Illum previous editions

illum 22 october 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/890545

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 22 ta' Ottubru 2017 Opinjoni 18 K if u minn fejn wieħed jaqbad jitkellem wara dak li ġara nhar it-Tnejn ? Ikolli ngħid li ma kontx sorpriż b'dak li ġara. Wieħed kien jistenna illi persuna bħal Daphne Caruana Galizia iIli kienet tikteb b'mod iebes fuq ħafna nies f 'xi ħin jew ieħor ser issofri l-konsegwenzi tal- pinna aċerbika tagħha. Kont ilni nistenna illi xi ħadd ser jipprova jeliminaha. Imma ċertament kont ixxukkjat. Sfortunatament qegħdin ngħixu f 'dinja illi minkejja l-proklami kollha dwar il- libertà tal-espressjoni, spiss min jeżerċita tali libertà jispiċċa taħt pressjonijiet kbar fosthom dawk ekonomiċi jew politiċi. U għaldaqstant ħafna huma dawk illi jippreferu illi joqogħdu pass lura, illi ma jxelfuhiex ma' tali interessi illi jiddependu fuqhom għal għixien tagħhom, illi ma jdardrux l-għajn illi jridu jixorbu minnha. Imma m'hux DCG illi ma kienet tagħmel kompromessi ma' ħadd. Matul il-karriera tagħha, dejjem uriet indipendenza assoluta f 'dak li kitbet, indipendenza illi swietilha qares matul is-snin. Ħadd m'għandu jinsa illi bdiet il- karriera tagħha mat-Times imma tkeċċiet wara li kellha xi tgħid ma' Guido DeMarco, li tiegħu kellha opinjoni baxxa. Bħalma kellha ta' Mintoff, ta' Muscat, ta' Delia u ta' bosta oħrajn. Imma wieħed irid jirrikonoxxi illi barra l-Ingliż stupend li kienet turi fil-kitba tagħha, DCG kellha intelliġenza analitika kbira u kienet tuża metodoloġija forensika fil-kitba tagħha. Ma kienetx tasal għall-konklużjonijiet tagħha bl-addoċċ imma wara analisi approfondita tal-informazzjoni għad- disposizzjoni tagħha. U matul is-snin saret il- konfessur favorit ta' bosta u bosta Maltin illi kienu jgħaddhulha nformazzjoni riservata li invarjibilment kienet tispiċċa fuq il-blog tagħha, blog illi sar il- medium l-aktar segwit fil- gzejjer maltin u dan m'hux bi ftit. Daphne kienet figura divisiva. U qatt ma ppretendiet li ma tkunx. L-impenn tagħha lejn il- verità kif kienet taraha u tinterpretaha hi kien tali illi ma kienx jikkontempla kompromessi. Għalija l-objettiv primarju tal- professjoni ġurnalistiku kien is-sejba tal-verità u t-tbaħrid ta' dak kollu li hu ħażin u negattiv fis-soċjetà maltija u anke lil hinn minnha. Biex tagħmel dan, spiss kienet ukoll tippubliċizza aspetti personali ta' ħajjet individwi illi l-ġurnali ordinarji joqogħdu lura milli jippublikaw. U dan kien aspett tal-blog tagħha illi fil-waqt illi kien jirrendiha populari mas-segwaċi tagħha kien jirrita lil dawk illi kienu jispiċċaw fil-mira tagħha. M'huwiex l-għan tiegħi illi nagħmel xi apprezzament komprensiv tal-ħajja u l-karriera ta' DCG. Hemm bosta oħrajn illi għamlu jew ser jagħmlu dan u li jafuha ferm aħjar milli kont nafha jien. Nixtieq minflok nagħmel ftit riflessjonijiet dwar it-tmiem traġiku tagħha u l-effett illi l-mewt tagħha ser ikollha fuq dan in-nazzjon ferm żgħir tagħna. Bħal kwalunkwe ħaġa oħra f 'pajjiżna, l-assassinju ta' DCG ġie u qiegħed jiġi politiċizzat. U dan hu verament ħażin għax dan l-assassinju tefa' l-pajjiż fi kriżi bla preċedent illi ser ikollha konsegwenzi enormi fuq pajjiżna. Kemm fuq il- pjan istituzzjonali kif ukoll fuq dak ekonomiku. Imma l-politiċi tagħna jidhru illi huma nkapaċi illi jingħaqdu anke f 'dan il-mument tant delikat għad-demokrazjija żagħżugħa tagħna. U min suppost huwa simbolu tal-għaqda nazzjonali kien terribilment assenti. Sewwa qal il-prim ministru fil-parlament illi din il-kriżi trid tagħżel lil kbar miż- żgħar. Hu kejl ġust li għandu jiġi applikat fil-konfront ta' kulħadd. Quddiem traġedja ta' din il-gravità wieħed kien fl- ewwel lok jistenna rispons istituzzjonali aktar robust. Madankollu, wieħed jieħu l-impressjoni illi bosta individwi m'hux dejjem issuperaw l-kritika illi l-mejta kienet tagħmel fil-konfront tagħhom u r-rispons tagħhom kien immewwet sew. Huwa minnu illi l-president Coleiro Preca ħarġet stqarrija malli ħarġet l-aħbar tal-qtil ta' DCG. Imma wieħed kien jistenna illi l-president kienet tikkanċella l-mawra statali tagħha fl-Ukrajina u terġa tiġi lura dritt Malta. Dan il-ġest kien jissenjala l-gravità ta' dak li ġara, li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu mexjin b'mod normali. Dan kien nuqqas serju tal-presidenza u r-raġuni li ngħatat hija fjakka għal aħħar. Il-fatt illi l-impenji presidenzjali kienu avżati minn qabel ma jfissierx illi ma setgħux jiġu kkanċellati in vista taċ-ċirkostanzi partikolari illi tnisslu. Wieħed l-anqas fehem għala l-president dehrilha illi għandha tindaħal fil-kwistjoni tal- kumpens li ser jingħata għall-informazzjoni għal min qatel lil DCG billi tagħmel pressjoni fuq il-familja tagħha sabiex tapprova dina l-proposta. Jidher illi l-president ma tafx x'inhuma l-parametri korretti tal-ħidma tagħha u tindaħal fejn ma jesagħhiex u tibqa' assenti fejn wieħed jistenna l-intervent attiv tagħha. Wieħed l-anqas jifhem għala mentri l-kumitat Pana tal-Parlament Ewropew żamm minuta silenzju, il- Parlament Malti m'għamielx l-istess qabel mal-Kap tal- Opposizzjoni, spiss fil-mira tal-istess DCG, issuġġerixxa illi jsir hekk nhar l-Erbgħa. Wieħed kien jistenna illi l-Ispeaker tal-Kamra, ieħor li spiss kien fil-mira ta' l-istess DCG, kien jieħu l-inizjattiva sabiex jikkommemora l-qtil tagħha. U dana m'hux biex jikkommemora lil DCG per se imma sabiex jafferma wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-bniedem ipproklamat kemm fil- Kostituzzjoni tagħna kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà tal-espressjoni. Prinċipju illi ilu jiġi mhedded imma illi nhar it-Tnejn ħa daqqa ferm mortali. Li wieħed jagħżel illi ma jitkelliemx fuq il-budget fil-Parlament imma minflok jitkellem dwar il-qtil ta' DCG kif għamlu kemm il-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni m'huwiex biżżejjed. Jekk il-Parlament Ewropew ser iżomm seduta plenarja sabiex tiddiskuti l-qagħda tas-saltna tad- dritt fil-pajjiż, kemm hemm aktar lok illi ssir diskussjoni approfondita ta' dan l-assassinju fil-Parlament Malti ? Jidher biċ-ċar illi r-rispons istituzzjonali s'issa kien ferm konfuż, forsi anke minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent li ninsabu fiha. Tassew illi huwa żmien fejn l-irġiel jintgħażlu mit- tfal. Id-diskors tal-Prim Ministru nhar l-Erbgħa fil-Parlament kien diskors illi ċertament indirizza ħafna mill-preokkupazzjonijiet tal- poplu imma jiena ma nħossx illi kien rassikuranti biżżejjed. Tassew illi huwa ferm kmieni illi wieħed jipotizza min kien wara l-qtil brutali ta' DCG. Imma l-fatt illi allegatament ntuża nofs kilo semtex, splussiv li qatt ma ntuża f 'Malta u li kien intuża fl- istess kwantità biex iwaqqa PAN AM 103 fuq Lockerbie ċertament jagħti lok għal tħassib ferm serju li l-Prim Ministru ftit li xejn għamel biex ixejjen. Għax bħalma ntuża dan l-isplussiv kontra DCG, setgħa jintuża kontra kwalunkwe persuna oħra, fil-politika, fil-ġudikatura, fil-korp tal-pulizija u fiċ- ċivil. U għaldaqstant huwa leġittimu illi wieħed isaqsi x'nuqqasijiet kien hemm fil-forzi tas-sigurtà tagħna, fil-pulizija u anke fis-servizz tas-Sigurtà. Li wieħed igħid li għandu fiduċja fil- korp tal-Pulizija m'huwiex biżżejjed : il-poplu ċertament m'huwiex daqshekk fiduċjuż. L-anqas m'hu ġustifikat illi tgħid illi kien hemm bosta bombi oħra u attakki fuq ġurnalisti. Attakk immirat u professjonali bħal dan żgur li qatt ma kellna, attakk li probabilment kien aktar soffistikat minn dawk li eliminaw lill-maġistrati Falcone u Borsellino. Għaldaqstant, barra diskussjoni approfondita fil-Parlament dwar l-istat tas-saltna tad-dritt u s-sigurtà tal-poplu, jeħtieġ illi ssir inkjesta amministrattiva minn persuna awtorevoli sabiex teżamina kienx hemm nuqqasijiet fis- servizzi tas-sigurtà tagħna, fil-protezzjoni li ngħatat lil DCG u fir-rispons ta' dawn l-istess forzi. Wieħed kien jistenna li mmedjatament tiġi sospiża ż-żona Schengen sabiex wieħed ikollu aktar kontroll fuq min hu ħiereġ minn pajjiżna imma dan ma sarx. Il-poplu ġie muri l-werqa tat-tin fil-forma tal-aħbar ta' intervent mill- FBI meta jidher illi l-FBI kienu ser ikunu f 'Malta fi kwalunkwe każ. L-għajnuna tal-FBI kellha tintalab mill- maġistrat inkwirenti jekk kien jinħass il-bżonn. Kif intalbet l-għajnuna ta' esperti olandiżi mingħajr wisq daqq ta' trombi. U m'hux użata f 'mossa propagandistika. L-assassinju ta' DCG ġie mqabbel ma' dak ta' Raymond Caruana u anke ma' ta' Karen Grech. Ma naħsiebx illi dawn huma paraguni wisq tajbin. Jekk xejn, l-assassinju ta' DCG juri kemm illum Malta m'għadhiex il-pajjiż fil-periferija tal-Ewropa kif konna fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. M'hux biss l-aħbar xterdet mad-dinja kollha, imma bosta ġurnali nfluwenti kkumentaw editorjalment dwar l-assassinju tagħha. U Malta ġiet ikkaratterizzata nvarjabilment bħala pajjiż b'kultura ta' mpunità, stat mafjuż fejn l-ekonomija hija mwieżna minn ħasil tal-flus u attività kriminali oħra. Malta ma setgħetx tieħu pubbliċità aktar negattiva milli ħadet din il-ġimgħa u l-pajjiż għandu sfida kbira biex jissupera l-perċezzjoni illi qiegħda dejjem tissaħħaħ fl-opinjoni pubblika dinjija ta' pajjiż li jopera 'l barra mil-legalità. Forsi ħadd m'għadu beda jħoss l-effetti ta' din il-pubbliċità negattiva imma tieħdux ħsieb għax ser inħossuha f 'xi ħin jew ieħor. Pajjiżna tilef l-innoċenza tiegħu nhar it-Tnejn u m'hux biss. Nagħlaq billi nirringrazzja lil Daphne illi matul ħajjietha dejjem issieltet għal-libertà u d-demokrazija u illi ħallset is-sagrifiċċju suprem għall- impenn tagħha għas-soċjetà. Il-memorja tagħha ser tibqa' fiha u f 'ħafna oħrajn għall- kumplament ta' ħajjietna. L-impenn tagħna hu illi s-sagrifiċċju tagħha ma jkunx għalxejn. Nirringrazzja ukoll lill-familja tagħha, lil żewġha Peter, lil uliedha, lill-ġenituri tagħha u lil oħtha. J'alla ssibu s-sabar f 'dan il-mument daqshekk traġiku. Il-poplu Malti ta' rieda tajba huwa magħkom. ellisjoseph@gmail.com Tmiem l-Innoċenza JOE ELLIS Bħal kwalunkwe ħaġa oħra f 'pajjiżna, l-assassinju ta' DCG ġie u qiegħed jiġi politiċizzat. U dan hu verament ħażin għax dan l-assassinju tefa' l-pajjiż fi kriżi bla preċedent illi ser ikollha konsegwenzi enormi fuq pajjiżna

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 october 2017