Illum previous editions

illum 1 October 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/881843

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 01 ta' Ottubru 2017 22 Opinjoni P eppa Pig hija ħanżira ta' erba' snin. Titkellem tajjeb bl-Ingliż (għax hija Ingliża) u tħobb taqbeż fl-għadajjar kollha tjun. Ħuha, iżgħar minnha, jismu George. Peppa u George għandhom omm u missier … ħnieżer ukoll. Old Major, Napoleon, Snowball, Squealer, Minimus u Pinkeye wkoll huma ħnieżer. Tal-ewwel jispira rewwixta f 'razzett, bħalma Karl Marx ispira r-rivoluzzjoni komunista li proprju f 'dan ix-xahar tagħlaq mitt sena. Ir-rewwixta tal- ħnieżer, bl-għajnuna tal-annimali l-oħrajn, twassal għal rivoluzzjoni sħiħa: jitneħħa l-bidwi min-nofs u tibda t-tmexxija annimaleska, bir- riedni sodi sodi f 'idejn Napoleon u l-akkolti tiegħu. Sfortunatament, l-istess bħall-bniedem, il-ħanżir moħħu biex ikun ugwali għall- annimali l-oħrajn tar-razzett, anzi ugwali aktar minn sħabu l-bestji. Hemm ħnieżer li jtiru. Jingħad li l-alla Demeter kienet tħobb ħafna l-ħnieżer bħala l-annimal tas-sagrifiċċju u l-istess l-alla Afrodite. Il-ħanżir kien l-annimal li jagħti l-idea ta' abbundanza u fertilità u allura kien jitqies bħala annimal speċjali, anki jekk il-Lhud u l-Musulmani qisuh bħala annimal li jniġġes tant li t-tnejn jipprojbixxu li jittiekel. Kemm il-ktieb tal-Levitiku kif ukoll id-Dewterenomju jamru li l-ħanżir ma jittikilx għax għandu difrejh maqsumin, u l-Koran ukoll jinkludi l-ħanżir mal-lista tal-ħaram, dawk il-ħwejjeġ li l-bniedem mhux imħolli jikkonsma. Ara l-Insara, xorta oħra. Dawk jitħallew jieklu ħnieżer kemm iridu. Il-majjal, anzi, huwa laħam li jiġi kkunsmat ħafna, speċjalment (f 'ċerti nħawi) fil-festi speċjali tal- kalendarju Kristjan. F'Malta, pajjiż Nisrani pereċċellenza, il-ħanżir jittiekel bl-addoċċ, fil-forom kollha: perżut, murtadella, zalzett (imsajjar imma anki nej), mixwi, moqli … Tisma' b'ħafna li kultant żmien jagħmlu ħanżirata – ikla ġeneralment bejn grupp ta' ħbieb li fiha jinxtewa ħanżir sħiħ u kulħadd iqatta' u jiekol. Interessanti dan in-nom 'ħanżirata', għax mhux biss jindika li fil-platt se jkollok biċċa ħanżir (l-istess kif f 'fenkata jkollok fenek u forsi f 'lampukata jkollok il-lampuki) imma għax il-kelma nnifisha – ħanżirata – għandha konnotazzjonijiet ta' ikel bl-addoċċ, f 'porzjonijiet u ammonti kbar ħafna. Il-ħanżirata tagħti l-idea ta' ħniżrija: tiekol ħafna, tiekol kulma tara b'għajnejk, tesaġera f 'dak li tikkonsma. Fil-kultura tagħna, mela, il-ħanżir, anki jekk mhuwiex meqjus bħala annimal imniġġes, u anki jekk il-majjal huwa ikla kkunsmata regolarment bi preparazzjonijiet differenti, għandu – nasal ngħid miskin – marbutin miegħu kunċetti negattivi. Huwa l-annimal assoċjat mal-konsum żejjed li, ma rridux ninsew, fit-tradizzjoni Nisranija huwa wieħed mis-seba' dnubiet mejta. Jekk il-ħanżirata hija attività u okkażjoni sabiħa, il-ħniżrija mhijiex. U mill-ħniżrija joħroġ il- ħanżir – mhux dak l-annimal roża jew iswed jew griż jew kannella – imma l-bniedem li jesaġera fil-konsum. Fi kliem ieħor huwa possibbli, anzi possibbli ħafna li l-ħanżirata tkun attività mimlija ħniżrija, fejn il-ħnieżer m'humiex biss il-vittmi li jinxtwew biex jittieklu imma dawk li jieħdu ħsieb ix-xiwi għall-ikel: ħnieżer li jieklu l-ħnieżer. Il-lingwa tagħna tassew interessanti, speċjalment meta tittratta s-suġġett tal-ħnieżer u l-ħniżrija. Il-kelma 'ħniżrija' ma nużawhiex biss biex nindikaw ikel żejjed imma anki għall-ħmieġ u l-kruha. Min jaf, aħna u nitgħallmu nżommu l-lapes, kemm kienet tgħajjat magħna Miss Grima għax konna niktbu 'mħanżer'. Kienet tinsisti magħna li l-pitazz għandna nżommuh pulit u nadif; ma nagħmlux il-homework waqt li nieklu jew fuq il-mejda tal-ikel inkella ntebbgħuh bil-butir jew biz-zalza u l-pitazz nispiċċaw inħanżruh. U meta konna qegħdin nitgħallmu niktbu l-ittra elle, kienet tinsisti li l-elle nibdewha minn fuq għal isfel, mhux minn isfel għal fuq; u kull elle kellha tkun dritta dritta. Meta Miss Grima kienet tiftaħ xi pitazz u fil-folja kienet tara sensiela ta' ellijiet imxenglin jew mgħawġin, kienet terġa' tibda tgħajjat u tgħid kemm il-paġna kienet imħanżra. Ma nafx x'sar minnha Miss Grima. Jalla għadha tarmi s-saħħa u l-ġmiel li kienet issaħarna bih. Niftakar ċar, f 'wieħed minn dawk il-waranofsinharijiet meta kien isaħħab, l-arloġġ tal-knisja jdoqq it-tlieta u nindunaw li fadal tliet kwarti oħra biex nisparaw 'il barra, lil Miss Grima taqralna l-istorja ta' tliet ħnieżer li bnew dar kull wieħed. Ġie l-lupu u d-dar tal-ewwel ħanżir, mibnija bit-tiben, ġabha tħin u tat-tieni ħanżir, mibnija biz-zkuk, ġabha l-istess. Imma t-tielet ħanżir kien għaqli u bena d-dar bil-ġebel u l-lupu ma rnexxilux iwaqqagħha. Għax tassew, kif kienet tirrakkonta Miss Grima, hemm ħnieżer li jibnu bil-ġebel. Hemm ħnieżer li ħanżru kulma hawn bil-bini li bnew bil- ġebel. U hemm ħnieżer li tħanżru għax kielu kemm felħu mill-ispazju, u tiskanta, qatt ma għandhom biżżejjed – dejjem iridu aktar u aktar u aktar. U biex jieħdu dejjem aktar mingħajr ma jidhru li qegħdin jieħdu aktar, joħorġu bi stejjer ħelwin aktar minn ta' Peppa Pig, jew Old Major u Napoleon. Pereżempju: agħtuna aktar u nagħtuk lura ftit; jew, jekk tagħtuna ħafna ħafna rroddu lura naqra naqra. Jekk tħalluna ntellgħu aktar ġebel, lesti nagħtu xi ħaġa lil min ma jiflaħx u b'hekk nikkontribwixxu lis-soċjetà. Imma l-ewwel tridu tagħtuna biex inkunu nistgħu nagħtu. Qisu xi ħadd imur il-bank ipoġġi turrun ċekkijiet ħoxnin u karti tal- mitt ewro, waqt li oħrajn jisimgħu l-munita taħbat fil-qiegħ ta' żaqq il-karus, li balleċ, il-forma tiegħu hija ta' ħanżir. Ħnieżer IMMANUEL MIFSUD Mill-ħniżrija joħroġ il-ħanżir – mhux dak l-annimal roża jew iswed jew griż jew kannella – imma l-bniedem li jesaġera fil-konsum. Qisu xi ħadd imur il-bank ipoġġi turrun ċekkijiet ħoxnin u karti tal-mitt ewro, waqt li oħrajn jisimgħu l-munita taħbat fil-qiegħ ta' żaqq il-karus, li balleċ, il-forma tiegħu hija ta' ħanżir

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 October 2017