Illum previous editions

illum 15 October 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/887358

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 15 ta' Ottubru 2017 Opinjoni 18 K ulħadd ra l-inċidenti li seħħew fil- Katalunja żewġt iħdud ilu. Il-gvern Katalan sejjaħ referendum sabiex il-poplu jiddeċiedi jridx l-independenza minn Spanja jew le. Il-gvern Spanjol qies dan il-vot bħala llegali u li jmur kontra l-Kostituzzjoni approvata fl-1978 minn 92% tal-votanti, inklużi dawk Katalani. Il-Katalunja huwa reġjun fil-grigal ta' Spanja b'populazzjoni ta' seba' miljuni u nofs u ekonomija b'saħħietha. Il-Katalonja hija akbar minn ħafna membri tal-U.E. bħas- Slovakkja, ir-Repubbliki Baltiċi, il-Lussemburgu, Malta u Ċipru. Għaldaqstant, ftit jiddubitaw illi l-Katalunja tista' tkun stat indipendenti li eventwalment isir membru tal-U.E. Il-kostituzzjoni Spanjola tipprovdi għall-Istatut tal- Awtonomija tal-Katalunja. Dan l-Istatut jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini tal- Katalunja, il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet politiċi tar-Reġjun Katalan u r-rapport tagħhom mal-kumplament ta' Spanja kif ukoll il-finanzjament tal-Gvern Katalan li huwa magħruf bħala l-Generalitat. Dan l-Istatut ġie approvat b'referendum fit-18 ta' Ġunju 2006 minflok l-Istatut tal-1979. Il-Partit Populari li dak iż-żmien kien fl-opposizzjoni ppreżenta rikors fil-Qorti Kostituzzjonali li erba' snin wara ddeċidiet dwar il-kostituzzjonalità ta' diversi artikli ta' dan l-Istatut. Il-Qorti Kostituzzjonali kitbet 14-il artiklu tal-Istatut mill-ġdid u interpretat 27 oħra. Dan l-iżvilupp qajjem għadab kbir fil-Katalunja u aktar minn miljun ruħ ħarġu jipprotestaw. Il-kriżi ekonomika spanjola kompliet tonfoħ fuq il-ġamar tan-nazzjonaliżmu Katalan sakemm in-nazzjonalisti akkwistaw maġġoranza żgħira fil-Parlament Reġjonali u setgħu jgħaddu, b'mod diskuttibli, il-liġi illi ffissat l-1 ta' Ottubru 2017 bħala jum tar-referendum tal-Indipendenza. Fuq talba tal-gvern spanjol, il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola ddikjarat dan ir-referendum illegali u l-forzi tal-ordni spanjola bdew jagħmlu minn kollox biex ixekklu l-vot ta' ħmistax ilu. B'hekk tela' s-siparju fuq l-inċidenti li rajna fis-salotti u fuq il-computer tagħna, inċidenti illi rrabjaw bosta minnha. Tajjeb illi wieħed igħid ukoll illi mid-dehra kien hemm manipulazzjoni qawwija ta' x'uħud minn dawn l-inċidenti. Bosta mill-filmati li ġew iċċirkulati kienu ta' dimostrazzjonijiet ta' snin ta' qabel bħal ta' dimostranti feruti fi strajk tal-minaturi ta' ħames snin ilu. Il-feriti gravi b'kollox kienu tnejn. Ma jfissierx illi l-gvern spanjol aġixxa korrettament u t-tort ta' li ġara kien kollu tal-gvern reġjunali. Imma tajjeb illi wieħed iżomm f 'moħħu kemm hi kumplessa l-istampa u kemm wieħed irid joqgħod attent qabel ma jippronunzja ruħu meta aħna ftit li xejn nafu dwar ir-retroxena tal-avvenimenti riċenti fil- Katalunja. Bosta kummentaturi Maltin użaw l-inċidenti fil-Katalunja sabiex jikkritikaw dak li huma qiesu bħala l-passività tal-U.E. Hekk, per eżempju, wieħed mill-ġurnalisti prominenti tal- mezzi tal-Partit Nazzjonalista, Frank Psaila kiteb dan li ġej fuq il-ħarġa tal-MaltaToday tal-Ħadd li għadda : "The Spanish government's violent effort to suppress the illegal Catalan independence vote on Sunday backfired. Suppressing referendums and election processes always does. Madrid's fascist reaction to the illegal referendum was met with a striking, 24 hours of silence from senior EU leaders, and then Brussels came out defending the Spanish government and Prime Minister Mariano Rajoy. Not a word of advice for how to defuse the tension from Brussels, save for the standard – 'do-as-I say-or- you're-in-trouble' warning to officials in Catalonia that they would find themselves expelled from the EU if they seceded from Spain. Brussels's tongue- tied approach risks being accused of hypocrisy given the EU's willingness in recent years to criticize eastern European countries over their internal disputes and their handling of civil unrest." Frank Psaila u oħrajn żbaljaw meta ħasbu illi l-U.E. kellha tintervjeni b'ruħha u ġisimha fi kwistjoni li hi essenzjalment waħda interna. Hemm l-istrutturi appositi sabiex jizguraw il-ħarsien tad-drittijiet tal- bniedem u kulħadd għandu rimedji adekwati. Dan m'hux in diskussjoni. Għaldaqstant, illi tiddeskrivi l-aġir tal-gvern spanjol, li hu mmexxi minn partit fl-istess familja tal-Partit Nazzjonalista, bħala faxxist huwa skorrett u eċċessivament emotiv. L-Ispanjoli daqu sew il-faxxiżmu u ħażin jew tajjeb, il- gvern spanjol, bl-appoġġ estern tas-Soċjalisti, ipprova jinforza s-saltna tad-dritt. Li naqas illi jsemmi Frank Psaila hu illi minħabba l-pressjoni ewropea, il-partiti Populari u Soċjalista qegħdin jitħadtu fuq riforma tal-Kostituzzjoni Spanjola sabiex jakkommodaw aktar l-aspirazzjonijiet katalani. Anke Raphael Vassallo ftit jiem qabel ma żammx lura mid-dosa ta' retorika anti-ewropeja fl- istess MaltaToday fl-artiklu bit- titlu "What happened to the E.U, anyway ? Wasn't it supposed to be a beacon of democracy and human rights ?" Wara ħafna analoġiji mas-sitwazzjoni fil-Kosovo, is-sur Vassallo lluminana b'dan ir-raġunament li jkolli nistqarr li ma stajtx insegwi : "Today, for instance, European Commissioner Jean-Claude Juncker tells us that the Catalonian referendum was 'illegal'. In so doing, he is merely adopting the verdict of the Spanish Constitutional Court – not to mention the official government line pushed by Spanish Prime Minister Mariano Rajoy (who, for fairly obvious reasons, has every interest in blocking the vote) – and making it the official position of the European Commission. But it is not, and cannot be, the last word on the matter. The Spanish Constitutional Court has no jurisdiction over Brussels; and besides, there are higher levels of justice where such issues can be pursued... namely, the UN's International Court of Justice (which had eventually ruled in favour of Kosovo, paving the way to formal international recognition of the breakaway republic in 2010)." Ir-raġunament ta' Vassallo illi ta' l-anqas ma jiddeskriviex ruħu bħala avukat minkejja l-argumentazzjoni psewdo-legali tiegħu jidher li hu illi l-U.E. għamlet ħażin illi mxiet mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali dwar il-Kosovo (għalkemm kienu l-Istati Membri illi rrikonoxxew il-Kosovo u ħamsa għadhom m'għamlux hekk) u qiegħda tagħmel ħażin illi timxi skond id-deċiżjoni tal- Qorti Kostituzzjonali Spanjola fil-kwistjoni katalana. Skond Vassallo, wieħed għandu jimxi m'hux skond id-dritt imma skond dak li jħarbex xi opinjonista taħt il-prinċipji ġeneriċi tad-demokrazija, libertà, drittijiet tal-bniedem, libertajiet ċivili eċċ. Għal Vassallo, dak li ġara fil-Katalunja hu l-abbandun totali ta' dawn il- prinċipji u l-U.E. tal-lum hi ferm differenti minn dik li vvutajna biex nidħlu fl-2003. U ma setax jevita t-tingiża finali tipikament ewroxettika dwar l-allegat defiċit demokratiku tal-U.E. illi skond hu m'għandhiex problema taċċetta deċiżjoni demokratika sakemm tkun ir-riżultat mixtieq. Jiddispjaċini ngħid illi tali raġunament huwa bbażat fuq assunzjonijiet żbaljati. F'editorjal li deher fil-paġna ta' quddiem tal-Corriere della Sera tal-Ħadd li għadda, l-ex prim ministru u kummissarju taljan, Mario Monti ndirizza l-kritika li bosta għamlu minħabba n-nuqqas ta' intervent ewropew. Monti qal illi kull darba li wieħed jistenna mill- U.E. dak li ma tistax tagħmel ikun qed iwitti t-triq għall- delusjonijiet u frustrazzjonijiet. Monti spjega illi t-Trattati jistabilixxu illi "l-Unjoni tirrispetta l-ugwaljanza tal- Istati Membri u l-identità nazzjonali tagħhom kif tinstab fl-istruttura fundamentali, politika u kostituzzjonali nkluż is-sistema ta' awtonomiji lokali u reġjonali. Tirrispetta fuq kollox l-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, b'mod partikolari l-funzjoni tas-salvagwardja tal-integrità territorjali, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali." Għaldaqstant, kompla jargumenta Monti, sakemm Madrid ma titlobx lill-U.E. biex timmedja bejnha u l-Katalonja, kwalunkwe inizjattiva tal-U.E. tkun kontra t-Trattati. Monti saqsa ukoll kif tista' l-U.E. tkun ekwidisttanti bejn membru tagħha u parti awtonoma tal-istess stat. Tali medjazzjoni jista' jagħmilha xi pajjiż estraneju bħall-Vatikan jew l-Iżvizzera. U mbagħad nissupponu illi l-U.E twettaq tali medjazzjoni : x'linja ser tadotta ? Dik ta' l-ex ministru tal-finanzi taljan, Giulio Tremonti illi jċanfar l-Ewropa illi m'għamlietx dak li messha għamlet u għamlet dak li ma messhiex għamlet jew ta' Donatella Di Cesare illi talbet l-intervent tal-U.E. favur l-aspirazzjonijiet tal-poplu katalan sabiex tiġi ssuperata l-finzjoni storika tal- Istat-Nazzjon ? Monti jkompli jsostni illi l-U.E. twieldet biex tiffavorixxi l-paċi li minkejja kollox, inżammet fost l-Istati Membri f 'dawn l-aħħar sittin sena fejn qabel il-gwerer kienu r-regola. Biex bosta pajjiżi saru membri, kellhom isolvu l-problemi li kellhom mal-ġirien tagħhom. Għalhekk, l-pajjiżi tal-ex-Jugoslavja jridu jidħlu kif diġa għamlet il-Kroazja u s-Slovenja. Monti semma ukoll il-każijiet fejn l-U.E. wetqet medjazzjoni bħal fl-Irlanda ta' Fuq. Kif ukoll il-medjazzjoni fir-rigward tal-Iran. Imma dejjem bl-aċċettazzjoni tal- pajjiżi interessati; qatt ma saret medjazzjoni bejn Stat Membru u parti minnu mingħajr talba għal dan l-għan mill-Istat Membru. L-istess Juncker nhar il- Ġimgħa esprima sentimenti simili f 'taħdita li ta lill-istudenti tal-Università ta' Lussemburgu. Juncker stqarr li jiddispjaċieh illi Spanja ma mxietx mal-parir li taha sabiex tikkalma l-kriżi fil-Katalonja imma stqarr illi kwalunkwe intervent tal-U.E. kien biss jikkawża "ħafna aktar kaos". Ħafna nies saqsew għaliex il-Kummissjoni ma nvolvietx ruħha fil-kwistjoni. Juncker qal illi fil-waqt illi l-Kummissjoni spiss timmedja bejn pajjiżi membri, il-Kummissjoni ma tistax timmedja meta s-sejħa tal-medjazzjoni tiġi min-naħa waħda, f 'dan il-każ, il-gvern katalan. Madankollu, Juncker wissa kontra d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni spanjola u wissa kontra l-frammentazzjoni tal-identitatijiet nazzjonali fl-Ewropa : "Ma nixtieqx illi fi ħmistax-il sena l-ewro jkun il- munita ta' mitt stat. Diġa diffiċli bi sbatax-il stat. B'ħafna aktar stati jkun impossibli." Dawk li qegħdin jikkritikaw lill-U.E. minħabba nuqqas ta' intervent fil-kriżi katalan qed jinsew illi l-U.E. m'hijiex super stat illi jista' jiddetta dak li jagħmlu l-istati membri tiegħu imma dak li tagħmel hu dejjem bil-kunsens ta' l-istess stati membri. Il-poteri kollha li għandha ngħatawlha f 'xi stadju jew ieħor mill-istess stati membri. U kif qed naraw bil-Brexit, tali delega tista' tiġi revokata. Nikkonkludi b'nota storika. Din m'hix l-ewwel darba illi l-Katalani ddikjaraw l-indipendenza tagħhom. Hekk għamlu fl-1934 u l-president tal-Generalitat, Lluís Companys i Jover spiċċa kkundannat tletin sena ħabs. Ġie meħlus mill- Front Nazzjonali wara r-rebħa elettorali tal-1936 immawara t-telfa repubblikana, eżilja ruħu fi Franza. Minħabba l-mard tat-tifel tiegħu, ma telaqx minn Franza wara l-invażjoni tedeska, spiċċa arrestat mill-Gestapo u estradit lejn Spanja fejn ġie kkundannat għall-mewt u ffuċilat. Ħadd ma jimmaġina l-istess xorti lis-suċċessur tiegħu, Puigdemont għax illum il-piena tal-mewt ġiet abolita. Imma rridu noqogħdu attenti illi ma nrewħux l-ġamar nazzjonalistiċi illi taw lok għat-traġedji tal- passat għax m'għandna l-ebda garanziji illi ma jseħħux mill- ġdid. L-U.E. ċertament m'hix perfetta imma l-kritika li ssirilha għandha tkun kostruttiva u bbażata fuq fatti objettivi u m'hux biex nirkbu l-karru populista illi jista' biss iwassalna għal xi rdum kif qed jiskopru l-ex-sinjuri kolonjali tagħna. ellisjoseph@gmail.com Il-Katalunja u l-U.E. JOE ELLIS

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 October 2017