Illum previous editions

illum 4 March 201

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/949293

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

illum | Il-Ħadd 04 ta' Marzu 2018 K if toħroġ bajda minn ġo froġa ? U x'se jirriżulta jekk fl-aħħar mill-aħħar jirnexxilek toħroġha l-bajda ? Probabilment għasida illi xi darba kienet froġa, U jekk ikollok tagħżel bejn ikla bi tlett platti u pakkett crisps x'tagħżel ? Din il-ġimgħa kellna ħafna pariri bi sfond kulinarju dwar x'ser jiġri fir-Renju Unit ġaladarba titlaq mill-Unjoni Ewropea. Tkellmu ex membri taċ-ċivil kemm f 'Whitehall kif ukoll f 'Berlaymont u żewġ ex-prim ministri brittaniċi, wieħed konservattiv u l-ieħor laburista. Tkellem ukoll il-kap laburista Jeremy Corbyn kif ukoll il-prim ministru May li fl-aħħar introduċiet doża ta' realiżmu fix-xena. Forsi għalhekk tajjeb illi nibdew il-ħarsa tagħna b'mod kronoloġiku. Kien it-Tnejn li għadda kellu jitkellem is-segretarju tal-kummerċ internazzjonali Liam Fox dwar il-prospetti sbieħ li r-Renju Unit ser ikollu malli joħroġ mill-U.E. Il-viżjoni tal-Brexiteers hi tal-iljun Brittaniku illi malli jinħeles mill-ktajjen u s-sarima ta' Bruxelles jerġa' jibda jgħolli leħnu kif kien jagħmel fiż- żmien glorjuż tal-imperu li fuqu x-xemx qatt ma kienet tinżel. Il-Brexiteers għandhom memorja qasira u parzjali għal aħħar: insew id-deklin ekonomiku tar-Renju Unit wara t-Tieni Gwerra Dinjija u speċjalment wara l-kriżi tas- Suez u d-dekolonizzazzjoni, iż-żmien meta l-pajjiż kellu anke nuqqas ta' enerġija u staġuni twal ta' strajkijiet. Ma jirrikonoxxux illi l-ekonomija tar-Renju Unit ffjorixxiet fi ħdan u minħabba l-U.E. U L-anqas illi l-pożizzjoni ta' Londra bħala ċ-ċentru finanzjarju primarju Ewropew, rivali unika għall- predominanza ta' New York, hija dovuta ukoll għas-sħubija fi ħdan l-U.E. .Dan il- Brexiteers ma jirrikonoxxuhx u minflok aktar rabtiet mal-Ewropa jippreferu rabtiet eqreb ma' pajjiżi ferm 'l bogħod anke jekk jinsabu fil-Paċifiku li magħhom ir- Renju Unit għandha rabtiet ekonomiċi ferm debboli. Dawn l-illużjonijiet tal- Brexiteers ġew esposti mmedjatament mill-ex segretarju permanenti fl-istess dipartiment tal- Kummerċ Internazzjonali, Sir Martin Donnelly illi qabbel ir-rapport kummerċjali mal-U.E. bħala ikla bi tlett platti u minflokha l-gvern qed joffri pakkett crisps. Donnelly qal li ma jagħmielx sens illi tabbanduna rapport kummerċjali mal-U.E. illi jammonta għal 48% tal- esportazzjonijiet tar-Renju Unit kif ukoll 12% tal-istess esportazzjonijiet meta wieħed iqis is-60 ftehim ta' kummerċ ħieles illi l-U.E. għandha madwar id-dinja sabiex tkun ħieles illi tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles mal-istess U.E. u mal-kumplament tad- dinja minn posizzjoni aktar dgħajfa. Donnelly għandu raġun : f 'dawn l-aħħar xhur rajna lil Theresa May iżżur l-Indja u l-Ġappun u tħeġġiġhom sabiex jikkonkludu ftehim ta' kummerċ ħieles mal- U.E. ħalli jservi ta' mudell għall-ftehim illi ikun irid jikkonkludi r-Renju Unit wara li joħroġ mal-U.E. Rajna ukoll illi ċerti pajjiżi bħaċ-Ċili qed jitolbu konċessjonijiet mir-Renju Unit sabiex jippermettu illi l-ftehim li għandhom mal-U.E. jiġi estiż għar-Renju Unit fil-perjodu ta' transizzjoni wara Brexit. Li jġibna għall-bajda fil- froġa li semma Pascal Lamy waqt li kien qiegħed jixhed f 'kumitat tal-Commons. Lamy kien kummissarju tal-kummerċ tal-U.E. u wara direttur ġenerali tal- Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Illum jistqarr li hu ħieles biżżejjed biex igħid dak li jħoss. Qal illi r-rapporti kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-U.E. huma tali illi sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-U.E. qisu trid tneħħi bajda minn ġo froġa. Ippreveda illi r-Renju Unit ma jikkonkludiex ftehim ħieles mal-U.E. qabel ta' l-anqas ħames snin oħra. Dan donnu qed jiġi rikonnoxxut mill-uffiċjali ta' Whitehall illi f 'dokument li nkixef dan l-aħħar issuġġerew illi t-terminu ta' transizzjoni jkun indefinit. Madankollu, in-negozjatur prinċipali ewropew, Michel Barnier qed jinsisti illi t-transizzjoni ddum sa l-aħħar tal-2020. Qabel ma tkellmet May, tkellmu żewġ ex-prim ministri, John Major u Tony Blair. Jidher illi l-interventi tagħhom kienu kkoordinati minn Open Britain illi qed tiġġieled sabiex isir referendum ieħor qabel mar- Renju Unit joħroġ mill-U.E. Illi Blair jikkritika l-posizzjoni tal-gvern konservattiv u anke tal-istess partit laburista m'hu xejn ġdid. Imma l-kritika ta' John Major fir-rigward tas-suċċessur tiegħu bħala prim ministru u kap tal- partit konservattiv kienet partikolarment kawstika. Major ikkritika l-istrateġija tal-gvern fir-rigward ta' Brexit bħala kompletament m'hux realistika u ħeġġeġ lill-parlament jikkonsidra l-ġid tal-poplu u jiddeċiedi jekk il-fteħim aħħari mal-U.E. għandhux jitwettaq jew isir referendum ġdid. Major qal illi l-ebda gvern m'għandu jkompli b'politika li ser tfaqqar lill-pajjiż u lill-poplu u spiċċa jiġi mgħajjar traditur minn membri konservattivi. Anke fi ħdan il-partit laburista kien hemm żvilupp importanti nhar it-Tnejn li għadda għax għal ewwel darba l-kap tiegħu, Jeremy Corbyn li qatta' ħajtu jikkritika l-U.E. stqarr illi r-Renju Unit għandu jkollu għaqda doganali mal-U.E. Dan ifisser illi r-Renju Unit ma jkunx jista' jilħaq ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, possibilità illi tkexkex lil Brexiteers. Madankollu, bosta esponenti laburisti, inkluż l-ex mexxej Neil Kinnock sejħu biex il-partit laburista jinsisti illi r-Renju Unit jibqa' fis-suq uniku, posizzjoni illi Blair ukoll jappoġġja. Bil-matematika fil-Parlament hi kif inhi, rvell ta' tużżana deputati konservattivi tkun biżżejjed sabiex il-parlament jivvota sabiex il-pajjiż jibqa' f 'għaqda doganali mal-U.E. Fil-fatt, il-gvern qed jipposponi illi jsir vot dwar emenda f 'dan ir- rigward għax qed jibża minn telfa fatali għall-istrateġija tiegħu. Il-kwistjoni irlandiża reġgħet qajma rasha din il- ġimgħa meta nhar l-Erbgħa l-Kummissjoni ppubblikat t-test legali tal-ftehim li ntlaħaq f 'Diċembru li għadda. It-test juri biċ- ċar illi l-Irlanda ta' Fuq għandha tibqa' fir-reġim regulatorju tal-U.E., fatt illi rrabja ferm lil Brexiteers u lill-Unjonisti Irlandiżi illi l-appoġġ parlamentari tagħhom hu kruċjali għall- gvern konservattiv. Deher biċ-ċar illi r-Renju Unit qed jipprova joħroġ mill- ftehim ta' Diċembru u dan kompla jiffrustra lil bosta fl-U.E.27 tant li Barnier stqarr illi m'huwiex awtomatiku illi jintlaħaq ftehim ta' transizzjoni. Kien imbagħad imiss lil May biex nhar il-Ġimgħa tipprova tkompli tlaħħam l-istrateġija brittanika dwar il-Brexit li minkejja li għaddiet kważi sena minn mindu ġie nvokat l-artiklu 50 għadha m'hix ċara f 'ħafna u ħafna aspetti. Għaldaqstant ħafna kien mistenni mid- diskors ta' May biex tikkalma l-ilmijiet u tiċċara l-affarijiet. Id-diskors tagħha kien meqjus bħala l-aktar wieħed ta' sustanza li tat imma li x'aktarx kien messu illi ilu illi ngħata. Kien diskors illi pprova b'ċerta suċċess jirrikonċilja l-erwieħ opposti tal-partit konservattiv, bejn il-Brexiteers u r-Remainers. May tenniet illi ħadd m'hu ser jieħu dak li jixtieq minn dawn in-negozjati, illi r-Renju Unit ser ikollu anqas aċċess għas-suq uniku u illi l-kumpaniji finanzjarji ser jitilfu d-drittijiet prezjużi ta' passporting fil-kumplament tal-U.E. Imma rrepetiet ix-xewqa tagħha illi r-Renju Unit ikollu rabtiet qrib kemm jista' jkun mal-U.E. u li r-Renju Unit jibqa' membru ta' bosta entitajiet ewropej bħall-Euroatom, l-Agenzija tal-Mediċini Ewropej (li s'issa hija bbażata f 'Londra imma ser timxi għal Amsterdam) u l-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ewropeja. Imma biex dan iseħħ, ir-Renju Unit irid jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal- Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja illi May iddikjarat li ma tridx u b'hekk, kompliet tikkomplika l-posizzjoni tagħha. Id-diskors ta' May ma ntlaqax b'entużjasmu partikolari fl-Ewropa. Il- posizzjoni ta' May ġiet ikkunsidrata minn bosta bħala tkomplija tal-istrateġija ta' having the cake and eating it. Kif qal l-ex prim ministru belġjan u negozjatur tal- Parlament Ewropew dwar il-Brexit, Guy Verhofstadt, bil-fatt li tpoġġi ftit aktar ċiras fuq il-cake tal-Brexit m'int ser issolvi xejn. Għad fadal ħafna affarijiet fejn ħadd ma jaf eżatt x'jixtieq ir-Renju Unit u intant id-dinja tan-negozju qiegħda ssir aktar kritika għax ma tiflaħx tistenna aktar illi tiċċara l-posizzjoni dwar l-aktar suq importanti għar- Renju Unit. Madankollu, jidher ċar illi d-diskors ta' May kien intiż biex iwitti t-triq għal aktar konċessjonijiet minn dawk li diġa saru s'issa da parti tar-Renju Unit. Kif qal xi ħadd dan l-aħħar, May titkellem bħal Churchill imma taġixxi bħal Ħalifax. Bosta osservaturi stqarrew illi l-viżjoni ta' May hi tal-Brexit l-aktar artab possibli barra l-għaqda doganali u s-suq unika u li f 'ħafna u ħafna aspetti r-Renju Unit ser jibqa' f 'allinjament regulatorju totali jew kważi totali mal-U.E.. U allura l-mistoqsija ta' bosta hija l-istess tal- korrispondent tal-ġurnal tan- negozju tedesk Handesblatt fi tmiem id-diskors ta' May : Is it worth it ? Ir-risposta esitanti ta' May ma kienetx iva imma illi r-Renju Unit m'hux ser ibiddel fehmu. Id-domma reġgħet ħadet is-sopravvent fuq ir-raġuni imma l-poplu tar-Renju Unit għadu fiċ-ċans illi ma jwettaqx dak li Blair ġustament sejjaħ "żball ta' dimensjonijiet storiċi." ellisjoseph@gmail.com 16 Opinjoni Is it worth it ? JOE ELLIS Qabel ma tkellmet May, tkellmu żewġ ex-prim ministri, John Major u Tony Blair. Jidher illi l-interventi tagħhom kienu kkoordinati minn Open Britain illi qed tiġġieled sabiex isir referendum ieħor qabel mar- Renju Unit joħroġ mill-U.E jidher ċar illi d-diskors ta' May kien intiż biex iwitti t-triq għal aktar konċessjonijiet minn dawk li diġa saru s'issa da parti tar-Renju Unit

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 4 March 201