Illum previous editions

illum 24 December 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/919367

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

illum | Il-Ħadd 24 ta' Diċembru 2017 Intervista 12 'Hawn min imur jilgħab id-dar tiegħu Albert Gauci Cunningham agcunningham@mediatoday.com.mt I l-logħob tal-azzard. Min xi ftit fuq ir-roulette u min imur jilgħab logħba karti. Bejn lotterija u bejn xi ftit ta' flus fuq logħba futbol jew inkella xi żiemel jew saħansitra fuq il-partit li taħseb li se jirbaħ l-elezzjoni. Imma kemm hu perikoluż il-logħob tal-azzard? U kemm huwa faċli li persuna tiġi vvizzjata mil-logħob? Ta' sikwit, meta nsemmu vizzji, l-ewwel f 'moħħna jiġu s-sigaretti, ix-xorb, id-droga u l-logħob tal- azzard. Fil-fatt, dan tal-aħħar, minkejja li hemm ħafna illi jarawh bħala xi ħaġa biss soċjali u xejn gravi jista' jkollu konsegwenzi serjissimi, mhux biss fuq il-persuna imma wkoll fuq il-familja u l-ħbieb ta' madwaru. Kif fil-fatt tgħid lil din il-gazzetta Priscilla Muscat, il-mara li għadha kif ingħatat l-inkarigu li tmexxi l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, ir-Responsible Gaming Foundation (RGF). Minkejja li għadha ġdida fil-kariga, Muscat hija ferm esperjenzata f 'dak li jirrigwarda l-effetti devastanti li jista' jkollu l-logħob fuq il-ħajja ta' bniedem jekk jintilef il-kontroll. Fil-fatt, malli tibda l-intervista, Muscat tgħid illi hija kienet taħdem l-Isptar Mater Dei ma' persuni li kien ikollhom ordni ta' trattament, meta l-vizzju jkun rikeb u kkontrolla l-ħajja tal-pazjent. Jiġifieri Muscat qed tgħid li hawn nies li jkollhom jieħdu kura l-isptar jew saħansitra kura psikjatrika minħabba l-problema tal-logħob? "Hemm diversi tipi u livelli ta' logħob tal-azzard. Jiena ġejja minn sfond u qasam ta' xogħol illi fih ngħinu lil min ikollu problema serja. Naturalment, dan ma jfissirx li kull min jilgħab għandu problema serja," tibda tispjega Muscat lill- ILLUM. "Hemm min jilgħab f 'okkażjoni, bħala divertita, fil-fatt l-aħħar ċifri juru illi 56% tal-Maltin xi darba jew oħra, lagħbu l-flus. Minn dawn iżda huma minn 1% sa 2% biss li għandhom problema serja ta' vizzju li qed jirkibhom." Muscat tiċċara illi b'logħob qed tirreferi għal kull tip; jekk hux logħob fil-Każinò, logħob onlajn, lotteriji u kull tip ta' logħob ieħor li jinvolvi l-flus. Il-problema; soċjali, imma wkoll bijoloġika Din il-gazzetta tistaqsi x'inhu dak li jagħti pjaċir lill-persuna vvizzjata, tant li tkun trid tilgħab? Huwa l-istess 'pjaċir' li tkun qed tfittex persuna li tieħu drogi, bħall-eroina jew il-kokaina, pereżempju? "Hemm ħafna aspetti. L-ewwel nett hemm l-aspett bijoloġiku. Hemm persuni li jkollhom defiċjenza fis-Serotonin," tgħid Muscat. Serotonin hija dik il-kimika fil-ġisem uman li bosta riċerkaturi jgħidu li tikkontrolla l-bilanċ fil- burdata, u allura nuqqas tagħha tista' twassal għal dipressjoni. Muscat tgħid illi n-nuqqas bijoloġiku ta' din il-kimika tista' twassal biex persuni jfittxu xi ħaġa li tbiddlilhom il-burdata u li tagħtihom dak l-eċitament li jkollhom bżonn. Tispjega kif hemm kimika oħra, Norepinephrine, li tkun nieqsa jew li jkun hemm defiċjenza fiha f 'dawk li jkunu qed ifittxu vizzju. Din il-kimika tipproduċi ormoni u tikkontrolla wkoll sitwazzjonijiet partikolari li jkunu jeħtieġu deċiżjonijiet iffukati. "Naturalment għandek ukoll l-aspett soċjali, jiġifieri l-vjolenza, l-inkwiet fil-familja, l-istress u r-riperkussjonijiet finanzjarji u dak kolli li jiġi magħhom." Inwaqqafha hemmhekk, konxju li erġajt ġejt għall-angolu soċjali iktar tard, u nistaqsi lil Priscilla Muscat jekk il-vizzju tal-logħob f 'każi estremi hux aċċidentali jew inkella kienx dan il-vizzju partikolari li l-vittma kellha bżonn biex tħossha aħjar. Tibda twieġeb billi tfakkar illi, "apparti problema ta' logħob ħafna minn dawk li jkunu f 'qagħda gravi fil-fatt ikollhom ukoll problema ta' teħid ta sustanzi jew ta alkoħoliżmu, allura l-kura tkun aktar kumplessa." Muscat tispjega kif kuntrarjament għal bosta li jilagħbu għall-gost, min ikun ivvizzjat għal-logħob ħafna drabi lanqas biss jaħseb b'mod raġunat dwar fejn se jitfa' l-flus, l-aktar jekk ikun xorob jew uża sustnazi. "Ħafna jiddeċiedu fuq dak li jħossu. Iħossu li se jirbħu u jilagħbu l-flus fuq tim, mingħajr ma jkunu attenti lejn kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħal min hu fil-fatt l-aħjar tim." Imma dan huwa ċirku vizzjuż? Jiġifieri min huwa vvizzjat, huwa hekk minħabba li ra lil xi ħadd fil- familja? Muscat bejn taqbel u bejn le. "Hemm riskju akbar meta jkollok min jilgħab fil-familja. Imma mhux neċessarjament kull min ikun jilgħab ħafna, għax ikun ra lil xi ħadd ieħor fil-familja." Imma x'inhuma l-kriterji li jiddeċiedu kemm is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll jew le? "Hemm ħafna kriterji, għalkemm huwa diffiċli li tikkalkula. Eżempju, ma tistax tikkalkula biss skont kemm persuna tilgħab, għax tista' tkun qed tilgħab b'mod strutturat. Ikun hemm problema meta dik il-persuna titlef il-kontroll, meta persuna tammetti li tilfet il- kontroll fuq impuls naturali biex tilgħab, meta dik l-istess persuna tibda tilgħab ammonti kbar ta' flus ikkumparat ma' kemm taqla'." "Jeżistu nies li jonfqu kollox, li jmorru jissellfu, għax ikunu tkissru. Anke l-ammont ta' ħin li persuna tqatta' tilgħab huwa indikattiv. Għandek min imur jilgħab fi tmiem il-ġimgħa, imma mbagħad għandek min iqatta' sigħat fuq sigħat jilgħab. Jiġu 'high' ma' rebħa waħda u jibqgħu għaddejjin jilagħbu. Xi kultant anke waqt il-ħin tax-xogħol, persuna tispiċċa tilgħab... L-intervista, f 'dan il-punt, iddur fuq l-effetti tal-logħob meta dan ikun vizzju serju. Filwaqt li Muscat tinsisti dwar il-fatt li mhux kull min jilgħab għandu problema, tgħid ukoll illi l-effetti jistgħu jkunu devastanti. "Meta persuna tkun tilfet il-kontroll ikollok problemi fiż-żwieġ, problema serja ta' fiduċja għax jibda jaqa' s-suspett fuq il- parti l-oħra fir-relazzjoni li din qed tilgħab il-flus. Imbagħad tibda tiżdied it-tensjoni fid-dar u tiżdied il-vjolenza domestika. Dan biex ma nsemmux l-istress u l-biża' hekk kif jibdew jiġru wara l-vittma dawk li jsellfu bl-użura." Dak li qed tgħid Muscat huwa serju. Nwaqqafha u neħodha lura. Nistaqsiha biex telabora aktar fuq il-punt tal-użura. 'Hawn min imur jilgħab id-dar jew il-karozza' Muscat tgħid li bosta jispiċċaw fl-użura għax ikunu nqabbdu f 'ċirku vizzjuż, li għal dawk li qatt ma lagħbu mhu xejn jekk mhux sitwazzjoni tal-biża'. "Il- problema hija li hemm nies li jilagħbu ammonti kbar ħafna u ma jindunawx li fil-fatt jistgħu jitilfu. Imbagħad meta jitilfuhom il-flus, jerġgħu jilagħbu bi flus li jkunu ssellfu għax iħossuhom ċerti li issa se jirbħu, minflok jerġgħu jitilfu u lil min sellifhom ma jkunux jistgħu jħallsuh," tispjega Muscat. "Hawn min ġieli poġġa ċ-ċavetta tad-dar għal-logħob, iċ-ċavetta tkun tissimbolizza d-dar, jiġifieri jilagħbu darhom. Jew inkella vann tax- xogħol ta' kumpanija li jkollhom. Hawn min, għax ikollu l-flus jilgħab €10,000." Min jilgħab ftit u min ħafna. Min jikkontrolla u min jispiċċa kkontrollat. Min jaħseb li m'għandux problema u min tant iħoss li għandu problema kbira li kellu jintrabat b'sistema li ma jkunx jista' jilgħab. L-ILLUM tintervista lill- General Manager tar-Responsible Gaming Foundation Priscilla Muscat... 56% tal-Maltin xi darba jew oħra, lagħbu l-us. Minn dawn iżda huma minn 1% sa 2% biss li għandhom problema serja ta' vizzju li qed jirkibhom problemi ż-żwieġ, problema serja ta' duċja għax jibda jaqa' s-suspett fuq il-parti l-oħra r-relazzjoni li din qed tilgħab il-us. Imbagħad tibda tiżdied it-tensjoni d-dar u tiżdied il- vjolenza domestika " " " "

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 24 December 2017