Illum previous editions

illum 14 January 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/926406

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

illum | Il-Ħadd 14 ta' Jannar 2018 22 Opinjoni K ont preżenti għaż-żewġ sessjonijiet pubbliċi tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar meta dan iddiskuta l-applikazzjoni ta' żvilupp għal petrol station fi Triq is-Salini l-Magħtab. Fl-ewwel laqgħa li saret nhar is-7 ta' Diċembru, kienu tmienja l-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li attendew. Imma nhar il-11 ta' Jannar, għat-tieni laqgħa, ħames membri oħra għamlu sforz u attendew ukoll! Dawn il-ħames membri addizzjonali lkoll ivvutaw favur l-applikazzjoni, imma l-ebda wieħed jew waħda minnhom ma segwa jew segwiet id-diskussjoni dettaljata fis-sessjoni pubblika li saret nhar is-7 ta' Jannar, kif kellhom l-obbligu li jagħmlu. Tnejn mill-membri tal- Bord, wara li fl-ewwel laqgħa indikaw b'mod pubbliku li kellhom l-intenzjoni li jivvutaw kontra l-applikazzjoni bidlu l-fehma tagħhom fit-tieni laqgħa u ddeċidew li jivvutaw favur. Imma l-ebda wieħed minnhom ma ħass il-ħtieġa li jagħti spjegazzjoni pubblika dwar x'wassalhom għal dan il-pass li jibdlu l-fehma tagħhom. Fost il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar hemm żewġ Membri Parlamentari: Ryan Callus għall-PN u Clayton Bartolo għall-PL. It-tnejn li huma jaqblu li hu deżiderabbli li jkollna iktar pompi tal-petrol. Bħala riżultat ta' dan it-tnejn li huma vvutaw favur il-pompa tal- petrol tal-Magħtab. Ryan Callus kien osservat kemm kemm jgħolli jdejh meta saret it-talba għall-voti favur l-applikazzjoni ta' żvilupp. Donnu ried li dawk preżenti jifhmu li ma kienx żgur dwar dak li kien qed jagħmel! Iktar inkwetanti kienet l-imġiba ta' Clayton Bartolo. Nhar is-7 ta' Diċembru kien diġà ddikjara pubblikament li hu kien qed jopponi l-ħruġ tal-permess ta' żvilupp għall-pompa tal- petrol tal-Magħtab. Imma nhar il-Ħamis li għadda bidel fehmtu u minflok ivvota favur. Hu ovvju li kellu kull dritt li jagħżel hu kif kellu jivvota, imma kellu responsabbiltà li jispjega fil-pubbliku r-raġunijiet għaliex bidel fehmtu. Dan m'għamlux. Mill-14-il membru tal- Bord tal-Awtorità tal- Ippjanar, tlettax huma membri regolari. L-erbatax- il membru huwa membru ad hoc li jirrappreżenta lill-Kunsill Lokali tal- lokalità effettwata, f 'dan il-każ in-Naxxar. Tmien membri tal-Bord kienu preżenti għaż-żewġ laqgħat filwaqt li ħames membri attendew biss għat-tieni laqgħa. L-erbatax-il membru tal-Bord, għalkemm kien preżenti għaż-żewġ laqgħat telaq il-barra mill-kamra hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar il-pompa tal-petrol f 'kull waħda miż-żewġ laqgħat. Qisu ma riedx jipparteċipa f 'din l-aħħar farsa tal-ippjanar. Din hi t-tielet pompa tal-petrol ġdida approvata mill-Awtorità tal- Ippjanar fi żmien qasir. L-approvazzjoni tal-pompa tal-petrol tal-Magħtab ġiet immedjatament wara l-approvazzjoni ta' dawk għal Marsaskala u Burmarrad fil-ġimgħat li għaddew. Xi bżonn għandna ta' dawn il-pompi tal-petrol kollha? F'Settembru li għadda, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern dalwaqt ser jibda eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika biex ikun deċiż minn meta ma jkunx possibli li jinxtraw iktar karozzi li jaħdmu bid-diesel jew bil-petrol. Dan ifisser ħaġa waħda: li dalwaqt ser nibdew it-triq li twassalna biex, darba għal dejjem, neħilsu mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid- diesel mit-toroq tagħna. Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru hemm mistoqsija waħda li teħtieġ li tkun imwieġba: xi bżonn għandna ta' iktar pompi tal- petrol ġodda? Kull pompa tal-petrol ġdida tibla' 3000 metru kwadru ta' art. Ryan u Clayton jixirqilhom grazzi. Grazzi Ryan. Grazzi Clayton 'It-tnejn li huma jaqblu li hu deżiderabbli li jkollna iktar pompi tal-petrol. Bħala riżultat ta' dan it- tnejn li huma vvutaw favur il-pompa tal-petrol tal-Magħtab.' 'Iktar inkwetanti kienet l-imġiba ta' Clayton Bartolo. Nhar is-7 ta' Diċembru kien diġà ddikjara pubblikament li hu kien qed jopponi l-ħruġ tal-permess ta' żvilupp għall- pompa tal-petrol tal-Magħtab. Imma nhar il-Ħamis li għadda bidel fehmtu u minflok ivvota favur.' CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 January 2018