Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/906958
15 Il-Ħadd 26 ta' Novembru 2017 | illum Mill-Kapitali L-għadam tal-mejtin u l-arti fil-Belt Valletta DAWK li twieldu qabel it-Tieni Gwerra Dinjija jiftakruha. Oħrajn li jaraw ritratti tagħha jistkerhuha jew jibżgħu minnha! Sfortunatament illum din il-kappella unika għall-arti tagħha bl-għadam uman għad għandna biss partijiet mill-pedamenti tagħha. Il-Kappella ta' Nibbia, kif kienet magħrufa, kienet knisja żgħira fil-Belt Valletta ddedikata lill-Madonna tal-Ħniena. Kienet tinsab fil-parti t'isfel tal-Belt, ħdejn il-Forti Sant'Iermu, propju biswit is-Sagra Inferemerija (illum id-Dar tal-Mediterran) u l-Evans building. Filfatt fl-1583 kienet ittellgħet kappella flimkien ma' ċimiterju biswit il-bini tas-Sagra Infermerija u fl-1619 il-Kavallier Fra Giorgio Nibbia ħallas għall- bini ta' kappella oħra fil- viċin. Din kienet iddedikata lill-Madonna tal-Ħniena għalkemm kienet ukoll magħrufa bħala "Ta' Nibbia" u kienet isservi biex fiha jsir il-quddies għal ruħ dawk li jmutu fl-Infermerija. Meta fil-5 ta' Settembru 1730 din il-kappella kienet qiegħda tinħatt, infetaħ il-qabar tal- fundatur tagħha u nstab illi l-katavru tiegħu kien għadu mhux mimsus. Fl-1731 il- kappella nbniet mill-ġdid fuq disinn tal-arkitett magħruf għall-barokk, Romano Carapecchia u kien fiha żewġ artali. Fl-1776 iċ-ċimiterju tas-Sagra Infermerija mtela' u għalhekk ġie mnaddaf u l-għadam tqiegħed f 'ossarju. Fl-1852 il-Kappillan tal- Isptar, ir-Rev. Sacco ddeċieda li jżejjen il-kappella bl- għadam tal-mejtin li kien hemm midfuna fiċ-ċimiterju u minn dakinhar 'l hawn il-kappella saret magħrufa bħala l-"Kappella tal- Għadam". Kien hemm ukoll tradizzjoni b'saħħita li kienet tgħid li l-għadam li nġabar miċ-ċimiterju biex bih tkun iddekorata l-kappella ma kienx ta' dawk li mietu fis- Sagra Infermerija imma tas- suldati li tilfu ħajjithom fl- Assedju l-Kbir tal-1565. Din il-kappella ġġarrfet fl-aħħar gwerra f 'attakk bil-bombi mill-ajru nhar l-14 ta' Frar 1941 u mid-dehra l-għadam li kien fiha nġabar u ndifen f 'xi post ġewwa ċ-ċimiterju tal-Addolorata. Kif naraw mill-fdalijiet tal-bini, il-kappella kienet pjuttost żgħira. Kienet qisha kappella kwalunkwe iżda minflok l-ornamenti tas- soltu, il-ħitan tagħha kienu kollha miksija bl-għadam uman u wieħed seta' jagħraf sewwa l-partijiet tal- iskeletru; bħall-għadam tas- saqajn, il-qafas tas-sider, ir- ras eċċ. Kienu stivati b'mod pulit u artistiku tant li kienu jidhru sbieħ u partikolari ħafna. Il-Kappella tal-Għadam kellha forma ottagonali b'koppla fuqha. Il-faċċata kellha portiku kbir bil-bieb prinċipali li kien imżejjen b'żewġ pilastri doriċi kull naħa. Fuq il-bieb tal- kappella kien hemm plakka tal-irħam u fuqha fontispizju nofs tond miksur fin-nofs. Fil-parti ta' fuq tal-faċċata kien hemm tieqa tonda bejn numru ta' pilastri żgħar u skrolli u taħtha friz irqieq li jifridha mill-parti t'isfel. Il-faċċata kienet magħquda b'fontispizju ieħor trijangulari fin-naħa ta' fuq nett. Il-kappella kellha wkoll taħtha, kripta bil-ħnejjiet li kienet isservi ta' ossarju (post fejn jintrefgħu l-għadam tal-mejtin). Il- kripta kellha artal wieħed li fuqu kien hemm skrizzjoni bil-Latin dwar kemm hi qasira l-ħajja li ngħixu u stedina biex tingħad talba għas-suffraġju tal-mejtin. Jingħad li għalkemm il- kappella propja nqerdet għal kollox fl-attakk tal-1941, jista' jkun li l-kripta għadha eżistenti u għalkemm mirduma jista' jkun ukoll li għadha intatta. Jidher li n-nies ma kinux jiddejqu minnha għax min kien imur hemm kien ikollu devozzjoni kbira lejn l-erwieħ. Kien anki jitqaddes il-quddies fiha għalkemm ħafna min-nies kienu jispiċċaw barra minħabba ċkunitha. Bħala parti mid- devozzjoni, in-nisa li jżuruha kellhom użanza li jmorru lebsin l-iswed akkost li ma kienx ikollhom vistu. Huwa ddokumentat li xi drabi ġieli kien imur fiha wkoll San Ġorġ Preca biex jagħti konferenzi dwar is- suġġett favorit tiegħu – dak magħruf bħala tan-novissmi (il-mewt; il-ġudizzju; il- ġenna u l-infern). Hu kien iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu meditazzjoni dwar dawn is- suġġetti u naturalment kien isib l-ambjent tal-kappella addattat ferm għal-laqgħat tiegħu. Kien iħobb jgħid: "tafu li xi darba bħal dawn għad irridu nsiru, għadam. Għalhekk tajjeb li wieħed jgħix ħajja tajba għax il- ġisem jispiċċa u r-ruħ tmur tgawdi lil Alla jew tintilef fl-infern. " Jingħad li d-drawwa tal-użu tal-għadam, jew saħansitra ta' iġsma mumifikati biex bihom jiġu ddekorati l-knejjes, inbdiet mill-patrijiet Kapuċċini. Huma kienu jagħtu ħafna importanza lill-mewt tant li kienu jirreferu għaliha bħala 'oħthom'. Bejn l-1725 u l-1730 taħt il-knisja u l-kunvent tal- Patrijiet Franġiskani Minuri Kapuċċini l-Furjana, fuq idea ta' Patri Ġużepp Grech, tħaffret kripta sabiex tilqa' fiha l-membri ta' din l-Ordni u anki lil xi membri ta' familji nobbli. Il-kannierja kienet imżejna b'bosta niċeċ u fiha kienu jitqiegħdu l-iġsma mqaddgħa – użanza li x'aktarx inġiebet mingħand il-Kapuċċini ta' Palermo. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija din il-kripta wkoll sofriet bosta danni waqt attakk mill-ajru u kien biss wara diversi snin illi ġiet restawrata, għalkemm did- darba l-għadam tpoġġa ġo ossarju komuni. F'pajjiżi oħra fadal numru ta' postijiet bħal dawn li għadhom intatti sal-lum u fihom imorru għadd kbir ta' turisti. Waħda mill-aktar magħrufa hija l-kripta li tinsab maġenb il-Knisja ta' Santa Maria della Pace f 'Palermo. F'din il-kripta li tħaffret madwar 500 sena ilu, tpoġġew l-iġsma mmuffikati ta' bosta persuni li llum huma mqassmin f 'diversi kategoriji bħal: familji, xebbiet, trabi, kleru u uffiċċjali. Ħafna minnhom huma lebsin l-aħjar ilbies u jiġbdu ħafna l-għajn. Tletin sena wara l-gwerra, fis-snin sebgħin, dak li kien għad fadal mill-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam, twaqqa' u tħallew biss il- pedamenti li naraw illum. Fost il-fdalijiet eżistenti hemm anke is-sarkofagu li fih kien ġie midfun il-benefattur ewlieni tal- kappella, Fra Giorgio Nibbia. Sfortunatament f 'dawn l-aħħar ħamsin sena ma sar kważi xejn, u s-sit għadu fl- istat ta' abbandun li tħalla fih dak iż-żmien. Nieħu l-opportunità ta' dan l-artiklu, biex f 'isem dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja u l-patrimonju ta' pajjiżna, nappella lill-awtoritajiet biex bħala wieħed mil-legati dejjiema tal-Valletta 18, jimbarkaw fuq ir-restawr tal-fdalijiet tal-Kappella tal-Għadam u fuq l-iskavar u l-ftuħ mill-ġdid tal-kripta tal-għadam li għadha midfuna xi mkien fil- viċinanzi tistenna li terġa' tara d-dawl wara dawn is-snin kollha. Hekk inżidu monument ieħor uniku mat- teżori tal-patrimonju rikk tal-Belt Kapitali tagħna. Cliord Galea Il-Kappella tal-Għadam