Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/960498
19 Il-Ħadd 01 ta' April 2018 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Puttinu u s-skiet tal-veri eroj Maltin LI dan il-pajjiż kollox jew kważi kollox jinbidel f 'ballun politiku. Hekk donnu se jiġri dwar il- maratona ta' ġbir ta' din is-sena ta' Puttinu hekk kif il-Prim Ministru ħabbar li €5 miljuni mill-fondi miġburin mill-bejgħ tal- passaporti se jmur għal din l-organizzazzjoni li tgħin tant nies. Din il-gazzetta tirrifjuta li tidħol fl-argumentazzjoni politika fuq Puttinu u fuq kull attività jew għaqda tal- karità. Moħħ għandkom u suppost biżżejjed sens biex tagħrfu biżżejjed bejn dak li hu ġenwin u le. Minn dan l-ispazju nixtiequ ngħidu grazzi, l-ewwel u qabel kollox lil dawk il-voluntiera kollha, li probabilment jgħoddu l-mijiet jekk mhux eluf, li ta' kull sena jaħdmu qatigħ biex isiru attivitajiet bħal dik tal-Ġimgħa l-Kbira u dik tal-Istrina, illi permezz tagħhom titqajjem tant kuxjenza dwar dawk li l-ħajja mhux dejjem tidħqilhom. Nixtiequ nuru l-apprezzament lil dawn, illi jqattgħu sigħat sħaħ jaħdmu biex jagħmlu l-ħajja ta' xi ħadd iktar faċli. Imma lil hinn minn dawk li jgħinu biex itellgħu attivitajiet annwali, dan l-editorjal jixtieq ifakkar lil dawk il-mijiet illi kuljum iqumu filgħodu u jmorru f 'dar, bħad-Dar tal-Providenza, f 'ċentru jew inkella fi djar privati u jgħinu lil nies jieklu, jinħaslu u jagħmlu dak kollu li għal ħafna oħrajn hija n-norma. Lil dawk il-membri tal-Kleru kollha li jmexxu ċentri illi jilqgħu tfal u anke adulti b'diżabilità u mingħajr daqq ta' trombi u ħafna drabi mingħajr interessi, jagħmlu l-vera differenza lil dawk fil-bżonn. Jiġina f 'moħħna qassis partikolari li huwa wkoll artikolist fuq din il-gazzetta, Dun Anġ Seychell. Għal min ma jafx dan il-bniedem li dejjem ħadem għaż-żgħir u għall- fqir fetaħ tlitt idjar illi fihom hemm madwar 28 resident b'diżabilità. F'dawn it-tlitt idjar fiż-Żejtun qed isir miraklu kuljum, għax kuljum persuni li għandhom sfidi serji qed jirnexxielhom jgħixu fil-komunità u jintegraw fil-komunità. Seychell bena wirt imprezzabbli li jfisser tama, fejn tama ma kienx hemm. Dan l-editorjal jixtieq ifakkar f 'dawk l-individwi kollha f 'Puttinu Cares illi ta' kuljum jitħabtu biex jgħinu lil nies bħal Sven (ara paġni 6 u 7) biex jikkumbattu t-tlajja', anke meta jkunu jidhru weqfin wisq. Nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha parti mill-Malta Hospice Movement, li ta' kuljum jipprovaw ikunu ta' spalla u ta' għajnuna għal dawk li jkollhom problemi ta' saħħa, ta' mobilità. Għal dawk kollha li jkunu jixtiequ jgħixu l-aħħar ftit minn ħajjithom f 'diċenza. Minn hawn nixtiequ nirringrazzjaw lil Leonid Mac Kay u lil dawk kollha li jaħdmu fil-Caritas, hekk kif ta' kuljum, ma' kull għodwa jaraw kif se jbiddlu falliment f 'suċċess, bniedem mikul b'vizzju għal bniedem mimli tama għall-futur. F'dinja fejn hawn tant passività u individwaliżmu, fejn il-kuxjenza tistrieħ għax darba fis-sena nagħtu €5, €10 jew inkella €5 miljuni (anke jekk dan minnu nnifsu huwa tajjeb) dawk li ta' kuljum qed jagħmlu l-mirakli mal- iżgħar fost ħutna huma teżor. Fi żmien fejn il-problema tiegħek, mhix tiegħi u meta min hu l-aqwa jħawwel, il-fatt li f 'Malta għad għandna min jagħti mill- ħin u mill-enerġija tiegħu lil ħaddieħor huwa ass, kbir. Aqwa minn kull flus u but mimli u ekonomija b'saħħitha, għax mingħajr dawn in-nies u l-għaqdiet pajjiżna jiftaqar, forsi mhux monetarjament, imma definittivament moralment. Għalhekk ilbieraħ il-pajjiż kellu jqum jirringrazzja l-ewwel u qabel kollox lil dawn l-eroj, qabel kull għotja ta' kwalunkwe politiku. Għalhekk qed niddedikaw editorjal għal dawn l-eroj. Ħalli nfakkru illi wara kull tbissima ta' tant pazjenti tal-kanċer, persuni bi problema ta' droga jew inkella familja li issa qed tgħix b'dinjità hemm armata siekta qed taħdem, il-ħin kollu, bla waqfien u b'determinazzjoni. Din il-gazzetta ssellmilkom. Editur: Albert Gauci Cunningham