2017 18 B dejna Ottubru u barra li jiftħu l-iskejjel u l-università, tibda wkoll is-sena forensi, is-sena tal-qorti. Verament l-attività l-qorti ma tieqaf qatt għalkemm fix-xhur tas-sajf tbatti fir- ritmu. Ma jfissirx illi aħna l-avukati nkunu nħarsu. Altru milli hekk. Imma l-fatt illi ma jkollokx il-kawżi l-qorti ċertament jagħmel differenza. Interessanti għala s-sena forensi tagħna tiftaħ fil- bidu t'Ottubru. Din mhix xi tradizzjoni antika u jekk m'iniex sejjer żbaljat, inbdiet mill-Prim'Imħallef Giuseppe Mifsud Bonnici fis-snin disgħin. Li hu interessanti hu mill-ftit riċerka li għamilt illi s-sena forensi fl-Italja, tal-Qorti Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem u anke fil-Vatikan tibda f 'Jannar. Imma l-Ingilterra u l-Iskozja jiftħuha f 'Ottubru u allura aħna wkoll għażilna illi nimitawhom minkejja li aħna pajjiż indipendenti u l-ġurisprudenza tagħna għadha influwenzata ftit mhux ħażin minn dik Taljana. Dan xi ftit jew wisq jirrifletti l-uniċità tas-sistema tal- ġustizzja tagħna. Ħafna barranin jibqgħu mbellha meta ngħidulhom illi s-sistema tagħna mhijiex dik Ingliża. L-Ingliżi għandhom dak li jissejjaħ il-common law fejn il-preċedent tas- sentenzi tal-qrati għandhom saħħa kbira, is-saħħa ta' liġi. Hawn min jispekula illi l-common law Brittaniku għandu ħafna inkomuni max-xarija Musulmana fejn kollox jiddependi wkoll fuq il-preċedent, il-kanun. Skont teorija partikulari, il-common law Ingliż daħħlet man- Normanni wara illi dawn ġew influwenzati mill-istudjużi musulmani ta' Sqallija illi baqgħu influwenti meta n-normanni ħakmu l-gżira. Teorija interessanti illi diffiċli wieħed jistabilixxi jekk hix minnha jew le. Minkejja illi konna kolonja Brittanika, ir-Renju Unit qatt ma impona l-common law fuq pajjiżna. Meta Sir Adrian Dingli li kien id-de facto mexxej tal-gżira, ġie biex jippromulga l-kodiċi prinċipali tal-gżejjer tagħna, ma segwiex il- mudell brittaniku imma dak kontinentali. Ibbaża l-Kodiċi Ċivili tagħna illi ssostitwixxa l-Code de Rohan fuq kodiċi ta' stati Taljani (l-Italja kienet għadha biss espressjoni ġeografika) u dak Franċiż. Waħda mir-riformi kbar ta' Napuljun kienet illi għamar illi l-liġi ma' Franza kollha tkun l-istess; peress illi Franza kienet ir-riżultat tal-għaqda ta' bosta prinċipati u konteji biż-żwieġ jew bil-konkwista, ma kienx hemm dritt komuni għall-pajjiż kollu. Napuljun ried jirrimedja dina s-sitwazzjoni u qabbad kummissjoni ta' ġuristi illi kkompilaw il-kapolavur ġuridiku li għadu magħruf bħala l-Kodiċi Napoleoniku. Malta wkoll adottat il-Kodiċi Napoleoniku f 'nofs is-seklu dsatax. L-influwenza Ingliża kienet limitata għad-dritt ta' proċedura penali u speċjalment bl-introduzzjoni tas-sistema tal-ġuri għad- delitti gravi. Illum, l-influwenza Ingliża hija aktar mifruxa f 'oqsma, bħad-dritt tal-kumpaniji, id-dritt fiskali, id-dritt industrijali u s-servizzi finanzjarji illi saru daqshekk importanti għall-ekonomija nazzjonali. Bħala regola, meta l-leġiżlatur irid jintroduċi xi liġi, spiss idur fuq il-liġijiet Ingliżi u jużahom bħala l-mudell tiegħu. Imma s-sinsla tal-liġi tagħna baqa' l-Kodiċi Ċivili ta' ispirazzjoni Napoleonika. Għaldaqstant, is-sistema legali tagħna tassew hija s-sintesi pjuttost unika ta' tradizzjonijiet ġuridiċi kontinentali u anglo-sassoni. Illum li sirna parti integrali tal-Unjoni Ewropea, ir- regolament u d-direttivi tal-Unjoni wkoll saru parti mil-liġijiet tagħna. Id-dritt komunitarju qed iwassal għal konverġenza bejn is-sistemi ġudizzjarji tat-28 membru stat tal-Unjoni. Nistgħu ngħidu illi pajjiżna assorba l-acquis comunitaire mingħajr problemi ta' barra minn hawn. Interessanti illi s'issa ftit kien hemm referenzi preliminari mill-qrati tagħna għal dik ta' Lussemburgu, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Jista' jkun illi aħna l-avukati għadna ma bdejniex inxommu biżżejjed il-kwistjonijiet ta' dritt komunitarju bħalma domna biex nibdew inxommu l-kwistjonijiet kostituzzjonali illi llum saru jipproliferaw fil-qrati tagħna. Madankollu, il-qrati tagħna huma obbligati japplikaw id-dritt komunitarju kif stabilit mill- QEĠ. Illum Malta għandha tliet imħallfin f 'Lussemburgu, daqs kwalunkwe membru ieħor tal-Unjoni. Barra minn hekk għandna mħallef ukoll Strasbourg fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din il-qorti għandha influwenza kbira fuq il-qrati u l-liġijiet tagħna. Sentenzi dwar l-liġi tal-kera jew id-drittijiet tal-arrestati jirrispettaw is-sentenzi ta' Strasbourg u ma kinux jingħataw kif ingħataw kieku mhux għal Strasbourg. Nuqqas kbir li għandna f 'pajjiżna hu d-dewmien sabiex jiġu mwettqa s-sentenzi ta' Strasbourg: spiss jiġri illi minkejja illi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issib illi xi liġi partikolari tivvjola l-Konvenzjoni Ewropea, dina l-liġi tibqa' fis-seħħ. U min hu vittma tagħha jkollu jagħmel kawża ġdida minħabba l-inerzja leġiżlattiva. L-istess jista' jingħad dwar is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali, l-ogħla qorti tal-pajjiż. Minkejja sentenzi ċari, il-liġi impunjata tispiċċa ma tinbidel qatt. Għalina l-avukati dan ifisser aktar xogħol u anke kjarezza legali imma hija sitwazzjoni altament inaċċettabli. Jekk sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali jew dik ta' Strassburgu ssib illi xi liġi tivvjola d-drittijiet tal-bniedem, il-leġiżlatur għandu jfittex illi jneħħi tali liġi mingħajr dewmien. Mhuwiex sew illi nibqgħu nsostnu din it-teorija bażwija illi tali sentenza tapplika biss fil-konfront tal-parti li tkun għamlet il-kawża u mhux fir-rigward ta' kulħadd, erga omnes. F'dan ir-rigward, bejn gvern nazzjonalista u dak laburista, ma rajna sempliċiment l-ebda bidla. Nuqqas kbir ieħor fis-sistema ġudizzjarja tagħna hija r-rinviji fil- kumpilazzjonijiet. Ħafna ħin jinħela f 'dawn ir-rinviji u spiss l-Avukat Ġenerali l-anqas ikollu l-ħin jara l-proċess sew u jirrinvija għal xejn b'xejn. Li jsir rinviju sabiex il-Pulizija jressqu l-provi li għandhom kif ġieli jsir juri kemm is-sistema tar-rinviji qed tiġi abbużata mill-Avukat- Ġenerali. Is-sistema qiegħda tgħajjat għal riforma radikali imma donnu ħadd m'għandu l-kuraġġ u l-enerġija jwettaqha. Għalkemm qed inkun kritiku, ma rridx ma nsellimx lill-ministru tal-ġustizzja attwali, Owen Bonnici u l-predeċessuri tiegħu li lkoll ħadmu sabiex isir titjib sostanzjali fil-qasam ġudizzjarju. U fil-fatt matul is-snin sar titjib sostanzjali u d-dewmien fil-qtugħ tal- kawżi tnaqqas sew. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll tkun ta' xprun importanti. Kif stqarr miegħi riċentement maġistrat, l-istatistika u l-parametri Ewropej jpoġġu ħafna pressjoni fuq il-membri tal-ġudikatura. Madankollu, kulħadd jirrikonoxxi illi għandna problema kbira bil-Qorti tal-Appell. Assolutament m'hux aċċettabli illi minkejja l-ħidma bla waqfien taż-żewġ Qrati tal-Appell, wieħed irid jistenna erba' snin sabiex sentenza appellata tiġi maqtugħa. L-agħar meta s-sentenza tkun waħda preliminari u wara xi għaxar snin il-qorti, is-sentenza preliminari tiġi revokata fl- Appell u l-kawża terġa' tmur quddiem l-ewwel qorti ħalli prattikament tibda mill- ġdid. Tassew inħoss li wasal iż-żmien illi jkollna żewġ presidenti tal-Qorti tal-Appell għax is-sitwazzjoni attwali hija intollerabli. Qed isir investiment fil- qasam diġitali u beda proġett sabiex l-inkartament kollu tal-kawżi jiġi skenjat. Bdew isiru anke l-ewwel tentattivi żgħar sabiex l-atti tal-qorti jibdew jiġu ppreżentati elettronikament. Ikolli nistqarr illi m'iniex sodisfatt għal kollox b'dawn l-isforzi. L-iskenjar tal-atti tal-qorti mhuwiex komprensiv u inkonsistenti għall-aħħar. Dwar il-preżentata b'mod diġitali tal-atti tal-qorti, aħjar wieħed ma jitkellimx. Ma nistax ma nqabbilx is- sitwazzjoni f 'pajjiżna ma' dak li jiġri fl-Italja fejn l-atti kollha tal-qorti bilfors iridu jiġu ppreżentati diġitalment u ma tistax tmur f 'reġistru ta' xi qorti b'att fiżiku Il-problema tagħna hi li ċ-ċivil tant kemm hu konservattiv li spiss ma jutilizzax it-teknoloġija ġdida kif suppost imma jibqa' bil-prattiċi antiki ta' dari. M'għandix l-ispazju ħlief li nsemmi każ wieħed: f 'każ ta' manteniment, hemm regola li ma toħroġ mill-ebda liġi illi qabel ma tibda l-medjazzjoni (prattika oħra illi ftit tati riżultati sodisfaċenti), trid tippreżenta ċertifikat tat- twelid meta l-wild ma jkunx rikonoxxut mill-missier. Dan spiss jikkawża dewmien u dan meta l-uffiċjali tar-reġistru għandhom aċċess għal Common Data Base u jistgħu faċilment jaċċedu għal tali ċertifikat tat-twelid. In-nuqqas ta' sfruttament tat-teknoloġiji l-ġodda narawh ukoll f 'waħda mill-kawżi tad-dewmien fil-proċeduri ġudizzjarji, in-notifika tal-partijiet. Dan l-aħħar kelli bżonn nibgħat ittra ġudizzjarja lil ditta Taljana u qabbadt avukat f 'Katanja li miegħu nagħmel xi xogħol. Kiteb l-ittra u bagħatha elettronikament għax kull azjenda taljana għandha ndirizz elettroniku mogħti lilha mill-Kamra tal-Kummerċ tal-post. Assigurani illi l-ittra ser tasal immedjatament f 'Verona minkejja li bagħatha minn Katanja u fil-fatt, ma domniex ma kellna risposta. Hemm bżonn illi ndaħħlu sistema simili u naqtgħu l-ħafna notifiki fiżiċi lill-istess banek f 'mandati u kontro- mandati li għadhom isiru llum kif kienu jsiru fi żmien Sir Adrian Dingli. Hemm bżonn illi kulħadd ikollu l-indirizz diġitali tiegħu u l-atti jirċevihom b'dan il-mod. Bħalma llum prattikament kulħadd qiegħed fuq il- Facebook, l-istess jista' jirċievi l-atti ġudizzjarji mingħajr it-tbażwir tal-lum. Radikali ? Iva, hi radikali. U forsi tajjeb li wieħed jibda bl-operaturi ekonomiċi li għandhom numru tal-VAT imma 'l hemm irridu nersqu. Il-ġustizzja hu qasam importanti fejn kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed. Jinkombi l-ministru tal- ġustizzja attwali sabiex jikkoordina l-ħidma, l-ideat u l-enerġiji ta' individwi diversi sabiex jibqa' jsir it-titjib tant mixtieq f 'dan il-qasam. Sena Ġdida JOE ELLIS In-nuqqas ta' sfruttament tat-teknoloġiji l-ġodda narawh ukoll f 'waħda mill-kawżi tad-dewmien fil-proċeduri ġudizzjarji, in-notifika tal- partijiet

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 October 2017