Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/919367
illum | Il-Ħadd 24 ta' Diċembru 2017 Opinjoni 18 D an hu żmien tas- sena fejn qajla wieħed ikun jaf fuqxiex se jaqbad jikteb. Huwa żmien fejn donnu kulħadd ikun irid jagħlaq kapitlu ieħor ta' ħajtu qabel ma jiftaħ wieħed ġdid. Fejn kulħadd jagħmel pawsa ta' riflessjoni ta' dak li għadda minnu matul is-sena li għaddiet qabel ma jerġa jaqbad il-ġirja sfrenata tal-ħajja fis-sena l-ġdida. Hu żmien ta' rendikonti ta' kull tip, fuq livell personali, professjonali jew azjendali skond il-qagħda ta' dak li jkun. U dak li jgħodd għall-individwu jgħodd għall-pajjiż ukoll. Hu żmien fejn il-bniedem pjuttost ifittex is-serenità u l-mistrieħ u jżomm 'il bogħod mill-inkwiet. U forsi għalhekk ċertu aħbarijiet jiżżerżqu baxx baxx f 'dan iż-żmien tas-sena jew fl-eqqel ta' Awwissu. Mhux għax ma jkunx hemm fuq xix wieħed jikteb għax it-temi u l-kontroversji ma jonqsu qatt. Imma bla ma jridx wieħed iħoss li għandu jżomm lura. Għaldaqstant niskuża ruħi mal-qarrejja jekk il-kitba tiegħi ma tirriflettix l-ispirtu ta' dawn iż-żminijiet. Din il-ġimgħa kellna l-aħbar xejn mistennija tal-bejgħ ta' Vitals Global Healthcare lill- kumpanija Amerikana, Steward Health Care. Dan il-bejgħ iqanqal ħafna mistoqsijiet dwar id-'due diligence' li suppost sar meta din il-kumpanija ta' sidien misterjużi, bl-ebda esperjenza ta' xejn fil-qasam tas-saħħa ngħatat konċessjoni sabiex tmexxi tlett sptarijiet f 'Malta u Għawdex. Din il-konċessjoni għadna sal-lum l-anqas nafu eżatt għal kemm hi. Għaliex għalkemm suppost li hija għal 30 sena, intqal li tal-anqas fil-każ tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-konċessjonarju għandu d-dritt li jestendi l-konċessjoni b'69 sena oħra. Dan mhu xejn ħlief riflessjoni tal-ħabi illi hemm madwar din il-konċessjoni. Sar ħafna ftaħir li dan il-pass kien se jirrappreżenta qabża fil-kwalità tas-servizz ta' kura fl-isptarijiet milquta. Suppost Vitals kellhom jagħmlu investiment kapitali ta' €220 miljun fl-isptarijiet li ħadu f 'idejhom. Wieħed irid ifakkar x'kienet ir-raġuni li ngħatat għal din il-privatizzazzjoni ta' parti tas-settur mediku f 'pajjiżna, permezz ta' dan il-pass, il-Gvern kien se jiffranka li jkollu jagħmel din l-ispiża kapitali. U sabiex jiffranka spiża kapitali modesta fi żmien meta l-imgħaxijiet huma baxxi daqs qatt qabel, il-Gvern intrabat b'konċessjoni illi huwa kkalkulat li għandha tirrendi lil Vitals minimu ta' €70 miljun fis-sena. Wieħed ma tantx jara l-għaqal ta' din id-deċiżjoni. Mhux għax hu kontra l-involviment tas-settur privat fil-qasam mediku imma hawn mudelli oħra li l-Gvern seta' jesplora. Meta f 'Malta għandek bosta sptarijiet privati u servizz mediku ta' eċċellenza anke fl-isptarijiet pubbliċi, wieħed ma tantx jara l-ħtieġa li jirrikorri għall-operatur barrani sabiex imexxi l-isptarijiet tagħna. Imma minkejja t-twissijiet ta' bosta, inkluż tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, illi dawn it-tip ta' esperimenti fis-saħħa pubblika ħallew riżultati xejn sbieħ fis-settur tas- saħħa pubblika tar-Renju Unit, il-Gvern baqa' għaddej. F'April tal-2015, ħarġet sejħa għall-espressjoni ta' interess għat-tmexxija ta' tliet sptarijiet minn Projects Malta, entità prattikament ġdida li kienet taqa' taħt il-Ministru Konrad Mizzi. Wieħed l-anqas jifhem għaliex tali sejħa għall-espressjoni ta' interess ma sarietx mid-Direttur tal- Kuntratti illi jrid jopera fi ħdan regoli definiti biex jassiguraw it-trasparenza. Taħt Project Malta, it-trasparenza kienet trasparentement nieqsa. It- Times irrapurtat fit-28 ta' Mejju tal-2017 li f 'preżentazzjoni li ġġib id-data ta' Frar tal-2015 illi ngħatat lill-banek Maltin, Vitals irreferiet għal 'memorandum of understanding' li kellha mal- Gvern Malti sabiex tmexxi tlett sptarijiet għal 99 sena. Skond it-Times, fil-preżentazzjoni ingħataw dettalji speċifiċi dwar x'jinvolvi l-proġett, in-numru ta' sodod, il-ħlasijiet min-naħa tal- Gvern u t-tul tal-konċessjoni. Dan kollu tliet xhur qabel ma' ħarġet is-sejħa għall- espressjoni ta' interess. Vitals ġiet uffiċjalment magħżula f 'Settembru tal-2015 imma sal-lum, għadna ma nafux min hemm wara s-sidien ta' Vitals, il-kumpanija ta' Singapor, Oxley Capital. Tassew affarijiet li qatt ma rajna bħalhom f 'dal-pajjiż li jkomplu jqanqlu dubji dwar il-proċess ta' aġġudikazzjoni u d-'due diligence' li suppost saret. Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li ċ-ċens tal-art tal-isptarijiet m'ngħatax wara riżoluzzjoni fil-Parlament kif is-soltu jsir. Minflok f 'mossa ta' legalità ferm dubjuża, din l-art ġiet trasferita lill-Malta Industrial Parks li mbagħad tat iċ-ċens temporanju lil Vitals. Insomma, l-isptarijiet tqisu bħal fabbriki sabiex jiġi evitat li tgħaddi riżoluzzjoni fil-Parlament. Fil-każ tal-Isptar ta' Għawdex, dan ingħata lil Vitals mingħajr ebda konsultazzjoni mal-poplu Għawdxi jew ir-rappreżentanti eletti tiegħu. Meta tela' l-Gvern Laburista, ir-responsabbilità għall-Isptar ta' Għawdex tneħħiet minn taħt il-Ministeru ta' Għawdex, li ma kienx involut fin-negozjati ma' Vitals. U biex tgħaqqad il-ftehim qatt ma ġie diskuss fil-Parlament. Ħadd ma jlumek jekk tħossok tgħix f 'kolonja meta tara l-unika sptar tal-gżira jingħata lil kumpanija misterjuża ħabta u sabta mingħajr konsultazzjoni ta' xejn. Ir-realtà kienet ferm differenti minn dik li pinġew il-Gvern u Vitals. Minkejja l-isem bombastiku tagħha, il-kapital ta' Vitals Global Healthcare kull ma kien ta' € 1,200, il-minimu meħtieġ sabiex wieħed iwaqqaf kumpanija. Kif wieħed jista' jmexxi tlett sptarjiet b'kapital daqshekk baxx?, dan jista' jfisser ħaġa waħda biss: li s-sidien misterjużi ta' Vitals la ħarġu flus minn tagħhom u l-anqas irnexxielhom jakkwistaw finanzjament sabiex iwettqu l-investiment kapitali li ntrabtu illi jagħmlu. Kieku l-banek aċċettaw li jiffinanzjaw lil Vitals, l-ewwel ħaġa illi kienu jitolbuhom kien li jgħollu l-kapital tagħhom. Imma dan ma sarx u hu tassew assurd illi kumpanija li tmexxi tlett sptarijiet f 'Malta għandha kapital li l-anqas hu biżżejjed biex tixtri karozza 'second hand' suret in-nies. Fil-fatt ilhom jiġru xniegħat dwar problemi finanzjarji li Vitals għandha. Intqal illi l-proġett sabiex Vitals jibni skola medika għal Barts f 'Għawdex waqa' ferm lura minħabba nuqqas ta' fondi u bosta kuntratturi gergru jew anke waqfu jaħdmu minħabba nuqqas ta' ħlas. Din ukoll storja inkredibbli: il-Gvern intrabat li jipprovdi skola medika lil Barts bla ħlas ta' xejn. Ma nafx kemm dan kien possibbli taħt ir-regoli tal-għajnuna tal-istat imma hekk għamel. Minflok ma qabad u ħareġ sejħa għall- offerti u bnieha hu stess, ta lil Vitals konċessjoni biex jibni din l-iskola fuq art pubblika sabiex imbagħad Vitals jikriha lura lill-Gvern għal €1.2 miljun fis-sena. Tassew ma jifthemux dawn l-affarijiet u biex tgħaxxaq, Vitals waqgħu ma nafx kemm il-sena lura sabiex ilestu din il-binja modesta. Sabiex Barts setgħu jiftħu din is-sena, wara dewmien ta' sena, kellhom jieħdu l-laboratorji ġodda tas-Sixth Form f 'Għawdex. Għax studenti barranin li qed iħallsu €35,000 fis-sena għandhom jingħataw priorità fuq l-istudenti Għawdxin li spiċċaw ikollhom jużaw il-laboratorju tal-iskola sekondarja. Wara anqas minn sentejn għaddejja fuq il-flus li kien igħaddilha l-Gvern, u hawn qed nitkellmu fuq miljuni kbar, is- sidien ta' Vitals qabdu u biegħu lill-grupp mediku Amerikan, Steward Health Care. U anke hawnhekk wieħed irid isaqsi x'kien ir-rwol tal-Gvern f 'dan it-trasferiment. Normalment, il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks ikunu jridu japprovaw it-trasferiment tal-ishma. Dan il-proċess sar bil-għaqal jew le?, Chris Fearne ħareġ igħid li dan l-involviment ta' Steward Health Care hu 'the real thing'. Mela Vitals x'kienet speċjalment meta wieħed jiftakar kemm Fearne dejjem saħaq illi hu kellu x'jaqsam fin-negozjati magħha fejn jirrigwarda l-aspett mediku?. Issa se jkollna operatur mediku Amerikan b'kultura totalment differenti min dik illi rrenjat fis-settur mediku pubbliku Malti s'issa. Steward Health Care ġiet deskritta bħala operatur ta' servizzi mediċi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi. M'hemmx dubju li s-settur mediku pubbliku Malti għandu bżonn metodi ta' tmexxija ġodda u aktar razzjonali, imma l-mistoqsija dejjem se tibqa' għaliex il- Gvern ma wettaqx ir-riformi hu mingħajr ma jipprivatizza dawn l-isptarijiet b'detriment sostanzjali għall-erarju pubbliku. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jidher illi din il-privatizzazzjoni ma sarietx bil-galbu u l-effetti negattivi tagħha għad irridu narawhom fil-futur. Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd. ellisjoseph@gmail.com Kif ma kellhomx isiru l-affarijiet JOE ELLIS