Illum previous editions

illum 11 March 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/952914

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

illum | Il-Ħadd 11 ta' Marzu 2018 16 Opinjoni I l-Ministru Josè Herrera, f 'isem il-Gvern, għadu kif ippubblika r-rapport intitolat Technical Report on the setting up of a Waste to Energy Facility in Malta. Qabel ma ntalab dan ir-rapport, il-Gvern kien diġà ħa d-deċiżjoni politika favur l-inċinerazzjoni. Fil-fatt, fid-daħla għar-rapport il-Ministru Herrera jgħid li din id-deċiżjoni kuraġġuża (bold decision) ittieħdet mill-Gvern f 'Lulju tal-2017. Jiġifieri r-rapport ma jweġibx il-mistoqsija dwar jekk għandniex immorru għall- inċinerazzjoni: jiffoka dwar kif dan jista' u għandu jsir. Ma hemm l-ebda dubju li teżisti t-teknoloġija li tagħmilha possibbli li l-impatti tal-inċinerazzjoni jkunu l-minimu possibli . Il-punt, imma, mhux dwar jekk l-inċinerazzjoni hiex possibli li ssir imma jekk hix l-għażla meħtieġa. Fl-opinjoni tiegħi mhix għażla addattata, imma l-alternattivi għaliha jeħtieġu ż-żmien biex ikunu żviluppati. Sfortunatament nafu li tul is-snin ma kien hemm l-ebda volontà politika biex dawn l-alternattivi jkunu żviluppati u jitħallew jaħdmu sewwa. Il-Pjan għall-Immaniġjar tal-Iskart tal-gżejjer Maltin kien aġġornat fl-2014: dakinhar kien żviluppat pjan biex jitwettaq fuq medda ta' sitt snin. Dan il-pjan tal-2014 jidentifika l-mod kif għandna nimmaniġjaw l-iskart li niġġeneraw. Fil- fatt jemfasizza li t-triq li għandna nimxu fiha hi dik li nieħdu ħsieb tar-riżorsi. Dan ifisser li l-pajjiż għandu jiffoka biex jirkupra r-riżorsi u mhux jiddistruġġihom biex jiġġenera l-enerġija minnhom. Għandna nżommu f 'moħħna li l-enerġija meħtieġa biex dawn ir-riżorsi jinħadmu tiżboq bil-kbir l-enerġija ġġenerata meta dawn jinħarqu. Dan hu dokumentat fi studji li saru u jkunu aġġornati kontinwament. Meta neżaminaw dan il-pjan li kien approvat mill-amministrazzjoni preżenti, imkien ma nsibu emfasi fuq l-inċinerazzjoni. Pjuttost li hemm emfasi fuq is-separazzjoni tal-iskart, r-riċiklaġġ u diversi miri dwar dan li jridu jintlaħqu. Flimkien ma' dan hemm il- mira identifikata mill-Gvern li sas-sena 2050 l-ebda skart ma jintrema iktar fil-miżbliet. Is-sena 2050 hi s-sena ta' skart żero. Il-mistoqsija waħidha tiġi: x'mar ħażin bejn l-2014 (meta tfassal il-pjan u ġew identifikati l-miri) u l-2017 meta ttieħdet id-deċiżjoni favur l-inċinerazzjoni? It- tweġiba ċara hi li l-Wasteserve ma kinitx kapaċi tilħaq il-miri u bħala riżultat ta' dan marret għas-soluzzjoni l-faċli: l-inċinerazzjoni. X'utilità hemm li nippubblikaw dawn l-istrateġiji jekk mal-ewwel diffikulta nwarrbuhom u narmuhom? Id-"deċiżjoni kuraġġuża" li jirreferi għaliha l-Ministru Herrera, l-inċinerazzjoni, hi riżultat ta' ppjanar imgerfex, ippjanar mil-lum għal għada. Hu ovvju li l-ispazju għall- miżbliet huwa limitat. Imma s-soluzzjonijiet prattiċi u realistiċi, imfassla b'mod ċar fil-Pjan għall-Immaniġjar tal-Iskart ġew injorati tul is- snin. L-għażla reali, la kienet u lanqas ma hi, bejn iktar miżbliet u l-inċinerazzjoni, imma dwar kemm aħna kapaċi nilħqu l-miri tagħna stess dwar ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart meta l-pjan dwar l-immaniġjar tal-iskart kien imfassal kien meqjusa bħala l-għodda addattata biex nimmaniġjaw ir-riżorsi. Dan kollu inkonsistenza mal- politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskart, ir-riżorsi, l-ekonomija ċirkulari u dokumenti politiċi oħra tal- Kummissjoni Ewropea. Mir-rapport tekniku li ppubblika l-Ministru Josè Herrera hu ċar li flimkien mal-inċinerazzjoni ser ikun hemm bżonn ukoll ta' "kampanja aggressiva biex ikunu indirizzati l-miri ta' riċiklaġġ stabiliti fid-Direttivi diversi tal-UE kif ukoll fil-Pjan għall-Imanigġjar tal-iskart tal-Gżejjer Maltin." Din hi konferma bil-miktub li l-inċinerazzjoni hi l-prezz li rridu nħallsu għall- inkompetenza akkumulata fl-immaniġjar tal-iskart fil- gżejjer tagħna. Imma minn dak li smajna fil-Parlament matul il-ġimgħa li għaddiet jidher li tul is-snin, il-Ministeru tal-Ambjent iktar kien interessat fl-impiegi ġġenerati mill-Wasteserve milli li jkunu onorati l-miri tar-riċiklaġġ. L-emails li ġemmgħet il-Wasteserve qieshom jindikaw li dan hu l-iktar importanti fost il- ħidmiet tagħha! Ovvjament dejjem hemm l-inċinerazzjoni biex taħraq il-problemi akkumulati tal- iskart. Għax dik hi s-soluzzjoni l-faċli. Ara paġna 12 u 13 L-inċinerazzjoni: il-prezz akkumulat tal-inkompetenza L-inċinerazzjoni hi l-prezz li rridu nħallsu għall-inkompetenza akkumulata fl-immaniġjar tal- iskart fil-gżejjer tagħna. Jidher li tul is-snin, il-Ministeru tal-Ambjent iktar kien interessat fl-impiegi ġġenerati mill-Wasteserve milli li jkunu onorati l-miri tar- riċiklaġġ. CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 March 2018