Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/919367
20 Mediaspot illum | Il-Ħadd 24 ta' Diċembru 2017 S majna u qrajna b'numru kbir ta' nies jilmentaw li pakketti b'rigali li ordnaw minn fuq l-internet ġimgħat ilu baqgħu ma waslulhomx minħabba volum kbir ta' pustaġġ li aktarx kien umanament impossibbli li jitwassal fil-ħin. Ħasra. Tassew ħasra li dawn in-nies xtaqu jagħtu (jew jagħtu lilhom infushom) rigal speċjali, xtrawh minn fuq l-internet forsi biex ikun differenti minn dak li ssib fil-ħwienet hawn Malta jew, kif aktar huwa l-każ, għax orħos, u spiċċaw mingħajru. Jien wieħed minn dawn: ordnajt żewġ kotba li mhux faċli ssibhom, wieħed wasal u l-ieħor le. Ħasra wkoll li dawk in-nies li ħadmu bi lsienhom barra f 'dawn il-jiem meta jkun ħafna isbaħ toqgħod tixrob iċ-ċikkulata sħuna fis-salott int u tħalli għajnejk jitpeċpċu bid-dwal jintfew u jixegħlu, ma rnexxilhomx jagħtu s-servizz li xtaqu. Għax ngħiduha kif inhi, bnedmin aħna, u ħadd ma jieħu gost ifalli wisq inqas jiġi kkritikat fil-pubbliku għax naqas milli jżomm kelmtu. Volum kbir ta' traffiku: mhux biss ta' karozzi (dik hija, sfortunatament, l-istorja ta' kuljum), imma ta' pakketti, ta' ittri u kartolini, ta' nies li jtiru minn pajjiż għal ieħor jew biex jieħdu vaganza jew biex jirritornaw għal ftit jiem għand familthom. Dawn il-ġranet kienu u se jkunu ta' hekk. Fl-ajruporti tinduna min qiegħed jivjaġġa b'gost u min b'xogħol. Ġeneralment, dawn tal-aħħar tarahom iġorru l-laptop biex ma jitilfux minuta minn ħinhom, libsin il-ġlekk u l-ingravata (tad-ditta), biċ-ċellulari mwaħħal ma' widinthom mingħajr ma jaqta' xejn għajr forsi biex jiċċekkjaw it-titjira li jmiss hijiex se tittardja jew le. Imbagħad tarahom jidħlulek l-ewwel fuq l-ajruplan u, m'għandniex xi ngħidu, ipoġġu fuq quddiem, fejn tbiex tpoġġi trid tħallas it-tripplu tal-postijiet ta' 'hemm wara'. Hemm dawk mimlijin ħeġġa għall-vaganza, jiġbdu r-ritratti mqar tal-monitor li juri l-ħin tat-titjira. Il-vaganza tibda appuntu fl-ajruport. U dawk li se jirritornaw lejn darhom, bi tbissima daqsiex, jibagħtu l-aħħar messaġġi – 'Narak dalwaqt'. Meta tqis l-iskariġġ, l-ajruport jibqa' post maġiku minkejja l-ħafna perikli li hemm assoċjati miegħu. Jien wieħed minn dawk li għalkemm nuża l-ajruporti ta' spiss, l-ajruplani jbeżżgħuni u allura nħallu d-diskors dwar il-perikli fil-ġenb. Bnedmin aħna: min jibża' mid-dlam, min jibża' mill-wirdien, min mill-ajru (u min minn kollox). Jibqa' post maġiku mhux biss għax huwa l-post imnejn se titlaq lejn post ieħor, imma minħabba r-ritwali li, irridu jew ma rridux, nagħmlu meta nużawh. It-taxi li tiġi għalik biex twasslek lejh, sakemm m'għandekx min jieħdok bil-karozza tiegħu; il-biljett u l-passaport; it-tluq għal riħha tal-bagalja; is- sigurtà li forsi tinħass żejda iżda meħtieġa; imbagħad… il-ħwienet li forsi jistgħu jixtru mingħandhom biss dawk li jpoġġu fin-naħa ta' quddiem imma xorta tieqaf tħares; l-irkejjen fejn tieħu kafè bl- istess togħma tas-soltu bi prezz doppju; il-ħars lejn fliexken tal-fwejjaħ u spirti; il-grosos kull kulur u disinn tas-sigaretti u l-vetrini tas-sigarri; il-ġojjelli u l-handbags li jiswew aktar mill-bagoll li ġarrejt u b'dak li hemm fih… L-ajruporti, li bħal daż-żmien tas-sena jkollhom maġija akbar minn tas-soltu. Hemm ukoll dawk li ma jaslux lejn l-ajruporti, aktarx lanqas lejn id-dar ta' familthom. Forsi forsi jaslu lejn xi sala tal- kappillan, lejn xi rifuġju soċjali, biex għallinqas bħal-lum ma jkunux waħidhom. Bnedmin aħna: introverti kemm nistgħu nkunu introverti hemm qalb tħabbat u għajnejn li faċli jinkisru. Hemm il-ħtieġa ta' xi ħadd ieħor, lejn min tħares, lil min tkellem, lil min tisma', lil min tħobb. Bħal-lum eżatt sbatax-il sena ilu, meta s-sema kien diġà beda jdallam, il-kuluri tal-bozoz diġà bdew jgħajtu u bdew ħirġin l-ilbiesi sbieħ u l-fwejjaħ, kont ħiereġ mal-familja tiegħi miċ- ċimiterju tal-Addolorata wara li dfinna 'l ommna. Diffiċli tniżżilha l-ironija u diffiċli tinsa. Kull sena nġedded il-memorja u persważ li hekk jagħmlu ħuti. Persważ li hekk jagħmlu dawk kollha li tilfu l-għeżież tagħhom proprju f 'dawn il-jiem. U allura, jekk tippermettuli, nixtieq ngħaddi kelma ta' sabar lil dawk li dan il-Milied se jgħadduh fin-niket tat-telfa, fil-ħasda tat- telfa, fil-biki. Diffiċli temmen imma mill-esperjenza nista' ngħid li ż-żmien tassew isabbar. Bnedmin aħna, inweġġgħu meta nitilfu. Kuraġġ u sabar. Ninnota li dan huwa l-aħħar paragrafu li qed nikteb għal din is-sena. Hemm uħud li jaqraw dan l-artiklu ta' kull ħmistax u ġieli jgħaddu xi kumment. Hemm drabi meta l-kumment jagħti gost, oħrajn meta joqros u, appuntu, għax bnedmin aħna, ġieli tieħu gost tapprezza, ġieli tiddejjaq jew tirrabja b'li tara. Fuq kollox, iżda, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li jaqrawni u anki lill-Editur tal- gazzetta Illum. Nittama li nkomplu niltaqgħu s-sena d-dieħla. Bnedmin aħna Hemm dawk mimlijin ħeġġa għall- vaganza, jiġbdu r-ritratti mqar tal-monitor li juri l-ħin tat-titjira. Il-vaganza tibda appuntu f l- ajruport. U dawk li se jirritornaw lejn darhom, bi tbissima daqsiex, jibagħtu l-aħħar messaġġi – 'Narak dalwaqt'. IMMANUEL MIFSUD Nixtieq ngħaddi kelma ta' sabar lil dawk li dan il-Milied se jgħadduh fin-niket tat-telfa, fil-ħasda tat- telfa, fil-biki. Diffiċli temmen imma mill-esperjenza nista' ngħid li ż-żmien tassew isabbar. Bnedmin aħna, inweġġgħu meta nitilfu. Kuraġġ u sabar.