Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/926406
illum | Il-Ħadd 14 ta' Jannar 2018 20 Opinjoni I l-ħolqien tal-ġid li fost oħrajn ġab miegħu influss qawwi ta' persuni barranin jaħdmu f 'pajjiżna, ħoloq sitwazzjoni għalkollox ġdida u li wasslitna biex inħarsu b'mod innovattiv lejn l-akkomodazzjoni u s-suq tal-kera. Sa mil-leġislatura l-oħra l-Gvern poġġa l-investiment barrani fuq nett tal-aġenda tiegħu u kien dan li wassal biex setturi importanti bħall-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-farmaċewtika u l-gaming, jikbru esponenzjalment biex illum iħaddmu l-eluf. Ma' dawn kibret l-industrija turistika, bl-ammont ta' turisti f 'Malta jkompli jikber sena fuq oħra. L-influss ta' barranin f 'Malta beda mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Għall-bidu l-aktar li konna nilqgħu fostna kienu jkunu dawk il-persuni fi triqithom lejn l-Ewropa mill- Afrika. Bdejna nilqgħu wkoll ħaddiema minn madwar l-Ewropa li kienu jfittxu l-aktar impjiegi elementari. Għad li n-numru ta' migranti li jidħlu fil-pajjiż b'modi rregolari naqas ħafna fl-aħħar ftit snin, dan xorta għadu fattur li jħalli impatt fuq ir- riżorsi li joffri l-pajjiż. Figuri uffiċjali jindikaw li madwar 77% tal-Maltin huma sidien ta' darhom. Il-bilanċ li s'issa dejjem irrenja fis-suq tal-proprjetà u l-akkomodazzjoni kien l-aktar dovut għal dan il- fatt. Kien dan l-istess fatt li wassal biex il-politika ta' amministrazzjonijiet differenti dejjem rat li aktar u aktar familji jsiru sidien ta' darhom u qajla ħarset lejn swieq oħra, bħall-kirjiet. Is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u t-tibdil fil-popolazzjoni Maltija, jirrikjedu li s-suq tal-kera, li mill-2011 'l hawn nistmaw li rdoppja fid-daqs, jingħata prijorità. Aħna nemmnu li r-responsabbilità li jipprovdi għal min hu vulnerabbli hija tal-gvern u mhux tas-settur privat. Għalhekk bdejna minnufih bi proġett wiesa' li jinvolvi l-bini ta' mijiet ta' djar tal-akkomodazzjoni soċjali. Aħna ma nħarsux lejn l-akkomodazzjoni soċjali biss bħala kenn għal dawk li għandhom diffikultajiet finanzjarji, imma fiha naraw ukoll sens ta' assigurazzjoni li s-suq tal-proprjetà f 'Malta jesa' lill-faxex soċjo- ekonomiċi kollha. Madanakollu jkun imqarraq min jaħseb li bil-bini tal-units tal-akkomodazzjoni soċjali nkunu fdejna l-problema li għandna quddiemna. Bil- pass tat-tkabbir ekonomiku u bir-rata li biha qed tiżdied id-domanda anke permezz tal-ħolqien ta' impjiegi ġodda, ikun inġenwu li nistennew sa ma l-provvista tlaħħaq mad- domanda biex il-prezzijiet tal-kera jistabilizzaw. Hawn fejn tidħol il-White Paper li qed titfassal bħalissa u li permezz tagħha għall- ewwel darba l-Gvern se jkun studja bir-reqqa s-suq tal-kera f 'pajjiżna u kif dan jolqot elementi differenti tal-abitanti f 'Malta. Il-Gvern għandu l-intenzjoni li jirregola s-suq tal-kera. Għall-kuntrarju ta' min jassoċja r-regolazzjoni tas-suq ma' interventi tal-passat, dan il-Gvern jemmen fis-suq liberu. Mhux il-ħsieb tagħna li nimponu l-prezzijiet iżda lanqas irridu li nħallu s-suq isuq billi niftħu l-bibien għal min irid jabbuża. Il-kampanja ta' biża' mir- regolazzjoni tas-suq tal-kera li għaddejja minn xi bnadi xotta ħafna minn argumenti sodi. Ir-referenzi li spiss qed isiru għal deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti tad-Drtittijiet tal-Bniedem kontra l-istat Malti qed jinqalgħu mill- kuntest u jintużaw barra minn lokhom. Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem qatt ma ħadet pożizzjoni kontra regolazzjoni tas-suq, sakemm din tħalli lis-sidien jagħmlu profitti li jirriflettu l-valur tal-proprjetà tagħhom. Bl-istess mod din il-Qorti qatt ma waqqfet regolamenti fuq is-suq tal- kera sakemm dawn ma kinux jagħtu protezzjoni eċċessiva lill-inkwilini. Aħna nemmnu bis-sħiħ f 'suq miftuħ li jħares il- ħtiġijiet differenti tas-soċjetà. Aħna naħsbu li żidiet kbar fil-kera minn xahar għal xahar ma jagħmlu ġid lil ħadd – kemm jekk l-inkwilini huma familji Maltin bi dħul baxx, kemm jekk huma studenti Għawdxin, kemm jekk huma ġenituri weħidhom u anke jekk huma barranin bi dħul tajjeb. Fl-aħħar xhur iltqajna ma' ħafna esperti, nies li jaqilgħu x'jieklu mis-settur u oħrajn li jafu s-saqaf ta' fuq rashom lis-suq tal-kera f 'Malta. Tista' tgħid li kulħadd jaqbel li s-suq lokali jeħtieġ aktar trasparenza fil-prezzijiet u fit-transazzjonijiet bejn is-sidien u l-inkwilini. Kulħadd jaqbel li neħtieġu regolamentazzjoni ċara dwar ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin. Kulħadd jaqbel li għandna bżonn insibu modi aktar effiċjenti biex naqtgħu proċeduri li jkarkru żżejjed fuq tilwim normali f 'suq bħal dan. Nemmnu li b'hekk biss nistgħu noħolqu suq li jkun ġust u li jkun ta' benefiċċju kemm għas-sidien u kemm għall-inkwilini. Ir-riforma li qed inħejju mhix sempliċi miżura soċjali. Hija riforma li filwaqt li tfittex li tifdi pjaga soċjali, tara li tippermetti li l-pajjiż ikompli jattira l-investiment u l-aqwa talent. Fost it-tibdil li tinsab għaddejja minnu s-soċjetà Maltija, il-viżjoni tagħna hija ċara li nagħmlu s-suq tal-kera alternattiva ta' akkomodazzjoni viabbli li tħares id-drittijiet tal-inkwilini u li tilħaq l-aspettattivi kummerċjali tas-sidien. Roderick Galdes huwa Segretarju Parlamentari għall- Akkomodazzjoni Soċjali Lejn suq tal-kera stabbli 'Aħna nemmnu li r-responsabbiltà li jipprovdi għal min hu vulnerabbli hija tal-gvern u mhux tas-settur privat' 'Mhux il-ħsieb tagħna li nimponu l-prezzijiet iżda lanqas irridu li nħallu s-suq isuq billi niftħu l-bibien għal min irid jabbuża' RODERICK GALDES