Illum previous editions

illum 12 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/899905

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 12 ta' Novembru 2017 22 Opinjoni W ara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, ħafna qegħdin jinnutaw li f 'Malta hawn ħafna mibegħda. Stenbħu. Stenbħu għax qatt ma naf lil Malta nieqsa mill-mibegħda ta' naħa kontra oħra. Imqar il-partitarji tal- futbol f 'Ta' Qali, ukoll għandhom innijiet mimlija bil-mibegħda għall-partitarji ta' faċċata. Il-kunċett 'tan-naħa l-oħra' huwa importanti ħafna meta niġu biex niddefinixxu lilna nfusna. Aktar milli poplu, id-definizzjoni tagħna tiddependi ħafna, jekk mhux ukoll totalment, fuq l-għadu tagħna, jew fuq dak li nqisu bħala għadu. Mingħajr għadu ninfixlu għax m'aħniex kapaċi nħarsu lejn il-mera u nagħrfu lilna nfusna jekk inkunu waħidna: għandna bżonn l-ieħor biex naraw min aħna. Matul dawn l-aħħar jiem il-mezzi soċjali bdew ifakkruna li aħna ngħixu billi nerdgħu l-mibegħda. Xi ħadd għajjar lin-nisa li marru jipprotestaw prostituti (imbagħad għamel apoloġija); xi ħadd ieħor ħa gost li s-semtex qatel lill-ġurnalista; kien hemm min saħansitra xtaq li tgħaddi karozza minn fuq dawk li marru jpoġġu bilqiegħda fl-art quddiem il-kwartieri ġenerali tal- pulizija. Huma individwi dawn u jafu jkunu każi sporadiċi, imma fir-realtà huma sentimenti ta' mibegħda li jiksbu appoġġ kbir mingħand ħafna. Min ħaseb li l-mewt se tgħaqqad lill-Maltin kellu żball kbir ħafna. U r-raġuni hija ovvja: is-sistema politika tagħna, dik li sawwarna tul is-snin, tiddependi minn kemm wieħed jobgħod lill-ieħor. Drajnieha l-mibegħda, tant li jekk ma nħossuhiex jew ma narawhiex inħossuna skomdi. Din mhijiex storja riċenti; jien ili nafha mindu twilidt. Anzi tmur ħafna aktar lura. Juann Mamo, aktarx l-aktar kittieb imqareb li kellna s'issa, spiss kien jikteb dwar il-ġlied u l-qasmiet politiċi fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor. Pereżempju din hija silta minn waħda min-novelli tiegħu miktuba fl-1932: "Sadanittant, donnu s-sema, din id-darba, flok xita, fetaħ bwiebu u beda jniżżel il-ġebel. Donnha splodiet minjiera fil-Ġermanja; donnhom qegħdin jisparaw il- fornelli fil-baċir; kantuni bdew neżlin mill-ajru. Battalja mill-kbar bla ultimatum!" Imma mhux biżżejjed li noqogħdu nħabbtu fuq sidirna, jew ngħoddsu fir-ramel, u noqogħdu nilmentaw minn din il-mibegħda. Dan huwa mod ta' għajxien li tahulna xi ħadd, li ma waqax mis-sema jiġifieri. Mal-mitt sena ilu, Mamo kien diġà intebaħ li xogħol il-partiti kien li jifirdu lin-nies u li bażikament joħolqu żewġ tribujiet li ma jinħamlux bejniethom. Paċenzja mitt sena ilu, imma llum, tlettax-il sena wara li ngħaqadna fl- Unjoni Ewropea, ftit nista' naċċetta dil-mentalità retrograda li bqajna nħaddnu. F'din il-gżira mhuwiex possibbli, jew aħjar mhuwiex permissibbli, li xxejjer il-bandiera l-bajda – mhux dik tan-newtralità, imma dik maħsula mill-kuluri. Ħadd mhu lest jaċċetta li tgħid li m'għandek minn ħadd, li ma tara ebda differenza bejn iż-żewġ kantunieri. Anzi, quddiem xi ħadd hekk se ssib kanuni kbar li jisparaw bl-addoċċ b'sentenzi bħal: "fejn kont meta…?" jew "kif ma tkellimtx meta …?" F'din il-gżira mqar l-assassinji jingħataw kulur. U dak li ġara wara l-isplużjoni tal-karozza f 'nofs l-għelieqi huwa traġiku daqs il-qtil innifsu; traġiku fuq livell wiesa', nazzjonali (jekk nista' nuża din il- kelma). Il-biċċa hi li min qal li n-nisa quddiem kastilja huma prostituti; u min qal li s-semtex m'hawnx għalih; jew min qal li jalla tgħaddi karozza tgħaffeġ fuq id-dimostranti kokka jew bilqiegħda fuq it-tarmak; jew min xeħet l-ajruplan tal-karti b'messaġġ ta' theddid, huma parti mill-istorja, parti mill-istorja ta' da nil-pajjiż. Fit-tgħajjir, fl-insinwazjonijiet, fix- xewqat kollhom viltà, fl-ajruplani tal- karti hemm l-istorja ta' gżira jisimha Malta, li m'għandha x'taqsam xejn ma' dik li webbluna biha fuq il-bankijiet tal-iskola huma u jaqrawlna l-poeżiji tal-Assedji. U allura tkun tixtieq tmur għand il- partiti u tgħidilhom: lil dak li għajjar lin-nisa qħab, għallmuh li mhux hekk imorru l-affarijiet. U lil min ħa gost bl-isplużjoni, għidulu li dik mhijiex il-filosofija tagħkom. U lil min ħolom b'karozza tgħaffeġ folla għallmuh li l-politika hija l-arti tal-kompromess bejn ideat kunfliġġenti. U fuq l-ajruplan tal-karti ikteb bil-kalma. Huma l-partiti li ħolqu l-mibegħda; huma huma li jridu jaqilgħu lill-pajjiż minn dan il-ħondoq kollu umdità u moffa. Imma min hu fil-poter jaqbillu jħalli lil ta' taħtu fl-injoranza. Ta' kull filgħodu, huwa u sejjer għax-xogħol fil-Ministeru tal-Verità, Winston Smith, l-antieroj tar-rumanz 1984 ta' George Orwell, jaqra s-slogans tal-Partit, fosthom "L-Injoranza hija Saħħa". Aktar ma nżommu lin-nies storduti, aktar jibqgħu ċwieċ u aktar inkomplu nikkontrollawhom. Mamo wkoll jikteb fuq hekk: jagħraf, fil-bidu tal-istorja politika moderna tagħna, li l-injoranza hija l-akbar ġerħa soċjali imma wkoll l-aktar fenomenu bżonjuż għal min għandu l-poter fuq il-ħsieb. Xi ħaġa tgħidli li kieku Mamo kellu jqum mill-mewt u jerġa' jikteb dak li kiteb, uħud minna kienu jikkundannawh bħala traditur u antiMalti. U l-oħrajn kienu jċapċpulu sakemm idoqq qanpiena li tgħodd għal widnejhom. Imbagħad kienu jarmuh. Mibegħda u injoranza IMMANUEL MIFSUD Imma min hu fil-poter jaqbillu jħalli lil ta' taħtu fl-injoranza. Ta' kull filgħodu, huwa u sejjer għax-xogħol fil-Ministeru tal-Verità, Winston Smith, l-antieroj tar-rumanz 1984 ta' George Orwell, jaqra s-slogans tal-Partit, fosthom "L-Injoranza hija Saħħa". F'din il-gżira mqar l-assassinji jingħataw kulur. U dak li ġara wara l-isplużjoni tal-karozza f 'nofs l-għelieqi huwa traġiku daqs il-qtil innifsu; traġiku fuq livell wiesa', nazzjonali (jekk nista' nuża din il- kelma).

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 November 2017