Illum previous editions

illum 18 February 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/943659

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 18 ta' Frar 2018 18 Opinjoni I lbieraħ, sieħbi s-Segretarju Parlamentari Tony Agius de Celis u jien nidejna sforz li wettaqna fi ħdan Spazju Kreattiv biex nagħmlu ċ-ċinema li hemm fi ħdan dan l-iSpazju iktar aċċessibbli għall-persuni neqsin mis-smiegħ bis-saħħa tal-installazzjoni ta' dik li jgħidulha loop system jew loop technology. Diġà kien hemm proġett pilota f 'Ta' Pinu għall- installazzjoni ta' loop system u issa dan il-preċedent pożittiv ġie estiż għal fi ħdan Spazju Kreattiv sabiex b'hekk iċ- ċinema, li hu l-uniku arthouse ċinema f 'pajjiżna jkun aċċessibbli għal iktar persuni. Din hi ħaġa pożittiva ferm u, għalkemm miżura żgħira, se tagħmel differenza fil- ħajja tan-nies li qabel kienu jħossuhom esklużi minħabba raġunijiet li mhumiex fil- kontroll tagħhom. Probabbilment aħbar bħal din bilkemm se tissemma' fil-mezzi tax-xandir għaliex mhijiex xi skandlu jew inkella ma tikkontenix sensazzjoni imma għal dik il-persuna li għandha diffikultà fis-smigħ, din l-aħbar hija d-dinja għalih. *** L-investiment li sar biex installajna din il-loop system kien żgħir – mhux iktar minn €5,000. Lanqas frazzjoni tan-nefqa li għamilna biex, pereżempju, tejjibna s-sistema ta' arja kundizzjonata fl- iSpazju Kreattiv. Iżda, kif għidt qabel, din hi miżura li kif qaluli biha deherli li hi tant importanti u tant sabiħa għaliex se ttejjeb il-kwalità tal- ħajja ta' persuni li jirrikjedu għajnuna addizzjonali. Jekk ngħinu mqar persuna waħda biss minn issa sa 10 snin oħra wkoll ikun investiment xieraq u li mnalla jkun li sar. *** Kultant jiena nissuspetta li hemm dinja li jgħaddi minnha l-bniedem tat-triq u dinja oħra li jixtieq ibigħ dak li jxerred l-aħbar. Sintendi min ixerred l-aħbar, jekk ikun kapaċi, ikun f 'possibbilità li jinfluwena l-bniedem tat-triq. U anke l-bniedem tat-triq, jekk jippreżenta każ b'saħħtu u tajjeb, kapaċi jinfluwenza lil min ixerred l-aħbar biex dik l-aħbar ixerridhielu. Jien wieħed minn dawk li, bħal sħabi wara kollox, jagħmel ħiltu biex inkun aċċessibbli u jiltaqa' ma' kemm jista' jkun nies possibbli. U wara li niltaqa' mal-persuni u l-familji insib infallibbilment li dak li jkun fuq l-aġenda tal-familji u dak li jkun fuq l-aġenda tal-mezzi tax-xandir ikunu differenti ħafna. Naf politiċi li huma popolari mmens u jgawdu rispett tremend li għamlu deċiżjoni konxja li ma jinvestux ħin fil-media management u fl-attivitajiet relatati ma' opportunitajiet ta' media. Naf politiċi mbagħad li għandhom il-polz tal-mezzi tax-xandir f 'idejhom u jgħarblu x'qed jingħad fil-mezzi tax-xandir u jħallu relazzjoni għaddejja mal-mezzi tax-xandir jekk jista' jkun 24 siegħa kuljum. Ma naħseb li hemm ebda triq li hi aħjar minn oħra għad li forsi l-aħjar għażla li tieħu t-triq tan-nofs. Imma li jiena ċert hu li l-opinjonijiet u l-issues importanti għall-familji Maltin u Għawdxin isiru b'mod indipendenti minn dak li jkun għaddej fil-mezzi tax- xandir. *** Il-politiċi nemmen li kapaċi jinfluwenzaw ħafna l-opinjoni pubblika. Meta l-Prim Ministru jew il-Kap tal-Oppożizzjoni jieħdu stand jew pożizzjoni, awtomatikament hemm fazzjoni tal-poplu li bla ma jridu jkunu miftuħin huma wkoll għal dik l-idea li tkun għada kemm ġiet mmexxija 'l quddiem. Sintendi hemm fin-nofs kwistjoni ta' kreddibbilità wkoll - il–Prim Ministru attwali Joseph Muscat naħseb għandu livelli ta' kreddibbilità u influwenza tal-opinjoni pubblika f 'livelli bla preċedent. Hemm imbagħad studju sħiħ ta' kif wieħed jibni reputazzjoni, kreddibbiltà u aura u hemm diversi fatturi li jilagħbu fin-nofs. Biss, li hu żgur hu li din l-influwenza u l-ħila li tħalli impatt fuq l-opinjoni pubblika ma tiġix b'kumbinazzjoni jew inkella billi wieħed ifaqqa' subgħajh imma sforz ħafna xogħol, perseverenza u sagrifiċċji u attenzjoni. Hu żgur ukoll li waqt li politiku tal-affari tiegħu jara l-affarijiet darba, tnejn, tlieta qabel jieħu stand jew pożizzjoni, jista' jkun li l-media – anke minħabba l-għaġġla u l-immedjatezza tal-aħbar li ngħixu fiha llum – sempliċiment ma għandux l-opportunità li jagħmel hekk. *** Kultant din ir-realtà tweġġa' ħafna u mhux ta' b'xejn imbagħad il-persuna tat-triq f 'kull stħarriġ li jsir jgħid li jemmen iktar lill-Gvern milli lill-mezzi tax-xandir. Ħa nġib eżempju billi nsemmi ġurnal li hu normalment simpatizzanti mal-Partit Laburista - l– Orizzont biex ħadd ma jgħid li qed nipprova niskurja xi punt politiku. Din il-ġimgħa dan il-ġurnal iddeċieda li jagħmel paġna ta' quddiem u editorjal fejn qal li fid-deċiżjonijiet li jagħtu l-Imħallfin fil-Qorti tal-Familja, in-nisa jiġu mogħtija vantaġġ fuq l-irġiel. Qal li kellmuh grupp ta' persuni li għandhom kawżi ta' separazzjoni għaddejjin li ikkonvinċewh favur din il- pożizzjoni. Ġurnal serju ma jaqbadx u jfajjar stqarrija serja bħal din għax ikunu kellmuh erba', ħames min-nies li jkollhom kawża ta' separazzjoni pendenti. Jien nista' nifhem minn xiex qed jgħaddu dawn il-persuni u s-solidarjetà tiegħi hi sħiħa lejhom u nifhem għala jaqbdu u jirrikorru għand il-ġurnalist sforz id-dwejjaq iktar minn kull ħaġa oħra meta, pereżempju, il-Qorti tiċħad xi digriet jew tiddekreta b'mod li ma jogħġobhomx fejn għandu x'jaqsam l-aċċess jew il-kura u kustodja. Imma mbagħad ġurnal serju ma jistax jippubblika storja bħal din mingħajr ma, pereżempju, iqabbad grupp ta' esperti biex janalizzaw id-digrieti kollha li joħorġu ngħidu aħna fl- aħħar sentejn u jkun hemm rapport serju u kif suppost jew għallinqas jieħu l-fehma ta' esperti fis-settur bħal eks ġudikanti, avukati, social workers u attivisti favur id- drittijiet ċivili. Sadanittant il-ħsara inġusta tkun saret. U ċaflisa f 'wiċċ ix-xogħol kollu li sar u qed isir biex il-Qorti tal-Familja taqta' iktar kawżi u tqassar id-dewmien esaġerat li konna sibna ma' wiċċna fl-2013. *** Sieħeb l-istorja l-oħra ivvintata fin-Nazzjon ta' nhar il-Ġimgħa fejn il-ġurnal iddeċieda li jgħid li kien hemm ġlieda feroċi fil-każin Laburista ta' Ħal Safi u żeffnu fin-nofs lili u lil sieħbi Stefan Zrinzo Azzopardi. Gidba mill-bidu sal-aħħar, kif qalu bla tlaqliq diversi nies li kienu fuq il-post bħas- Sindku Johan Mula. Sintendi l-għan hu li l-PN jipprova jimmitiga u jnaqqas l-impatt tal-ġlied attroċi li hemm fi ħdanu billi jbigħ l-idea li anke fil-partit l-ieħor li hemm il-ġlied. Gidba mill- bidu sal-aħħar. Ħriġna ċaħda minnufih u fi ftit minuti n-nies indunat li dan kien eżerċizzju ieħor ta' disprament tal-Partit Nazzjonalista. Ma nistax nifhem kif partit li jaspira li jirbaħ il-Gvern jibbaża l-politika tiegħu fuq il-gideb. Intant sħabi kollha tad- distrett se nkomplu naħdmu iktar minn qatt qabel ponn wieħed biex inkomplu nagħmlu l-ġid fuq il-ħames distrett li tant hu għal qalbna. *** Għax il-politika dik hi – mezz li bih tagħmel il-ġid u tmexxi 'l quddiem il-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' familji u negozji f 'dan il-pajjiż eċċezzjonali li jismu Malta. Inkomplu naħdmu. Ma nifqux. Loop Il–Prim Ministru attwali Joseph Muscat naħseb għandu livelli ta' kreddibbilità u influwenza tal- opinjoni pubblika f 'livelli bla preċedent. OWEN BONNICI

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 February 2018