Illum previous editions

illum 7 January 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/922847

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 07 ta' Jannar 2018 Opinjoni 18 L -Istrina ma ġabet xejn ħlief faħam fuq Donald Trump. Meta l-ġurnal Ingliż The Guardian ippubblika l-ewwel siltiet tal-ktieb tal-ġurnalista Amerikan Michael Wolff dwar il- presidenza ta' Trump, Fire and Fury: Inside the Trump White House, ir-reazzjoni kienet waħda sensazzjonali. Mhux għax verament kien hemm lok li wieħed iħossu skandalizzat. Kull min osserva t-tellieqa ta' Trump, l-ewwel għan-nomina Repubblikana imbagħad għall-Presidenza, ma tantx jista' jgħid li hu skantat b'dak li ġie żvelat minn Wolff. Min segwa din l-ewwel sena tal-Presidenza Trump ma setgħax ħlief iqarras wiċċu bil-mod erratiku u provokattiv li bih qed jaġixxi l-President Amerikan. Biżżejjed wieħed iħares lejn it-'tweets' li Trump spiss jibgħat ġieli fil-5 ta' filgħodu. Din il-ġimgħa bdiet bi Trump jikteb 'tweet' li xi ħadd mill-poplu mġewwaħ tal-Korea ta' Fuq għandu jfakkar lill-Kap tagħhom illi hu għandu buttuna nukleari akbar minn tiegħu u li taħdem. Dan wara li d-dittatur tal- Korea ta' Fuq qal fid-diskors tiegħu ta' tmiem is-sena illi hu għandu l-buttuna nukleari fuq l-iskrivanija tiegħu. Wieħed ma jistax jiddeskrivi din ħlief reazzjoni provokattiva li ma tagħmilx ġieħ lill-Presidenza Amerikana. Kważi kważi wieħed jissimpatizza mal- Koreani meta jiddeskrivu lil Trump bħala miġnun. Din il-ġimgħa imbagħad spiċċat bi Trump jikteb 'tweet' kmieni s-Sibt filgħodu illi min issuġġerixxa li hu mhuwiex mentalment kapaċi biex ikun president qed isegwi "the old Ronald Reagan playbook". Din ir-referenza għal Reagan hi ferm interessanti għaliex Reagan, li wkoll laħaq president ta' aktar minn sebgħin sena nstab li kellu l-alzheimer's ħames snin wara li spiċċa minn President. Sal-lum, għadu diskuttibbli jekk diġà kienx isofri mis-sintomi tal-marda meta kien għadu President, speċjalment minħabba kemm kien jinsa. "Attwalment," żied igħid il-President Trump, "matul ħajti, l-akbar żewġ assi tiegħi huma l-istabbilità mentali tiegħi u li nkun, veru intelliġenti." Fil-fatt, skond Trump hu "jikkwalifika mhux bħala intelliġenti imma bħala ġenju… u bħala ġenju veru stabbli jekk niġu għal hekk!" Ma tridx tkun xi psikjatra biex tinduna li l-personalità ta' Trump hi immatura għall-aħħar. Min hu verament f 'sikktu minn moħħu ma jiktibx 'tweets' filgħodu li hu "ġenju veru u stabbli". Skont in-nies ta' madwar Trump li tkellmu ma' Wolff, Trump qisu tifel li jrid jiġi l-ħin kollu kkuntentat u li faċilment jiġi pprovokat. Wolff ikkonkluda wkoll mill-intervisti li wettaq li l-Ministri u l-kollaboraturi ta' Trump jikkunsidrawh bħala njorant u idjota u li lkoll jikkunsidrawh bħala nkapaċi li jaqdi l-funzjonijiet presidenzjali tiegħu. Interessanti wkoll dak li qal Wolff li Trump u l-kampanja tiegħu qatt ma stennew illi se jirbħu l-Presidenza. It-tir ta' Trump kien li jgħolli l-profil tiegħu u jsir personalità televiżiva wara l-elezzjoni: fil-fatt, lejn l-aħħar tal-kampanja kienu bdew jiġru xniegħat li Trump kien se jwaqqaf stazzjon tat-televiżjoni. Wolff kiteb li fil-lejla tal- elezzjoni, wiċċ Trump kien qisu ta' ħares meta deher ċar illi kien se jirbaħ il- Presidenza u Melania Trump bkiet u d-dmugħ tagħha ma kienx ta' ferħ. Meta wieħed jara dak li ntqal f 'dan il-ktieb ta' Wolff, joħroġ biċ-ċar ritratt kaotiku tal-amministrazzjoni ta' Trump, bi ġlied kbir bejn esponenti differenti u bi President semi-illitterat li ma jaqrax u ma jridx ikun jaf xejn. L-uniku sors ta' informazzjoni ta' Trump huwa t-televiżjoni u speċjalment l-istazzjon favorit tiegħu Fox News. Il-fundatur ta' Fox News, Roger Ailes kien wieħed mill-akbar sostenituri ta' Trump meta ħareġ għan- nomina Repubblikana. U anke l-propjetarju ta' Fox News, Rupert Murdoch huwa qrib ferm ta' Trump minkejja illi skont dan il-ktieb, darba waħda wara telefonata, Murdoch iddeskriva lil Trump bħala "f**king idiot". L-ewwel ħaġa li mid-dehra Trump għamel meta daħal fil-White House kien li ordna żewġ settijiet tat-televiżjoni oħra fil-kamra tas-sodda tiegħu. Trump, skond Wolff, spiss jispiċċa waħdu fil-kamra tas-sodda tiegħu fis-6.30 ta' filgħaxija quddiem dawn is-settijiet tat-televiżjoni u joqgħod jiekol cheeseburger. Imbagħad iċempel lil ħbiebu biex joqgħod ipaċpaċ magħhom u ħafna minn dawn il-konversazzjonijiet jispiċċaw fid-dominju pubbliku. Skond dan il-ktieb, Trump jibża' ferm li jiġi avvelenat. Għalhekk jippreferi li jiekol cheeseburger tal- McDonalds peress li l-ikel ikun ippreparat minn qabel u ħadd ma jkun jaf minn qabel illi Trump se jordna cheeseburger. Wolff jirrakkonta ukoll illi Trump u martu Melania jorqdu fi kmamar tas-sodda differenti, l-ewwel darba li ġara hekk minn żmien Kennedy 'l hawn. Trump ried illi l-kamra tas-sodda tiegħu tkun imsakkra imma s-servizzi sigrieti ma ħallewhx. Imma għaddiet ta' Trump li s-sodda tiegħu ma jmissilu ħadd u jekk irid li jinbidlu l-lożor, ineħħieħom hu. Barra minn hekk, Trump ma jridx illi l-qaddejja jiġbrulu l-qomos mill-art għax jekk ikunu fl-art, ifisser illi jridhom fl-art. Dawn id-dettalji juru kemm Wolff tassew kellu aċċess għall-West Wing tal-White House. Michael Wolff m'għandux fama ta' ġurnalist ta' integrità: l-aktar li kien magħruf s'issa kien bħala biografu ta' Rupert Murdoch, biografija li ma niżlitlux wisq tajjeb lil Murdoch. Imma issa m'hemmx dubju li ismu se jibqa' marbut ma' din il-biografija mhux awtorizzata ta' Trump u r-rendikont li ta tal-ewwel xhur tal-presidenza tiegħu. Biex kiteb dan il-ktieb, Wolff kien pjuttost ħażin: lagħabha illi hu simpatetiku lejn Trump u kien anke jikkritika ġurnalisti oħra li ma kienux iħarsu daqshekk sabiħ lejn il-President. B'hekk akkwista aċċess għal Trump kemm qabel ma sar president kif ukoll wara, tant li kważi qatta' sena bilqegħda fuq siġġu fil-West Wing fejn intervista bosta u bosta nies u mid-dehra anke kellu intervista mal-istess Trump minkejja li Donald ċaħad. Minkejja t-terremot li qam wara l-ewwel rivelazzjonijiet dwar dan il-ktieb u ċ-ċaħdiet li ħarġu mill-White House, ftit li xejn jidher li Wolff żelaq fin-nixef. Kien biss Tony Blair illi ċaħad li huwa kien qal lil Jared Kushner, ir-raġel ta' bint Trump Ivanka, li s-servizzi sigrieti Ingliżi kienu spjunaw fuq il-kampanja ta' Trump u possibilment fuqu wkoll. Ilhom jiġru xnigħat li l-amministrazzjoni Obama talbet pjaċir mingħand l-Ingliżi sabiex jispjunaw fuq il-kampanja ta' Trump, imma dawn qatt ma ġew ikkonfermati. Kien hemm ċaħdiet oħrajn, imma ġeneralment dak li qal Wolff ma ġiex miċħud. Dan jgħodd speċjalment għal dak li qal Steve Bannon li sa ftit xhur ilu kien l-istrateġist prinċipali ta' Trump u kien ukoll l-aħħar 'chairman' tal-kampanja presidenzjali tiegħu. Bannon kien iddefinixxa aktar minn ħaddieħor il-profil nazzjonalista u 'anti- establishment' tal-kampanja ta' Trump. Bannon imexxi organizzazzjoni tal- lemin, Breibart News, li hija ferm influwenti fl- ambjent tal-lemin. Wara li tkeċċa minn Trump xi xhur ilu, Bannon kien qiegħed imexxi rewwixta kontra l-'establishment' Repubblikan u speċjalment, is-Senate Majority Leader Mitch McConnell, liema rewwixta soffriet telfa spettakolari fl-elezzjoni speċjali tas-senatur ta' Alabama, li ntrebħet mid- Demokratiċi. Bannon qal illi l-laqgħa li t-tifel ta' Trump kellu ma' avukata Russa fi Trump Tower fejn intqal li r-Russi kellhom l-ħmieġ fuq Clinton kien "tradiment" u "mhux patrijottika". Bannon hu mija fil-mija ċert li din il-laqgħa ma setgħetx issir mingħajr ma Trump kien jaf biha, ħaġa li Trump ċaħad. Bannon stqarr ukoll li teżisti possibbiltà ta' terz li Trump jispiċċa l-mandat tiegħu minħabba l-inkompetenza tad-Demokratiċi, terz li jitneħħa skond il-25 emenda meta l-Viċi President u l-Kabinett jiddeċiedu li 'l-President m'għadux kapaċi jmexxi' u terz li jitneħħa mill-Kungress permezz tal- proċedura ta' 'impeachment'. Bannon qal ukoll li jidher ċar daqs il-kristall li l-investigazzjoni tal- Prosekutur Speċjali Robert Mueller se tagħti lok għall-akkużi ta' ħasil ta' flus fil-konfront ta' Jared Kushner u s-self li ħa mingħand id-Deutsche Bank, liema akkużi jistgħu jwasslu ukoll għal Trump, li ukoll għandu ħafna self minn dan il-bank. Biex il- qagħda ta' Trump tkompli teħżien, in-New York Times irrapurtat din il-ġimgħa li Trump u l-kollaboraturi tiegħu għamlu pressjoni qawwija fuq l-Avukat Ġenerali Jeff Sessions biex ma jwaqqafx lilu nnifsu mill-investigazzjoni fuq l-indħil Russu fil-kampanja Presidenzjali. Dan jista' jagħti lok li Mueller ikompli jsaħħaħ il-każ li possibilment qed jibni kontra Trump ta' jxekkel il- ġustizzja. Intant, qegħda dejjem tinxtered l-idea li Trump jista' jkun mentalment inkapaċi biex iwettaq id-dmirijiet presidenzjali tiegħu. S'issa ma jidhirx illi r-Repubblikani li jikkontrollaw iż-żewġt ikmamar tal-Kungress se jmexxu kontra Trump, imma xejn ma jista' jiġi eskluż fis-sena li ġejja. L-amministrazzjoni Trump hija taħt assedju u l-possibbiltà li Trump jiżloq fix-xhur li ġejjin mhix żgħira. Trump ma jidhirx illi għandu l-karattru u l-intelliġenza biex jissupera l-periklu li jinsab fih u jinsab dejjem aktar iżolat. Presidenza straordinarja jista' tassew ikollha tmiem tassew spettakolari. 'Watch this space' kif iħobbu jgħidu fuq in-naħa l-oħra tal- Atlantiku. ellisjoseph@gmail.com Nar u rabja fil-White House JOE ELLIS Intant, qegħda dejjem tinxtered l-idea li Trump jista' jkun mentalment inkapaċi biex iwettaq id-dmirijiet presidenzjali tiegħu

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 January 2018