Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/887358
Il-Ħadd 15 ta' Ottubru 2017 | illum Opinjoni 17 K if kien mistenni, fid-diskors tal- baġit ta' nhar it- Tnejn, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li ntlaħqet il-mira ta' baġit ibbilanċjat, l-ewwel darba għal ħafna snin. Imma sadanittant id-defiċit ambjentali għadu hemm, moħbi bħas-soltu qalb in-numri. Il-baġit hu ġustament deskritt bħala għodda li biha "Inlestu għall-Futur". Imma xi drabi, mod partikolari fuq materji konnessi mal- ambjent, fid-diskors tal- baġit ma nsibux dak li hu meħtieġ li jsir. Jipposponi l-konsiderazzjoni ta' xi affarijiet, u jipproponi studji u konsultazzjonijiet fuq materji li ilhom ikunu diskussi s-snin. Dwar il-propjetajiet vojta l-Gvern jippreferi l-inċentivi milli t-taxxi għax jidhirlu li b'dawn iktar jista' jħajjar lil dak li jkun jiċċaqlaq. Allura qed joffri għotja ta' €25,000 biex ikunu rranġati propjetajiet mitluqa fil- qalba tal-lokalitajiet imma mbagħad ġustament jinsisti li dawn għadhom ikunu użati għal akkomodazzjoni soċjali għal tal-inqas għaxar snin. Fil-passat ġew offruti diversi inċentivi oħra biex iħajjar id-dħul mill-ġdid fis- suq ta' propjetajiet vojta jew mitluqa. Wara li ġew offruti dawn id-diversi inċentivi jagħmel sens ukoll li jkunu ikkunsidrati passi oħra. Għax min minkejja dan kollu xorta injora l-messaġġ ċar li l-pajjiż jeħtieġlu jindirizza l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-propjetà vojta jew abbandunata għandu jerfa' l-piż huwa wkoll permezz ta' taxxa fuq propjetajiet vojta. Fid-diskors tal-baġit ġie mħabbar titjib fis-sussidji li jgħinu lil min jikri propjetà residenzjali. Imma mbagħad ġie mħabbar posponiment ta' miżuri li jirregolaw il-kirjiet. Minflok ser ikun ippubblikat dokument konsultattiv (White Paper) li hu intenzjonat li jirregola s-suq mingħajr ma jikkontrolla l-kera. Fid-dawl tas-sitwazzjoni abnormali li nħolqot b'kirjiet m'għola s-sema, dan hu ġenn. Hu tajjeb li jkunu ċċarati l-obbligi tas-sidien u l-inkwilini. Imma dan messu sar żmien ilu, għax min jikkontesta dan fl-2017? Dan seta sar b'avviż legali mill-ewwel mingħajr il-ħtieġa ta' White Paper. Hu inkwetanti li tisma' Ministru tal-Finanzi soċjal- demokratiku jiddikjara li mhux dispost li jikkonsidra l-kontroll tal-kirjiet. Jeżistu modi kif jista' jkun assigurat li s-suq jaġixxi b'mod iktar ġust. Dan sar f 'diversi pajjiż oħra, u għadu jsir sal-lum il-ġurnata. Għax ir-regħba m'għandhiex nazzjonalità preferuta: tmur lil hinn mill-fruntieri. Li din il-possibiltà tkun injorata hu sinjal ħażin. Il-Ministru tal- Finanzi m'għandux jigglorifika s-suq talli dan qed joħloq problemi soċjali mhux żgħar. Is-suq għandu jkun immansat u mhux ikun inkoraġġit li jibqa' jaġixxi b'mod selvaġġ. Dan iġibni għat-trapsort u t-toroq. Fil-paġna 44 tad-diskors tal- baġit il-Ministru tal-finanzi jagħti messaġġ ċar meta jgħid li ħadd m'għandu jilludi ruħu li l-investiment f 'toroq aħjar ser isolvi l-problema (tal-konġestjoni) tat-traffiku. Fil-paġna ta' wara Edward Scicluna jindika li ma tantx hu kuntent bis-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa. Jilmenta li l-pajjiżi iktar żviluppati jinkoraġixxu l-mobilità attiva permezz tal-mixi, użu ta' roti, muturi u mezzi differenti ta' trasport pubbliku filwaqt li fl-istess ħin jiskoraġixxu l-użu tal-karozza privata. Imma mbagħad Edward Scicluna ma jgħaddix għall-konklużjoni loġika ta' dawn il-ħsibijiet li tfisser li l-proġetti ppjanati bħal dawk tal-flyovers tal-Marsa jew tal-mini taħt ir-roundabouts ta' Santa Luċija mħabbra mill- Ministru Ian Borg riċentment m'hemmx ħtieġa tagħhom. Dawn il-proġetti, bħal dak tal- Kappara li wasal lejn l-aħħar iservu biss biex iżidu l-karozzi fit-toroq. Dan ma jagħmilx sens. Il-politika tal-Gvern li permezz ta' mini u flyovers iżid il-kapaċità tat-toroq, għax ikunu jifilħu għal iktar karozzi, tindirizza l-problema fl-immedjat imma toħloq waħda ikbar għall-futur fil- qrib. Fil-prattika tipposponi l-problema b'numru żgħir ta' snin u tgħaddiha lil ta' warajna. Il-Gvern qiegħed jagħmel bħal dik il-persuna li għandha problema ta' piż żejjed li mingħaliha li tkun qed tindirizza l-problema tal-ħxuna billi tilbes ħwejjeġ ta' daqs ikbar, minflok ma tagħmel id-dieta! Din l-attitudi tikkanċella l-impatt pożittiv ta' miżuri oħra tajbin proposti fil-baġit bħal transport pubbliku b'xejn għal żgħażagħ bejn is-16 u l-20 sena, transport kollettiv b'xejn għall-iskejjel kollha, l-inċentivar ta' car-pooling, l-għotjiet li jħajru użu ikbar ta' roti, pedelecs u scooters kif ukoll l-inkoraġġiment biex jintużaw karozzi elettriċi. Dan kollu qed jikkontribwixxi għad-deficit ambjentali. U għadni ma għidt xejn fuq l-iżvilupp tal- art! Skont Cacopardo... Baġit bilanċjat u d-defiċit ambjentali Il-politika tal-Gvern li permezz ta' mini u flyovers iżżid il-kapaċità tat-toroq, għax ikunu jifilħu għal iktar karozzi, tindirizza l-problema fl-immedjat imma toħloq waħda ikbar għall-futur fil-qrib. Fil-prattika tipposponi l-problema b'numru żgħir ta' snin u tgħaddiha lil ta' warajna Hu inkwetanti li tisma' Ministru tal-Finanzi soċjal-demokratiku jiddikjara li mhux dispost li jikkonsidra l-kontroll tal-kirjiet CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com