Illum previous editions

illum 11 March 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/952914

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 11 ta' Marzu 2018 20 Rakkont Ħ assejt iż-żarbun il-ġdid li kienet għadha kemm xtratli, jgħaffeġ il-ħaxix ħażin li kien hemm fil-passaġġ. Hemmhekk, vera kont inkun għal qalbi; nisma' l-għana tal-għasafar, inxomm ir-riħa tal- ħamrija friska u nħossni libera. L-arja pura u friska ta' dak il- ġnien kienet tidħol f 'imnifseja u tagħmilni ferħana. Ta' sikwit kienet teħodni nilgħab hemm. Ommi. Kienet tintefa' bilqiegħda fuq il-bank tal-injam miżbugħ aħdar u toqgħod tħares lejja nilgħab. Waqt li kont inkun qiegħda nħossni fis-seba' sema, ġieli kont nistaħbielha apposta ħalli nara għajnejha jberrqu, nosservaha minn wara xi zokk oħxon ta' xi siġra hija u tqum bilwieqfa minn fuq dak il-bank u tiġi tiġri tfittixni. Qatt ma kont nifhem eżattament għalfejn kienet tkun ippanikjata u mifxula! Mur ara, x'seta' jiġrili f 'dak il-ġnien sabiħ mimli friefet ikkuluriti, siġar kbar u sbieħ u l-ħoss tal-ilma tal-funtana. Iżda dakinhar ma kontx… Ma kontx naf kemm hawn ħażen fid-dinja. Ma kontx naf minn xiex stajt ngħaddi. U mhux jien biss. Imma anke hi. Ommi. Anke ommi. Kont liebsa libsa ffjurita, xagħri mżejjen b'ċoff pariġġ. Dakinhar kelli żarbun abjad, kważi ġdid fjamant. Bħas-soltu, ommi ntasbet bilqiegħda fuq il-bank tas-soltu, u jien ħassejt dak l-eċċitament li dejjem kien jaqbadni hekk malli naslu. Bla ma għidtilha xejn, tlaqt niġri għal wara xi siġar. Kemm kont żgħira, jaħasra! Kont moħħ ir-riħ! U f 'dak il-mument, f 'dak il-preċiż mument, bħal aljenajt rasi. Bdejt niġri u ndur 'l hawn u 'l hemm u ftit kien qed jimpurtani li ommi kien daqqilha l-mowbajl u kienet ħarġet il-ktejjeb iż-żgħir li dejjem kienet iġġorr magħha minħabba l-appuntamenti, u bla ma qalgħet għajnejha minn fuq il-post fejn kont qiegħda nilgħab jien, kienet qabdet tikteb. "Iva, tajjeb għalija fis-sitta…" kienet qiegħda tgħid fuq il- mowbajl. Minn meta kien telaqna missieri u qatt m'erġajna smajna b'aħbaru, ommi kienet qabdet taħdem bħala fattiga. U meta kienu jċemplulha l-klijenti sabiex tmur tnaddfilhom id-dar, kienet tniżżilhom fuq dak il-ktejjeb iż-żgħir tan-notamenti. U dak il-ħin rajtu. Fil-bidu lanqas biss kont indunajt li kien qed iħares lejja. Iżda mbagħad rajtha! F'idejh kellu ċappetta sabiħa roża! Kważi eżatt bħal dik li kont ilni neqred għaliha, mingħand Tonina tal-ħanut qrib tagħna! "Din għalik…" beda jgħidli. Leħnu ma beżżagħnix. Anzi, donnu kien ġentili. Għalkemm kellu għajnejh kbar iżżejjed u l-leħja twila, kellu tbissima ħelwa. Bejni u bejn ruħi bdejt naħseb illi ma kellix għalfejn nibża'… U żgur li le! Kien hemm ommi fuq il- bank tal-ġnien! X'seta' jagħmilli? U ejja ngħidu kollox, dik il-brazzuletta vera kienet qiegħda tħajjarni! "Din xtrajtha għalik!" reġa' qalli. "Ejja ħudha!" Dawwart ħarsti lejn ommi, li kienet għadha mehdija titkellem fuq il-mobajl, imbagħad tajt daqqa t'għajn lejn iċ-ċappetta. Ħarist lejh. Għamilli iva b'rasu. Iġġennibt ftit 'il quddiem u donnu dak il-ħin, kollox ġara f 'salt wieħed. Ħassejt id waħda, goffa tiġbidni 'l quddiem u l-oħra nofsha fuq ħalqi u nofsha quddiem għajnejja! Tant kienet kbira, li lanqas stajt nieħu nifs! Ippruvajt inwerżaq, iva, emmnuni, tgħidx kemm ippruvajt, iżda ħlief karba żgħira minn bejn is-swaba' ta' dan ir-raġel ma ħarġitx! Ommi ma kinitx indunat! U dan ir-raġel ħassejtu qed jeħodni 'l bogħod, 'il bogħod, aktar fil-fond ta' dan il-ġnien. Bdejt nisma' l-istivali tiegħu jgħaffġu fuq il-weraq niexef. Tgħid ommi kienet ser iddum ma tinduna li jien ma kontx għadni hemm? Għalkemm ippruvajt inserraħ moħħi li ommi ma tantx kienet ser iddum ma ssibni, dan ir-raġel tefagħni bil-herra mal-art, qalb post fejn kien pjuttost imdallam. Idu kienet għadha quddiem ħalqi u bdejt inħossni kważi ser nirremetti. "Tweġġagħnix!" ippruvajt inwerżaq iżda kien kollu ta' xejn. Kont qiegħda nibki u nipprova ninħall minn idejh, iżda kont għadni wisq żgħira u ftit li xejn stajt nibda ma' ġolf bħal dan! U dak il-ħin rajtu jaqbad ġebla mdaqqsa u jsabbathieli ma' moħħi. Għalkemm ħassejt uġigħ kbir ġol-kranju ta' rasi, għajnejja jingħalqu u n-nifs ibattili, kont għadni qiegħda nisma' sew. Indunajt li dan il-mostru kien qed jinża' ċ-ċintorin! U ftit wara ħassejt il-piż ta' ġismu kollu fuq il-ġisem ċkejken tiegħi, bl- għadam dgħajjef tiegħi ifaqqa' għal dak il-piż kollu. Xammejt riħa stramba, qawwija, li dardritni aktar! Kienet tixbah xi ftit dik ir-riħa li kien ikun hemm fil-kċina meta ommi kienet tgħid li kienet tkun qiegħda ssajjar l-inbid. U dak il-ħin, għalkemm jiena kont kważi mitlufa għalkollox minn sensija, smajt daqqa qawwija, dan ir- raġel qam iħaffef minn fuqi, maħsub għall-aħħar, jgħajjat u jitqabad ma' xi ħadd. Ippruvajt niftaħ għajnejja. Bilmod. Kollox bilmod. Kont qiegħda nħossni dgħajfa wisq! Smajt leħen ta' xi ħadd ieħor li kien donnu qed jitqabad miegħu. "Ajjut!" ippruvajt ngħajjat, iżda leħni ma tanix. Tgħid kienet ġiet ommi? Tgħid din kienet ommi? Iżda ftit minuti wara, jew forsi aktar minn hekk, naf li konna qegħdin it-tnejn li aħna l-isptar. Jien u mara. It-tnejn li aħna maġenb xulxin. Jien ma kontx nafha. Jien bilkemm kont rajtha. Imma naħseb din il-mara kienet l-anġlu tiegħi. Naħseb din il-mara kienet salvatni minn dak il-mostru li ried jagħmel affarijiet koroh miegħi. Rajt raġel liebes kollox abjad dieħel fil-kamra maġenbna, iħares u jiflina t-tnejn li aħna. "Għandek xi ksur…" kien qed jgħidilha. Rajtha tagħmillu iva b'rasha, kemm kemm togħla ftit 'il fuq minn fuq l-imħadda li kellha rasha fuqha. "Lit-tifla tafha?" staqsieha, jersaq lejha u jiflilha xi daqqiet li kellha fil-ġenb ta' wiċċha. "Le ma nafhiex," qaltlu. U smajtha tibki. "Kont qiegħda passiġġata bil-kelb tiegħi… u rajtu… rajtu minn wara xi siġar. Għalkemm il-post fejn kien qiegħed, kien xi ftit imwarrab, rajtu jinża' ċ-ċintorin. Bla ma ridt, ħarsti marret fuqu. U rajt lit-tifla mixħuta mal-art, mitlufa minn sensiha!" "Dak li għamilt, ifisser ħafna. Skont il-pulizija, it-tifla kienet qiegħda fil- ġnien ma' ommha, li din malli indunat li t-tifla kienet allargat, bdiet tfittixha ma' kullimkien. Xħin rat li t-tifla kienet nieqsa, bdiet issaqsi lil kulħadd u ħadd ma kien raha! L-unika ħaġa li sabet mal-art, kien iċ-ċoff ir-roża li kienet liebsa t-tifla fix- xagħar!" qal it-tabib. "X'jisimha?" staqsietu din il-mara. "Jade." Ridt inkellimhom. Ridt ngħidilhom dak li kont rajt jien ukoll. Ippruvajt niftaħ ħalqi iżda ħassejtni għajjiena u ħlief ħanqa ma ħarġitlix. It-tabib ġie ħdejja. Beda jmellisli wiċċi u jidher konċernat. Ftit wara, kont qiegħda nħossni tajba. U Margaret, il-mara li kienet salvatni, kienu nfaxxawlha idha fil-ġibs għaliex kienet kisritha minħabba fija. It-tnejn li aħna, ħriġna mill-isptar, it-tnejn nimxu wara l-pulizija, li lili kien ser jeħodni biex nerġa' lura għand ommi. U lil Margaret sabiex tiltaqa' magħha wkoll. U forsi tgħidilha grazzi. Grazzi talli salvatli ħajti. Dħalna fil-karozza tal- pulizija, it-tnejn li aħna maġenb xulxin fis-sedil ta' wara. Ma kienx hemm għalfejn aktar informazzjoni. Il-pulizija telaq bina mill- ewwel lejn id-dar fejn kont ngħix. Kelli seba' mitt sena sakemm naraha! Ma flaħtx nistenna aktar! Il-pulizija pparkja l-karozza quddiem id-dar li trabbejt fiha, u ħareġ iħaffef sabiex idoqq il-qanpiena tal-bieb. Mingħajr ma qgħadna nistennew, jiena u Margaret ħriġna malajr warajh. Kont eċċitata ħafna! Min jaf kif kienet ser tilqagħni ommi? Il-pulizija baqa' hemm jistenna quddiem il-bieb. Smajt il-passi familjari tagħha ġejjin minn wara l-bieb u ersaqt eqreb ħalli nkun l-ewwel waħda li naraha. U fetħet. Fetħet il-bieb u baqgħet hemm tistenna, tħares lejn il-pulizija, biċ-ċoff tiegħi mdawwar ma' subgħajha ta' jdejha t-tnejn. Kellha xagħarha mħabbel u għajnejha t-tnejn minfuħin. Donnha lanqas kienet qiegħda tarana sew. Kellha rogħda kbira fuqha! "Din il-mara… din il-mara hija dik li sabitha!" qalilha l-pulizija. "Mamà…!" bdejt nipprova ngħajjat jiena, iżda leħni ma setax itini. Donni kont għadni maħnuqa. Rajt lil ommi tinfaqa' tibki, titgħannaq ma' Margaret, li nfexxet tibki hi wkoll. "Ippruvajt… ippruvajt insalvaha!" qaltilha Margaret, tolfoq kemm tiflaħ. "Imma laħaq qatilha!" "Jiddispjaċina," qal il- pulizija lil ommi. U dak il-ħin indunajt. Indunajt li ħadd minnhom ma kien qed jarani… Indunajt li jiena kont waħda minn eluf ta' tfal li jiġu molestati, abbużati u maqtula kull sena. Jien. Jien vittma. Jiena kont vittma bħalhom. U ommi qatt ma kienet ser terġa' tarani… Sharon Calleja It-tifla l-maħtufa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 March 2018