Illum previous editions

illum 11 March 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/952914

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 illum | Il-Ħadd 11 ta' Marzu 2018 Valletta Il-kult Ġużeppin fil-Belt Valletta Id-devozzjoni lejn San Ġużepp Fl-ewwel tliet sekli tal- Knisja, San Ġużepp intesa jew twarrab xi ftit mill-kittieba biex tispikka aktar il-figura ta' Ġesù. San Ġużepp reġa' beda jissemma fir-raba' seklu minn San Ġwann Griżostmu, San Ġilormu u Santu Wistin. San Ġilormu enfasizza il- Verġinità ta' Marija, allura biex jiċċara dan il-punt, semma l-kastità ta' Ġużeppi. Santu Wistin tkellem fuq il-qdusija u ż-żwieġ tiegħu. Iżda d-devozzjoni lejh bdiet mill-Insara Kopti fl-Eġittu. Fil-Punent il-qima lejn San Ġużepp baqgħet ħafna ma' daħlet, sakemm kien propju fit-13-il seklu meta ssemma minn San Tumas d'Akwinu, li kiteb fuq iż-żwieġ qaddis ta' Ġużeppi u Marija u fuq il-verġinità tagħha. Kiteb fuqu wkoll J.Gerson (1363 - 1429), Arċisqof ta' Chambrai, li fl-1495 kien għamel trattat fuq it-tnax-il Glorja ta' San Ġużepp. San Bonaventura, il-kittieb Franġiskan tant magħruf, kiteb ħafna fuqu wkoll. San Bernard ta' Siena, ħa ħsieb jgħaqqad il-kitbiet ta' qabel biex it-tagħlim dwar San Ġużepp jinġabar fi ktieb wieħed. Fl-1621, il-Papa Girgor XV ipproklama l-festa ta' San Ġużepp fid-19 ta' Marzu bl-obbligu tas-smigħ tal-quddies. Nhar it-8 ta' Diċembru 1870, San Ġużepp ġie ddikjarat mill-Papa Bejatu Piju IX bħala Patrun tal- Knisja Universali u d-19 ta' Marzu ntgħażlet biex tkun iddedikata lilu. Fl-1955 il- Papa Piju XII ddedika l-ewwel ta' Mejju lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Ħaddiema, filwaqt li l-Papa San Ġwanni XXIII, għażel lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Konċilju Vatikan II fl-1961. It-twaqqif tal- Arċikonfraternità ta' San Ġużepp fil-Belt Kapitali Wara li l-Ordni tal- Kavallieri ta' San Ġwann waqqaf il-kunvent tiegħu fil-belt il-ġdida, Valletta, din malajr inbidlet f 'mekka kummerċjali għal ħafna nies tas-snajja'. Il-mastrudaxxi Beltin ingħaqdu bejniethom u waqqfu Konfraternità f 'ġieħ il-Patrijarka San Ġużepp, billi dan il-Qaddis kien huwa wkoll tal-istess sengħa tagħhom. Huma waqqfuha fil-Knisja tal-Madonna tal- Karmnu, fejn kien hemm diġà kappella u artal iddedikati lil San Ġużepp. Ruma laqgħet it-talba tal-mastrudaxxi u d-digriet tat-twaqqif tal- Konfraternità ffirmat minn Jacobos Sterpianus, Vigarju Arċipriet ta' San Pietru ħareġ fid-9 ta' Jannar 1632. L-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp hija t-tieni konfraternità li twaqqfet fil- Knisja tal-Karmnu tal-Belt. Id-digriet storiku jibda bil- kliem: "Concedimu licentiam erigendi dicta Confraternitas …. Jacob Sterpianus Vic S. Petri." Għall-ewwel il-fratelli kellhom bħala oratorju fejn kienu kienu jistgħu jinġabru għal-laqgħat tagħhom tliet indani ħdejn il-bieb tal- kunvent. Dawn ingħataw mill-Pirjol, il-Karmelitan P. Benedetto Paci fl-20 ta' Lulju 1685 bil-permess tal-Komunità. Għal dawn it-tliet indani kienu obbligati jħallsu 24 tari fis-sena u l-istess fratelli rranġawhom u bidluhom f 'oratorju. Din il-Konfraternità sa mill- bidu tat-twaqqif tagħha bdiet tiċċelebra b'solennità l-iżjed kbira l-festa tal-Patrun tagħha San Ġużepp. Fis-sena 1694 ikkumissjonat l-istatwa ta' San Ġużepp għall-purċissjoni li għandha teżisti sal-lum. Iżda biex il-festa ta' San Ġużepp tkompli titkabbar fis-solenità tagħha, kif ukoll biex tikber id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, fis- 16 ta' Marzu 1793 il-fratelli ta' San Ġużepp talbu lill-Vigarju Pirjol, il-Karmelitan P. Albert Camilleri biex fil-purċissjoni tal-imsemmi qaddis toħroġ ukoll l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu meqjuma fil- knisja tal-istess patrijiet. Din it-talba ġiet milqugħa mill- komunità u fil-purċissjoni annwali f 'ġieħ San Ġużepp, flimkien mal-istatwa tal- qaddis bdiet tinħareġ ukoll dik tal-Madonna. Fl-1805 l-fratelli qalgħu t-talba tagħhom biex l-altar tal-qaddis patrun ikun privileġġat għal dejjem. F'din l-istess sena, il-fratelli kienu qalgħu wkoll mingħand il-pirjol ġenerali tal-Ordni Karmelitan, sħubija mal- Ordni magħrufa aħjar bl-isem Taljan ta' figliolanza (affiljazzjoni). Fil-31 ta' Diċembru 1841, il-Pirjol Karmelitan, il-Patri Majjistru Pier Tumas Galea, wera x-xewqa tal-Patrijiet li jittieħed lura l-kuritur t'isfel li kien jifforma l-oratorju ta' San Ġużepp u l-kmamar ta' biswitu u minflokhom jinbnew ħwienet u mezzanini. Barra minn dan espona wkoll ix-xewqa li f 'nofs il-bitħa jsir taraġ sabiħ u arjuż biex aktar isebbaħ il-kunvent ewlieni tagħhom fil-Kapitali. Il-patrijiet approvaw din il- proposta doppja u l-fratelli ta' San Ġużepp, wara għadd ta' kwistjonijiet, ċedew l-oratorju. Minfloku l-Komunità Karmelitana tathom l-ispazju ta' taħt it-taraġ sakemm jiġi provdut post iktar adattat fejn ikunu jistgħu jagħmlu oratorju xieraq. Infatti wara ftit taż-żmien, il-patrijiet tawhom nofs il-kuritur tan- naħa ta' Triq it-Teatru l-Antik. Il-Fratelli malajr irranġawh u tawh għamla ta' oratorju veru. Fil-11 ta' Marzu tal-1855 l-oratorju l-ġdid ġie mbierek mill-istess Pirjol il-Patri Majjistru Pier Tumas Galea. Il-kappellun u l-artal ta' San Ġużepp fil-Bażilika Karmelitana Fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, meta wieħed jinżel minn ħdejn it-tribuna lejn il-bieb ta' barra, minnufih mal-lemin isib ruħu fil-kappellun ta' San Ġużepp. Fil-knisja l-antika, il-prospettiva fejn hemm il- kwadru kienet kważi kollha tal-irħam. L-artal huwa wkoll kollu tal-irħam u kien sar fis-sena 1869 u għadu l-istess wieħed li jitgawda llum fil- knisja il-ġdida. Il-kwadru ta' San Ġużepp juri l-qaddis fil-mument tal-mewt tiegħu, imdawwar b'Ġesù n-naħa tal-lemin u l-Madonna n-naħa tax-xellug, b'żewġ anġli kbar wara rasu u tnejn oħra żgħar fl-art, filwaqt li fil-għoli jidher il-Missier Etern. Dan il-kwadru sar fis- sena 1933, mill-Prof Gregorio Maltzeff u għadu jittgawda wkoll illum fil-knisja l-ġdida. Fil-bidu tas-seklu tmintax taħt il-kwadru ta' San Ġużepp kien hemm ukoll sotto kwadru ddedikat lis-Santissma Trinità. F'dan il-kappellun, il-pitturi fil-ġnub tal-altar huma tal- Madonna ta' Loreto mpittra minn Giuseppe Velasco (1750 – 1827) u l-oħra tal-Madonna tal-Pilar impittra minn Mattia Preti (1613-1699). Insibu wkoll żewġ pitturi tondi ta' Sant'Antnin ta' Padova u San Gualfaldo mpittra fl-1729. Fil-kappella hemm meqjuma wkoll għadd ta' relikwi tal- martri tal-ewwel sekli tal- knisja. Il-festa ta' San Ġużepp fil- Belt Valletta Il-festa ta' San Ġużepp bdiet issir sa minn meta twaqqfet il- Konfraternità ta' San Ġużepp fl-1631. Sas-sena 1798 qabel il-festa kienet issir novena bil-prietki u wara għal xi żmien inbidlet ukoll f 'settena, li kienet tibda sebat ijiem qabel il-festa. Kien hemm żmien meta dawn tneħħew għalkollox, iżda mis-sena 1884 qabel il-festa ta' San Ġużepp bdew jiġu ċċelebrati tlett ijiem ta' tridu solenni kif għadu jsir ta' kull sena sal-lum. Fis-16 ta' Marzu 1793, il- fratelli ta' San Ġużepp kienu talbu, biex fil-purċissjoni ta' San Ġużepp takkumpanja wkoll il-vara tal-Madonna tal- Karmnu u mitejn sena wara, fid-19 ta' Marzu 1993, bħala tifkira ta' din il-purċissjoni unika, il-vari ta' San Ġużepp u tal-Madonna tal-Karmnu reġgħu ħarġu flimkien fil- festa ta' dik is-sena. L-istatwa artistika ta' San Ġużepp L-istatwa ta' San Ġużepp fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, saret minn Mastru Nazju Portelli. L-injam biex ġiet skolpita kien rigal ta' Mastru Salv Bartolo, minbarra biċċa żgħira li nxtrat mingħand Nazju Stornello bi skud. Il- fattura biex tħallset l-istatwa tindika li qamet 60 skud u saret fis-sena 1694. Sena wara ġiet sgraffita mill-induratur Mastru Marozz Bramon. L-istatwa tħallset mill-ġbir, fosthom b'donazzjonijiet minn Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann u mill-Ballija Gori. Fil-kor tal-Monasteru ta' Sant'Orsola fil-Belt stess, hemm statwa ta' San Ġużepp għolja madwar metru u nofs, eżatt bħal dik ta' San Ġużepp li tinsab fil-knisja tal-Karmnu, li jindika li setgħet saret bħala abbozz tagħha. L-istatwa ta' San Ġużepp hija tassew waħda artistika. F'idu x-xellugija huwa jidher l-għasluġ bil-ġilju filwaqt li b'idu l-leminija qiegħed iżomm minn idu lit-tfajjel Ġesù. It-tnejn li huma qegħdin f 'qagħda li donnhom mexjin 'il quddiem u f 'wiċċ San Ġużepp hemm espressjoni ta' kuntentizza. Il-libsa ta' San Ġużepp hija mxammra bil-kmiem u minn qaddu n-naħa tax-xellug, tagħti dehra ta' veru ħaddiem. Il-vini mqabbżin f 'idejh juru wkoll li kien ħawtiel għax-xogħol. Il-Bambin huwa raffigurat bħala tfajjel ta' madwar tmien snin liebes libsa li tinżillu ftit iktar minn irkubbtejh, xuxtu maħlula, u b'idu x-xellugija qiegħed jaqbad id il-leminija tal-missier putattiv tiegħu. F'wiċċu wieħed jista' josserva fiduċja sħiħa fil-protezzjoni ta' San Ġużepp. Qabel l-istatwa preżenti, il-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp, kellha statwa oħra qadima tal-qaddis patrun tagħha. Din l-istatwa, meta kienu prokuraturi tal- fratellanza Gio Batta Chircop u Dumink Dingli, fis-sena 1700, inbiegħet għal sitt skudi lill-Arċikonfraternità ta' San Ġużepp tar-Rabat, tal-Imdina. CLIFFORD GALEA Il-vara ta' San Ġużepp meqjuma fis-Sant- warju tal-Karmnu. Ritratt : Carl Farrugia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 March 2018