Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/926406
11 Il-Ħadd 14 ta' Jannar 2018 | illum Aħbarijiet Josette: mara tad-dar b'missjoni Tliet xhur wara l-mewt ta' binha Jerome, Josette Frendo waqqfet inizjattiva biex tgħin toħloq tbissima fejn m'hemmx. L-ILLUM tkellem lil din l-omm dwar 'Smiling with Jerome' Minn Albert Gauci Cunningham KIEN ftit qabel nofsinhar xħin wasalt Ħ'Attard id-dar ta' Josette Frendo, omm Jerome Frendo li ħalla din id- dinja fl-età ta' 20 sena. Id-dar hija familjari għalija hekk kif kelli l-privileġġ li nkun fiha meta Jerome kien ħaj u kont intervistajtu bħala ġurnalist, sa dak iż-żmien mal- Union Print. Din id-darba iżda kien hemm differenza. Jerome ma kienx hemmhekk. Ma kienx preżenti, fiżikament. Kien preżenti imma żgur fl-ispirtu mhux biss għax dak kollu li hemm f 'dik id-dar jorbot ħafna mal- ġuvni li kien jgħix fiha imma wkoll għax f 'kull kamra jħares lejn Josette, Kenneth u Jethro hemm Jerome b'dik it-tbissima tiegħu. Qisu mhux hemm, imma fl-istess ħin hemm. Mhux preżenti u preżenti fl-istess ħin. Npoġġu bilqiegħda fil-kċina tal- familja Frendo u nibdew intervista qasira mhux biss dwar l-imrar li kellha tiffaċċja din l-omm quddiemi, li bla dubju qed iġġorr salib tqil, imma wkoll dwar id-determinazzjoni tagħha u tal- familja tagħha li l-legat ta' Jerome jgħix f 'dawk kollha li bħalissa għaddejjin minn mument diffiċli, speċjalment jekk imtaqqlin bl-għuda tal-kanċer. "Kien żmien diffiċli u għadu żmien diffiċli għalina, it-telfa ta' Jerome mhi se tgħaddi qatt. It-telfa hija iebsa," tgħid Frendo. Niftakar li meta kont intervistajt lil Jerome sentejn ilu, kien għad hemm tama li l-affarijiet jistgħu jitjiebu jew jaqilbu għall-aħjar, iżda Josette ma taqbilx. "Fil-bidu, sa ċertu punt, kien hemm tama li l-affarijiet setgħu forsi marru għall-aħjar imma l-marda li kellu kienet rari ħafna u allura qatt ma ħsibna li se jeħlisha. Dejjem konna nafu fil-fond qalbna li ried isir miraklu biex ifieq." Jerome kellu kanċer fl-għadam biċ- ċans li jgħix ikun żgħir, tant li għal bidu t-tobba kienu qalu lil missier Jerome, Kenneth, li ibnu kellu tliet xhur biss ta' ħajja. "Jerome bata, ħafna bata," tgħidilna Josette, "imma xorta dejjem baqa' bi tbissima." Inwaqqafha u ngħidilha illi jkun hemm min jgħid li persuni jkunu pożittivi u jitbissmu għal quddiem it- TV biss biex jaħbu l-vera mrar li jkunu qed iħossu. "Le dejjem hekk kien anke hawnhekk," twieġeb mill-ewwel Josette. "Kien ikun muġugħ bil-morfina u meta jasal filgħodu kont immur ħdejh u nistaqsieh kif inhu. Kien jgħidli 'is-soltu ma', is-soltu jiġifieri ma jkun raqad xejn." Josette tispjega kif l-uġigħ ta' omm li tara l-binha jitlef ħajtu "trid tgħaddi minnu biex tkun taf x'jiġifieri. In- natura qisha tgħidlek li l-ewwel l-omm tmut, qabel l-iben mhux il-kontra. Jiena qabel ma kelli lil Jerome kelli korriment u għalkemm kont ħadtha bi kbira kont ngħid aħjar ġrali dan issa, milli wara. Wara li nkun drajthom lil uliedi u sirt inħobbhom. Min kellu jgħidli li xorta kelli ngħaddi minnha din?" Josette iżda tammetti li minkejja li qed jagħmlu l-almu tagħhom bħala familja biex jibqgħu jkunu pożittivi, "niggarantilek li jien, żewġi u Jethro (ħu Jerome) ikollna ħafna mumenti ta' biki. Issa jew se nħabbtu rasna ma' ħajt jew se nipprovaw nimxu 'l quddiem. Ifhem tħossha, hux. Jekk se nsajru, mingħajru, jekk se nsiefru mingħajru..." U għal mument jaqgħu ftit mumenti ta' silenzju bejnietna. Kif se taqbad issabbar omm? Ma nistax insib il- kliem. 'Smiling with Jerome'... tixrid tal- pożittiv Imma fi ftit sekondi nerġgħu nibdew nitkellmu dwar il-mod kif Josette, Kenneth u Jethro issa qed jaħdmu biex minkejja li Jerome m'għadux magħna jibqa' ħaj fl-ispirtu. Id-dar ta' Josette hija mimlija b'kull tip ta' memorabilja; minn santi, għal bookmarks għal saħanistra maggijiet tat-te b'wiċċ Jerome li l-familja qed tagħti lil dawk kollha qrib il-familja u lil dawk li qed jgħinu lill-kampanja 'Smiling with Jerome.' Imma għalfejn 'Smiling with Jerome'? "Għax ħafna nies dak li jiftakru f 'Jerome. Dik it-tbissima li wieħed ma jistenniex minn xi ħadd li għaddej mit-tbatija. Għalhekk ħloqna l-inizjattiva biex inkomplu fejn ħalla Jerome. Qed nipprovaw ngħinu lil kull min għaddej minn mument diffiċli għax nafu x'jiġifieri, biex nagħtuhom il-kuraġġ illi għandhom bżonn." Imma Josette, mara tad-dar b'missjoni, fejn trid tasal? X'inhu l-għan li tixtieq illi tixtieq tilħaq? "Qed nitlob għall-għajnuna u qed nipprovaw nilħqu kemm jista' jkun nies. Jiena mara tad-dar, ma naħdimx. Nitlob l-għajnuna nista'. Tlabt l-għajnuna mingħand sponsors u individwi u sibt l-għajnuna biex inkun nista' mmur l-isptar tal- Onkoloġija (Sir Anthony Mamo) u nagħti l-għajnuna lil dawk in-nies li għaddejjin minn mard tal-kanċer billi noffrilhom ftit soljev u ferħ u tbissima. Issa bħala 'Smiling with Jerome' se nagħmlu avveniment ieħor, fl-Għid il- Kbir, fejn se nitilgħu Għawdex u hawn ukoll ngħinu lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli." Frendo tgħid li iktar kemm ikollha għajnuna, iktar tkun f 'pożizzjoni li tgħin lil ħaddieħor. "Iktar kemm l-isponsors jgħinu, iktar inkun nista' ngħin jien," tisħaq Frendo li ma tiddejjaq xejn tiddeskrivi lilha nnifisha bħala 'tosta' meta jiġi għall-għajnuna. "Kull sold li tgħin lili, jintradd lura lil dawk kollha li għaddejjin minn diffikultà" tisħaq Frendo, determinata illi il-messaġġ pożittiv ta' Jerome Frendo jibqa' jinxtered u jibqa' fostna. Resqin lejn it-tmiem tal-intervista qasira u nistaqsiha x'inhu l-messaġġ tagħha lil dawk l-ommijiet kollha li għaddejjin mill-istess sfida li għaddiet minnha hi. "Aħna, apparti 'Smiling with Jerome' qed noffru wkoll għajnuna permezz ta' psikoloġista lil dawk il-ġenituri kollha li jixtiequ l-għajnuna u li għaddejjin minn din l-isfida. Qed noffrulhom il-kuraġġ, għax il-kuraġġ huwa parti importanti ħafna mill- fejqan." Nitlaq mid-dar tal-familja Frendo. Din id-darba b'emozzjonijiet imħalltin. Tħoss li għad hemm l-arja tat-telfa, imma min-naħa l-oħra l-ħeġġa biex Jerome jibqa' ħaj fl- enerġija pożittiva u t-tama lil dawk kollha li qed jisfidaw il-mard tal- kanċer. Ħaġa waħda jidher illi baqgħet l-istess. L-għaqda fil-familja Frendo. L-għaqda li għaddiethom minn vjaġġ twil, kiefer u morr imma li llum qed itihom is-saħħa biex jagħtu, iktar milli jistennew. Dawk kollha li jixtiequ jgħinu lill- familja Frendo u partikolarment lil Josette biex tgħin iktar nies li bħalissa għaddejjin minn mumenti diffiċli jistgħu jikkuntatjawha fuq il-paġna ta' Facebook 'Smiling with Jerome'. (L-intervista se tixxandar illejla fil- programm 7'ijiem fuq TVM2 fit-8:30 pm)